Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

‘L-AD għandha tikkunsidra koalizzjoni mal-PN u mal-partit ta’ Marlene’

' bħalissa suppost huwa l-mument li fih ikollok ‘nixxiegħa’ kontinwa ta’ voti sejrin għand il-partiti iż-żgħar. Dan ma jidhirx li qed jiġri. Għalfejn?' jistaqsi Briguglio

Albert Gauci Cunningham / 19 ta' Marzu 2017 11:00
Bħalissa huwa kważi meħud bħala fatt li teżisti ċerta apatija u saħansitra diżillużjoni fost settur kbir ta’ votanti, għalkemm dan beda jonqos hekk kif beda tiela’ d-deni elettorali. Settur ta’ nies qed iħossu li xebgħu mill-politiċi u miż-żewġ partiti ewlenin. Il-loġika lili tgħidli li bħalissa suppost huwa l-mument li fih ikollok ‘nixxiegħa’ kontinwa ta’ voti sejrin għand il-partiti iż-żgħar. Dan ma jidhirx li qed jiġri. Għalfejn? “Jekk wieħed jieħu elezzjonijiet talpassat, isib li ġeneralment ikun hemm xejra favur il-partiti il-kbar,” jibda jwieġeb Michael Briguglio f’intervista mal-gazzetta ILLUM. “Hemm raġunijiet diversi għal dan, fosthom il-kunċett tal-‘vot moħli’. Faxxa ta’ nies jistgħu jaqblu ma’ partit żgħir, imma jibżgħu li l-vot jinħela u għalhekk, jgħin lill-partit li ma jkunux iridu fil-Gvern. Ma tagħtix tort nies jaħsbu hekk...” “Imma hemm mod kif tista’ tegħleb dan,” jibda jipproponi Briguglio malILLUM, “persuna tista’ tagħti n-numru wieħed lill-partit kbir li tixtieq li jkun fil-Gvern jew biex il-partit l-ieħor ma jkunx, imbagħad tkompli fuq partiti ż-żgħar.” Mistoqsi jekk hux beħsiebu jagħmel hekk hu nnifsu, Briguglio dlonk saħaq li hu jappartjeni għall-Alternattiva Demokratika u kompla jispjega li mod ieħor kif tkun megħluba l-biża’ hija billi l-partiti ż-żgħar jesploraw il-possibbiltajiet ta’ koalizzjoni. “B’hekk il-vot ma jinħeliex għax in-‘numru 2’ ikompli fuq il-membri tal-koalizzjoni, għalhekk jispiċċa l-kunċett tal-vot moħli.”

‘L-AD m’għandhiex teskludi koalizzjoni’

L-ILLUM tfakkar li bħalissa suppost għaddejja diskussjoni għal koalizzjoni bejn Marlene Farrugia u l-PN. Imma hemm l-AD ukoll. Wasal iż-żmien li l-AD tidħol f’koalizzjoni wkoll? Briguglio, li kien imexxi lill-istess partit għal erba’ snin, iħoss li “l-AD m’għandha teskludi xejn, inkluż li tinnegozja l-possibbiltà ta’ koalizzjoni. Vera, li hemm riskji,” jammetti Briguglio probabbilment konxju li mhux kulħadd fl-AD huwa eċitat bi prospetti ta’ żwieġ politiku, “fosthom riskji ta’ identità, riskju li partit żgħir jinbela, imma mhux kollox fih ir-riskji? Ma jirriskja xejn min ma jagħmel xejn,” jgħid Briguglio li jisħaq li f’dan il-każ, l-AD għandha tikkunsidra kemm irriskji kif ukoll l-opportunitajiet li toffri koalizzjoni.  Huwa jgħid li diskussjonijiet dwar koalizzjoni saru qabel u kien hemm mumenti wkoll fejn irriskju ħadem kontra l-AD, fosthom isemmi l-mument meta l-PN kien ta direttiva fl-elezzjoni tal-2003 biex inNazzjonalisti ma jagħtux duwijiet lillAD. “Mhux qed ngħid li l-AD għandha tagħmel koalizzjoni, qed ngħid li għandha tikkunsidraha.”

Intervista sħiħa fuq il-ħarġa tal-ILLUM 

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook