‘Li kieku mort ftit minuti aktar tard, illum mejjet’

Kien kważi miet imma salvatu martu Cheryl, b'ħames xhur tqala... Lorenzo Vella sena wara l-attakki fi Brussell

Ritratt: Ray Attard
Ritratt: Ray Attard

“Kont qiegħed quddiem fil-kju biex indaħħal il-bagalji fiċ-check in. Kienu eżatt 07:58 meta smajt qisha speċi ta’ tfaqqiegħa, imbagħad widnejja ċedew u ma smajt xejn iżjed. Rajt speċi ta’ fjamma ħamra u safra tielgħa mil-lenti tan-nuċċali u ħassejt sħana ġejja minn xi mkien u riħ jimbuttak, tant li ħsibt li l-persuna ta’ warajja qed jimbuttani. F’daqqa waħda, fi frazzjoni ta’ sekonda ħassejt xi ħaġa kbira li laqtitni b’mod orizzontali f’dahri u sammritni mal-art. Sal-lum għadni ma nafx x’laqatni. Dak il-ħin tant ma nafx x’kien qed jiġri, li ppruvajt inqum ħalli nkompli ċ-check in, ma mmurx nitlef l-ajruplan u l-mara twaħħal fija. Iżda meta ppruvajt inqum, ħassejt uġigħ insopportabbli f’dahri u ma stajtx inċaqlaq saqajja x-xellugija. Hemmhekk kien l-ewwel darba li għaddieli l-ħsieb tal-mewt fejn għidt li jekk għandi mmut, aħjar immut malajr milli nħoss dan l-uġigħ kbir. Wara, marti qaltli li kont qed nibki u ngħajjat bl-uġigħ u jien lanqas naf.”

Ritratt: Ray Attard
Ritratt: Ray Attard

Kien it-22 ta’ Marzu tas-sena l-oħra, erba’ xhur qabel isir missier ta’ Elija, li Lorenzo u martu Cheryl iddeċidew li jagħmlu ‘babymoon’ fi New York. Fejn qatt basar li dak li kellu jkun vaganza speċjali lejn New York, l-aħħar waħda tagħhom bla wild se jispiċċa fi trawma kbira li ma jistax jeħles minnha qatt? “Il-fatt li moħħi dejjem jhewden bil-kliem, ‘li kieku mort ftit aktar kmieni kont niffrankaha u li mort minuti aktar tard kont nispiċċa biċċiet bħal kif spiċċaw dawk ta’ warajja.” Dejjem nhewden li kieku l-mara ma waqgħatilhiex il-bagalja u tbaxxiet biex tiġborha meta splodiet il-bomba, kieku forsi m’iniex missier ta’ Elija, għax Cheryl dakinhar kellha ħames xhur tqala. Li kieku hekk u li kieku mhux hekk. Kultant inħossni ħati li jien bqajt sħiħ u ħaddieħor anke jekk baqa’ ħaj, spiċċa bla saqajn jew bla jdejn u nistaqsi ‘għaliex jien?’”

‘Kien hemm membri tas-sigurtà jiċċekjaw il-biljetti biex jiżguraw li m’hemmx terroristi’

Lorenzo Vella ta’ 35 sena minn Raħal Ġdid hu miżżewweġ lil Cheryl Micallef Borg minn Naxxar u missier Elija li se jagħlaq 8 xhur.

“Iddeċidejna li nsiefru l-aħħar safra flimkien qabel ikollna tarbija u għażilna New York għax konna morna sentejn qabel u għoġbitna. Kellha tkun vaganza rilassanti fejn kellhom jiġu magħna wkoll grupp ta’ ħbieb tagħna li konna naħdmu Dar Malta, Cyrus Engerer, Randolph Debattista, Sarah u Godfrey u Joseph Vella. Konna bbukkjajna kollox anke r-ristoranti u x-shows fi Broadway li se mmorru naraw, għax dawn kienu ristoranti tajbin li ma jħallukx tmur bit-tfal, allura dik kienet l-uniku darba li stajna mmorru fihom.

 “Kien lejl twil għax Cheryl tippakkja fl-aħħar minuta u tħobb tippakkja ħafna affarijiet u lestejna xi t-3 am u qomna ftit sigħat wara biex inkomplu nippakkjaw l-aħħar affarijiet, u nħallu l-ikel għaż-żewġ qtates li għandna. Iċ-check in konna għamilnieh diġà online iżda billi kellna l-bagalji ridna nitfgħuhom u kellna mmmorru row 11, li kienet żona li s-soltu tkun ta’ ajruplani tat-tours organizzati, iżda għal dakinhar poġġewha għall-ajruplan tagħna.”

