‘Il-politika qiegħda f’demmna u jien irrid inkompli fit-triq tal-familja’ - Karl Engerer

‘Għandi ħolma li nsir Membru Parlamentari Ewropew u jekk ma jirnexxilix, nixtieq li nkun ambaxxatur għal Malta’

Karl Engerer, ta’ 35 u minn Tas-Sliema jaħdem f’Dar Malta bħala riċerkatur u analista finanzjarju.

Personalità qawwija bil-karattru ferrieħi tiegħu fejn fi Brussell sab ukoll l-imħabba, meta ltaqa’ mal-partner Taljan, Gulio li jaħdem mal-Kummissjoni Ewropea.

Il-karriera tiegħu bdiha bħala ġurnalist fejn kien jikteb l-intervisti għas-Sunday Circle u wara kien jaħdem ma’ aġenzija tal-programmi tal-Unjoni Ewropea, EUPA bħala kordinatur tal-kommunikazzjoni tagħhom fejn kienu jgħinu studenti, għalliema u NGOs biex jiksbu fondi mill-Ewropa. “Kien impjieg mill-aktar interessanti biex aktar żgħażagħ jinqatgħu mill-illitterariżmu.” Wara erba’ snin jaħdem fuq il-fondi fejn kien opinjonista fuq Xarabank u anke jgħin lil Simone Cini fuq il-programm ‘Ieqaf 20 Minuta’ u anke fuq TVAM u TVPM.

Sadanittant, Karl Engerer meta kien jara lil dawn l-istudenti jqattgħu żmien jistudjaw l-Ewropa, aktar kibret ix-xewqa tiegħu li jaħdem fl-istituzzjonijiet Ewropej. “Dejjem kienet ix-xewqa tiegħi li nirrapreżenta lil pajjiżi barra minn Malta speċjalment fi Brussell biex b’li nitgħallem, inkun nista’ ngħin lill gvern jagħmel policy għal pajjiżna.”

Irnexxielu jagħmel dan tliet snin ilu meta daħal jaħdem Dar Malta. “By hook or by crook, anke jekk kien hemm xi ntoppi qabel, irnexxieli niġi naħdem fi Brussell. Irrid ngħid li jien kwalifikat biżżejjed biex wasalt s’hawn.” Karl studja l-liġi għal erba’ snin, iggradwa wkoll fil-komunikazzjoni u għandu Masters fis-studji Ewropej u l-liġi Ewropea. “Għeni wkoll il-fatt li nitkellem ħames lingwi, l-Ingliż, il-Malti, il-Franċiż, it-Taljan u anke l-Ispanjol.”

Dwar ix-xogħol tiegħu f’dawn l-aħħar tliet snin, Engerer qal li l-esperjenzi tiegħu kienu kbar fejn f’dawn it-tliet snin kien hemm il-kwistjoni tal-Grexit u issa Brexit. Karl kien preżenti f’diversi laqgħat ma’ Christine Lagard li hi l-Managing Director tal-fond monetarju internazzjonali u din dejjem faħħret l-ekonomija ta’ Malta u l-mod kif naħdmu biex irpiljajna sew l-ekonomija tagħna, grazzi wkoll għall-ministru Edward Scicluna li hu teknokratiku aktar milli politiku. U meta narah jiddiskuti ma’ ministri mill-Ewropa kollha u dawn jaċċettaw l-ideat tiegħu f’dik li hi ekonomija, inkun ferm kburi għax inkun naf li anke jien kelli sehem fih.”

“Fil-permanenza ta’ Malta tgħallimt ħafna kif inkunu diplomatiku billi tgħallimt naħseb għaxar darbiet u nitkellem darba. Iffukajt ħafna fuq il-presidenza u l-mitejn persuna li aħna hawnhekk qed nirrapreżentaw lil pajjiżna u li nagħmlu se jkun rifless mhux bħala Karl Engerer, iżda għal Malta. Dak kollu li nagħmlu u ngħidu, hu rifless ta’ pajjiżna.”

Engerer qal ukoll li taħdem fi Brussell jogħġbu wkoll għax trid tilbes pulit kuljum, tqatta’ ħafna ħin ma’ kollegi li ġejjin mill-pajjiżi oħra Ewropej, “u din tgħinek tifhem ukoll il-kulturi u l-ekonomiji ta’ ħaddieħor.”

Ironikament, din l-intervista saret eżatt (nhar it-Tlieta 28 ta’ Marzu) meta l-Ingliżi ħabbru uffiċċjalment li se joħorġu mill-Ewropa. Karl hu persuna li bħalissa ffissa fuq din l-imbierka Brexit u jaqra kull ħaġa li tinkiteb dwarha biex ikun jista’ jibda l-istudji għal PhD fuq Brexit. “Nemmen li l-Ingliżi se jbatu wara li joħorġu mill-Ewropa. Isse se jibdew iħallsu d-dazju li aħna neħħejnieh għal kollox mid-dizzjunarju tagħna. Barra minn hekk, dawn iridu jħallsu d-djun tagħhom lejn l-Ewropa u dawn ifissru biljuni ta’ ewro. Interessanti kif se tiżviluppa din l-istorja. L-Ingliżi se jmoru ’l quddiem jew se jmorru lura? Personalment naħseb li l-Ingliżi għamlu żball kbir u se jiddispjaċihom.”

Karl jemmen li l-Ewropa kollha mhux se tħoss in-nuqqas tagħhom, “iżda Malta nemmen li iva. Għax aħna flimkien ma’ Ċipru niffurmaw parti mill-Commonwealth u 33% tal-ekonomija tagħna ġejja mill-Ingilterra speċjalment it-turiżmu li jiġi mill-Ingilterra, il-Maltin li jmorru l-Ingilterra u l-istudenti li jmorru jistudjaw l-Ingilterra. Iż-żgħażagħ Ingliżi se jbatu mingħajr il-proġetti tal-Erasmus li jiswewlhom miljuni kbar. Illum fil-fatt, Oxford University se tiftaħ f’pajjiż ieħor fl-Unjoni Ewropea biex tkun tista’ tkompli tilqa’ studenti mill-Erasmus. Barra minn dan, hemm il-biża’ li ir-Renju Unit jinqasam f’biċċiet. Jien nistaqsi...tgħid Charles DeGaulle kellu raġun li jirrifjuta lill-Ingliżi darbtejn milli jkunu parti mill-Unjoni Ewropea għax qatt ma kienu Ewropej?”

Jekk tibda titkellem dwar il-politika ta’ Brussell, Karl ma jieqaf qatt u għalhekk għażilt li nitkellem ftit miegħu dwar l-istil ta’ ħajja li sab fi Brussell, meta mqabbel ma’ Malta. “Brussell jinsab fiċ-ċentru tal-Ewropa. Hu ‘link’ li jgħaqqdek mal-Ewropa kollha, bejn ajruplani, tren u karozzi tista’ tmur fi ftit sigħat madwar l-Ewropa kollha. Jien inħobb l-antikitajiet u hemm post li jsejhulu ‘Sablon’ li fih hemm diversi ħwienet ħdejn xulxin, kollha ta’ regettiera. Issib diversi pitturi Spanjoli, għax hawn monarkija u ħafna min-nobbli qed jisparixxu u l-oġġetti li kellhom huma, issa ssibhom għall-bejgħ. Differenti li tgħix fil-kontinent milli fuq gżira. Hawn m’intix maqtugħ għalik. Barra hekk, hawn tgħix għalik u ma jindaħallek ħadd u ma jagħti kasek ħadd. Huma jgħixu ħajjithom u int iħalluk tgħix ħajtek. Din inħossha ħafna meta ninżel Malta għax kulħadd ħsiebu f’kulħadd.”

Karl Engerer qal li minn meta bdiet il-Presidenza ta’ Malta, ix-xogħol trippla u qed jistenna l-vaganzi tal-Għid biex jirrilassa ftit, u qal li se jqattagħhom fi Brussell meta ħafna mill-kollegi tiegħu se jqattgħuhom mal-familji tagħhom f’Malta. Qal ukoll li s-sodisfazzjon tiegħu se tkun li bħal sħabu kollha meta jaraw li l-‘files’ kollha li nfetħu, jingħalqu lejn tmiem il-presidenza. “Għandi ħafna ħbieb fil-Kummissjoni Ewropea li jiskantaw kemm konna kapaċi ntellgħu xogħol f’daqshekk qasir żmien.”