Smajt bħal tfaqqiegħa, widnejja nstaddu u ħassejt daqqa kbira minn wara li sabbtitni mal-art..riħ sħun qawwi u xammejt riħa ta ġigġifogu

Lorenzo qalilna li ironikament, qabel daħal fil-kju kien hemm membru tas-sigurtà jiċċekkja kull booking li kien hemm fi New York biex jiżguraw ruħhom li Lorenzo ma kienx xi terrorista. L-ironija hi li t-terroristi kienu diġà ma saqajhom u ma ndunawx bihom. “Il-ħin kien 07:54 qed nistennew li jgħajtulna għax konna fuq quddiem. Erba’ minuti wara splodiet l-ewwel bomba fejn it-terrorist li kien bejn 5 u 10 metri bogħod minna tefa’ l-bagalja bomba fi trolley fit-tielet filiera ta’ fejn kont jien.”

‘Indunajt li kien hemm xi ħaġa ħażina meta xammejt riħa ta’ ġigġifogu’

Lorenzo kompla bir-rakkont makabru tal-esperjenza tiegħu meta kien mal-art mingħajr ma kienx jaf x’qed jiġri eżatt. “Indunajt li kien hemm xi ħaġa ħażina meta xammejt ir-riħa taġ-ġigġifogu u bdew ġejjin karti maħruqa fuq xagħri u fuq xofftejja. Dak il-ħin, dort fuq il-mara rajtha kokka, ħarist biex nara jekk għandhiex xi dmija u għidtilha biex timtedd u tilgħabha ta’ mejta għax bżajt li t-terroristi issa jidħlu u jisparaw fuqna. Billi kellna widnejna misduda, erġajna smajna tfaqqiegħa żgħira u rajna l-iskrins ifaqqgħu u ħġieġ jinkiser u b’hekk indunajna li kien hemm bomba oħra. Mill-ewwel Cheryl qaltli li jaqblilna noħorġu ’l barra mit-terminal f’post sigur, iżda jien ma stajtx nimxi. Allura, Cheryl refgħetni u għenitni nimxi barra t-terminal u bdejna ngħaddu minn fuq in-nies. Min iwerżaq bl-uġigħ, oħrajn mitlufa min sensihom jew mejtin, u iġsma b’idejn jew saqajn imdendlin u diversi biċċiet mill-iġsma mtajrin mat-terminal. Rajna push chair li konna nafu li fiha qabel kien hemm tarbija ta’ 4 xhur u ċċekkjajna jekk kinitx għadha hemm, iżda fortunatament il-ġenituri kienu ħarġuha ’l barra. Għaddejna minn dak li darba kien bieb u niftakar li hemm rajt persuna bla saqajn mimli dmija. U kif wasalna fejn ix-Sheraton Hotel ma stajtx nimxi jew aħjar naqbeż iżjed u intfajt mal-art. Anke għax kont qed ninkwieta li Cheryl li fiha daqs nofsi u b’ħames xhur tqala ma setgħetx tkompli terfgħani.

‘Kieku mhux għal marti, fit-terminal bqajt’

“Nammira lil Cheryl li ġiet fuqi u qaltli, ‘Be strong’ u niftakar li ċemplet lil Cyrus u qaltlu biex iduru lura għax kien sar attakk terroristiku u huma kienu għadhom ma semgħu b’xejn. Ċemplet lill-ambaxxatur Ray Azzopardi li wkoll kien għadu ma jaf b’xejn u wara ċemplet lill-oħti li sar attentat u li jien imweġġa’. Oħti bdiet tippanikkja imma Cheryl ħatfitha mill-ewwel biex iżżomm sod. Li kieku ma kinitx hi, kieku kont nibqa’ fit-terminal għax dak il-ħin kulħadd ifittex kif se jaħrab hu kien qiegħed. Niftakar li sa ma ħarġitni hi, kulħadd jiġri u jaqbeż minn fuqna. Kulħadd isalva ġildu jrid. Niftakar li ċċekkjajt jekk il-partijiet kollha ta’ ġismi u ta’ marti kinux għadhom hemm. Dik ukoll trawma li spiċċajt niċċekkja għadnix sħiħ.”

Marti nqisha eroj li anke jekk b’ħames xhur tqala refgħetni u ħarġitni mit-terminal...nibqa’ nafhulha għomri kollu

Lorenzo qal li dak il-ħin tfaċċat mara li sal-lum għadu la jaf isimha u lanqas min kienet u waqfet tgħinu u ħadet ħsiebu, “sa ma Cheryl kompliet iċċempel u tgħajjat lill-pulizija biex ineħħu l-bagalji u lin-nies tal-emerġenza biex jiġu jiġbruni. Kienet qisha foreman tmexxi b’mod ħolistiku dak li kien qed jiġri madwarha. Sadanittant, il-mara li kienet qed tgħini kellha sleeping bag u għattietni għax jien tħallejt f’kesħa kbira mal-art għal siegħa sħiħa u bdejt inbati bil-hypothermia.”