Karl Engerer qal ukoll li dan hu l-frott ta’ meta Malta kellha viżjoni li tidħol fl-Unjoni Ewropea u li l-Maltin ma jibqgħux Maltin iżda jsiru Ewropej. “U dawk li dak iż-żmien kienu studenti, illum qed iwasslu xogħolhom hawn fl-Ewropa. Aħna ġejjin minn kolonja u l-karattru tagħna hu li mhux ġellied iżda se jieħu dak li jrid. Aħna nies ħabrieka, ma rridux naqgħu għaċ-ċajt u ma rridux inwaqqgħu lil pajjiżna għaċ-ċajt, u dan hu s-sigriet tas-suċċess tagħna fil-presidenza.”

Karl għandu karattru maħbub minn kull ħaddiem f’Dar Malta u jara kif jagħmel biex idur dawra ma’ kull ħaddiem f’xi ħin jew ieħor u jgħaddi xi ċajta biex ikisser dik it-tensjoni ta’ xogħol qawwi li jeżisti f’dan iż-żmien. “Għandi karattru ‘bubbly’ iżda serju fl-istess ħin. Għax nemmen li ‘all work and no play makes Jack a dull boy’. Jien inżomm relazzjoni tajba anke barra l-uffiċċju u meta jkollna xi festin, kulħadd jistenna lili biex inqajjem l-atmosfera.”

Forsi hawn min ma jafx li Karl Engerer ġej minn familja politika u qiegħda f’demmu, tant li hu intiż ħafna fil-politika lokali wkoll, “jien tinteressani politika li wieħed jiġġieled il-‘policies’ u mhux l-persuna. Tiġġieled lil dak li jkun meta tmur fil-personali, għax m’għandek xejn xi tgħid fuqu iżjed. Din is-sentenza kienet tgħidha Margaret Thatcher. Tiġġieled il-politika bil-politika u mhux bil-ħajja personali. Barra minn hekk, il-politika nazzjonali għandha tiġi miġġielda fil-pajjiż u l-ħwejjeġ maħmuġin għandhom jinħaslu fid-dar u mhux barra. Kull oppożizzjoni qatt ma jaqblilha tieħu l-politika nazzjonali barra minn Malta għax xi darba jew oħra min qiegħed fl-oppożizzjoni llum se jkun fil-gvern għada u se jkollu jaffaċċja lin-nies tal-kummissjoni li ma jinbidlux.”

Karl fil-fatt jixtieq ħafna jinvolvi ruħu aktar fil-politika, “iżda meta nara politika partiġġjana bbażata fuq il-personal, ma rridx inkun parti minnha. Jekk tinbidel iva.” Il-bużnannu ta’ Karl kien il-Ministru u deputat Prim Ministru Giovanni Felice, zijuh kien Mario Felice li wkoll kien ministru tal-finanzi fil-ħdan il-Partit Nazzjonalista, missieru kien segretarju privat ta’ żewġ ministri Nazzjonalisti, Michael Frendo u Francis Zammit Dimech, kuġinuh li kien ambaxxatur għal Malta fi Franza, Dr Mark Miggiani u kuġinuh l-ieħor hu l-envoy speċjali tal-Prim Ministru Cyrus Engerer. Dan ifisser li l-politika u d-diplomazija qiegħdha fid-DNA ta’ Karl, “Biex nevita x-xena lokali, nixtieq noħroġ għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Nixtieq nagħmel politika Ewropea milli politika f’Malta. Nixtieq li l-Maltin jibdlu l-mentalità magħluqa tal-blu u l-aħmar. Jien ma naħdimx għal partit iżda għal pajjiż. Kull ħaddiem taċ-ċivil anke jekk għandu dritt jagħmel parti minn xi partit jew ieħor wara x-xogħol, irid jaħdem għall-gvern tal-ġurnata u jagħti l-aħjar tagħna.”

Karl temm l-intervista billi qal li wara l-presidenza se jmur vaganza twila lejn il-Kolumbja, u wara jixtieq jibqa’ Brussell , “u jekk ma jirnexxilix insir MPE, nixtieq li nsir ambaxxatur.”

 

 

More in Intervisti