Fl-aħħar, lil Lorenzo ġabruh u sab ruħu f’sala enormi, biex jiproċessaw eżatt x’kellu bżonn. “Waqt li kont hemm, erġajna rajna suldati jiġru bil-pistoli u jien bżajt li ġejjin jattakkawna u tlabt lil Cheryl biex terġa’ terfgħani u teħodni f’post sigur, għax la salvajt sa dak il-ħin ma ridtx immut. Cheryl irnexxielha twassalni sa wara skipp kbir tal-ħadid.”

Billi fl-istess waqt sar attakk fl-istazzjon Maelbeek, ambulanzi ma kienx hemm u għalhekk ittieħdu l-isptar militari f’karozza tal-linja. “Kif wasalt hemm u rajt it-tobba u n-nurses li kienu tal-militar armati, infqajt nolfoq għax sa fl-aħħar ħassejtni ‘safe’. Poġġewna f’sala enormi b’sodod ħdejn xulxin. Għamluli CT scan u sabu li kelli ksur fi tliet vertebrae l-L1, l-L2 u l-L3. Tawni l-morfina biex ma nħossx l-uġigħ iżda qaluli wkoll li fortunatament mhux se nibqa’ paralizzat, iżda se nibqa’ nħoss l-uġigħ tagħhom għal diversi snin qabel ifiequ għal kollox. Fl-istess waqt, Cheryl marret it-toilet u rat xi demm u ppanikkjat. Iċċekkjawha u sabu li hi kienet kollox sew, għalkemm fuq it-tarbija ftit jew xejn interessahom għax l-importanti għalihom kienet l-omm.”

‘Erba’ xhur wara, twieled Elija...’

Minn hemm, b’ambulanza ttieħdu l-isptar ta’ Aalst fejn Lorenzo qatta’ jumejn fl-ITU għax beżgħu li seta’ kellu xi internal bleeding wara li sabu li kellu wkoll tbenġila kbira fil-pulmun. “Kull kwarta kienu jiġu biex jaraw għadnix ħaj filwaqt li lil Cheryl poġġewha erbat ijiem fil-maternity ward. Wara erbat ijiem, irilaxxawna.”

Lorenzo qal li kienet esperjenza tat-tkexkix li biddlitilhom ħajjithom għalkemm qal ukoll li sab solidarjetà kbira mill-ħbieb, speċjalment mis-segretarju parlamentari Ian Borg li hu wkoll ħabib personali tiegħu. “Minn x’ħin kont mal-art sa ma wasalt l-isptar ma waqafx iċempilli u jkellimni u jagħmilli kuraġġ.”

Erba’ xhur wara, twieled Elija, “l-aktar li kont ninkwieta kien li jista’ jkollu problemi bis-smigħ billi hu kien f’ġuf ommu meta seħħet l-isplużjoni. S’issa ma jidhirx li hu l-każ, anke jekk għadna m’aħniex ċerti għax għadu ċkejken wisq biex inkunu nafu sa meta jibda jikkomunika sew.”

‘Kulħadd iħares lejn il-ħsara fiżika fi traġedji bħal dawn u ħadd ma jaħseb fil-ħsara psikoloġika li trid tgħix biha’

Ta’ min ikun jaf li fl-ajruport dakinhar kien hemm mas-17-il vittma li tilfu ħajjithom u 14 minnhom kienu wara Lorenzo u Cheryl. “Ta warajja eżatt, weġġa’ f’dahru bħali u ħaraq wiċċu, u ta’ warajh salva iżda martu mietet. U hawn terġa’ tiftakar li kieku wasalt ftit minuti tard aħna konna nkunu flok dak li tilef lil martu u li kieku wasal minuta kmieni hu, kieku martu għadha ħajja. “‘What if?’...ħsieb li kultant iġenninni.”

Sena wara, Lorenzo jidher li m’għandu l-ebda problemi fiżikament, “Kulħadd iħares lejn il-ħsara fiżika fi traġedji bħal dawn u ħadd ma jaħseb fil-ħsara mentali, fil-ħsara psikoloġika li trid tgħix biha. Jien għadni għaddej bit-terapija psikoloġika fejn ġejt ‘diagnosed’ bil-‘post traumatic disorder’ li jbatu biha s-suldati wara li jirritornaw mill-gwerra. Kontinwament għandi ‘flashbacks’ ta’ dak li ġara. Ġieli nkun miexi fit-trieq u jiġu l-flashes. Inbati minn over diligence li bażikament jekk timxi fit-triq, ngħejja għaliex irrid nara kull min ġej, min hemm warajja, min hemm maġenbi u min hemm quddiemi. U ma nafx għalfejn nagħmel hekk, għax terrorista jista’ jkun ta’ kull kulur u kull razza, iżda int dejjem trid tħossok sigur fit-triq. U għadni għaddej bit-terapija. Meta jkun hemm attentat bħal ta’ Londra, jerġa’ jitfgħek lura għal dak il-mument. Attakk li affetwani ħafna kien l-attakk fl-ajruport tat-Turkija li tefgħani fil-punt tat-tluq.”

Hu fattur ukoll li sew Lorenzo kif ukoll Cheryl naqqsu ħafna milli jiġu Malta għax huma jkollhom bżonn psikologu magħhom sa ma jirkbu l-ajruplan, “waqt iċ-check in, nagħti dahri lejn il-bank u n-nies ta’ quddiemi jiċċassaw lejja għax nagħti dahri lejn id-desk waqt li ħdejja jkun hemm persuna li jkollha miktub b’ittri kbar ‘PSIKOLOGU’. Imma nkun irrid nara jekk hemmx xi ħadd se jagħmel xi bomba.”

‘Ma tistax tittimbra komunità sħiħa bħala terroristi minħabba erba’ mġienen’

Staqsejtu wkoll kif iħares lejn l-komunità Għarbija fi Brussell, ‘l-estremiżmu dejjem ħażin u trid tagħmel distinzjoni bejnhom u bejn il-komunità Musulmana li hawn il-Belġju għax huma, anke Musulmani qatlu fl-attakk terroristiku li wettqu. Ma tistax tittimbra komunità sħiħa bħala terroristi minħabba erba’ mġienen li interpretaw il-kelma tal-profeta tagħhom b’mod fundementalist.”

Lorenzo rrakkonta wkoll kif tlett ijiem ilu kien hemm kommemorazzjoni ta’ dan l-attakk terroristiku u ħalla l-karozza tiegħu l-ajruport fejn qabad taxi biex imur għaliha. Fi Brussell, kważi x-xufiera tat-taxis kollha huma Marokkini u s-sewwieq staqsieh x’sejjer jagħmel l-ajruport u meta qallu li hu kien wieħed mill-vittmi, dan beda jiskuża ruħu f’isem il-Musulmani kollha.

Lorenzo qal ukoll li minn dak iż-żmien, huma ma baqgħux jużaw il-metro għax dak li sploda Maelbeek kien l-istess wieħed li hu kien juża biex imur ix-xogħol meta kien jaħdem mal-Kummissjoni Ewropea u kultant, kienet tużah anke Cheryl.

Staqsejtu jekk il-fatt li qed jirrakonta l-istorja hux qed tiftaħlu l-ferita, “le, jien anzi nħossha terapewtika li nitkellem fuqha għall-kuntrarju tal-mara tiegħi, għax l-ebda żewġ persuni ma jesperjenzaw l-istess ħaġa bl-istess mod. Il-mara ddeċidiet li ma titkellimx fuq din l-esperjenza, almenu s’issa.”

‘Fit-terroriżmu stajt nara l-ġmiel tal-umanità’

Lorenzo ħass li kellu jagħmel eloġju lil martu fejn qal li hu ħabbha għax minn dejjem kienet mara ta’ kuraġġ u ta’ karattru sod. “F’mument bħal dak, nibqa’ nafhulha ħajjitha kollha għax qatt ma ssopponejt li se tagħmel dak li għamlet miegħi. Qatt m’għidtilha iżda għalija Cheryl hi eroj li ħadd ma jsemmi, bil-mod kif bdiet tireaġixxi dakinhar. Bħal dik il-mara li ħadet ħsiebi u ħadd ma jaf min hi. Fit-terroriżmu stajt nara l-ġmiel tal-umanità bħal dawn li ħadu ħsiebi u oħrajn li ħadu ħsieb lil ħaddieħor.”

Lorenzo temm l-intervista billi qal li ibnu tah sinnifikat ġdid għall-ħajja, “għax wara attakk terroristiku, il-perspettiva tiegħek lejn il-ħajja tinbidel u tibda tibża’ għax jien ma ridtx dinja bħal din biex inġib lil ibni fiha. Meta nħares lejn it-tifel, jagħtini perspettiva pożittiva tal-ħajja u rrid intellgħu b’valuri sodi li jaċċetta d-diversità u li ma jaqax għan-nasba tal-estremisti. Nemmen li s-soluzzjoni hi l-integrazzjoni u mhux il-ghettos. Illum kull meta narah, ngħożż kull minuta li nqatta’ miegħu u meta nkun ħiereġ mid-dar, inbusu u ngħannqu daqslikieku se nbusu u ngħannqu l-aħħar darba għax daqshekk kont viċin il-mewt. Għax f’inċidenti bħal dawn, tibda taħseb x’kienu l-aħħar kliem li għidt lil marti, lil missieri, lil ħuti jew lil ommi. Tibda tgħożż kull mument.” 

More in Intervisti