‘Lesti naqblu ma’ armata Ewropea iżda qatt ma nistgħu nkunu parti minnha’– Louis Grech

‘Għal mistoqsija dwar jekk ir-refuġjati għandhomx ikunu ‘screened’ qabel jidħlu fl-Ewropa, weġibt li l-uniku għażla tagħna hi nsalvawhomx jew le’

Louis Grech jemmen li Brexit, l-elezzjonijiet fl-Ewropa u l-kwistjoni Trump se jkunu prijoritajiet oħra    Ritratt: Ray Attard
Louis Grech jemmen li Brexit, l-elezzjonijiet fl-Ewropa u l-kwistjoni Trump se jkunu prijoritajiet oħra Ritratt: Ray Attard

Waqt il-preżentazzjoni tal-prijoritajiet, Gyorgy Schopflin membru Ungeriż tal-PPE staqsa lill-Ministru Grech jekk Malta hux se tmexxi l-idea li l-Ewropa jkollha armata tagħha mibnija b’suldati minn kull stat. Din il-mistoqsija, Grech ma weġibx għaliha meta kien fis-sedja iżda fil-kummenti mal-ILLUM, tlabnieh jagħtina risposta għaliha. Louis Grech bħal dejjem simpatiku u miftuħ beraħ biex iwieġeb mingħajr wisq aġenda moħbija qalilna hekk, “Hemm membri li jistaqsu jew jagħmlu pressjoni fuq suġġetti li jinteressaw il-familja politika li jkunu ġejjin minnha. Hemm oħrajn li jmexxu l-aġenda tal-Parlament bħal f’dan il-każ fejn il-membru ta’ dan il-kumitat jemmen li l-Ewropa trid iżżid is-saħħa u l-kompetenza tal-Parlament Ewropew.

“Id-difiża, għal ħafna Ewropej tfisser ħafna, iżda għalina ma tfisser xejn għax aħna marbutin mal-Kostituzzjoni tal-pajjiż li tgħid li ma nistgħux nieħdu sehem f’din l-armata u fl-ebda armata oħra li mhux tagħna. Aħna għamilnieha ċara li aħna mhux se nkunu kontra din l-idea, iżda tant għadha ’l bogħod, li ħassejt li l-mistoqsija kienet waħda ipotetika u għalhekk ma rrispondejtux. Għad tiġi ’l quddiem, iżda mhux immedjatament.”

Louis Grech qal ukoll li kellu reazzjonijiet pożittivi fuq il-prijoritajiet ta’ Malta, mhux biss mill-Parlament Ewropew iżda mit-tliet istituzzjonijiet Ewropej. “Għandna Presidenza ffukata li tindirizza kwistjonijiet li jinteressaw liċ-ċittadini Ewropej. L-għanijiet tagħna huma fuq kollox li nirbħu lura l-fiduċja taċ-ċittadin fl-Ewropa. Irridu nagħfsu ħafna fuq iż-żgħażagħ għax dawn huma l-aktar faxxa li għadha temmen fil-proġett Ewropa.”

“Louis Grech qal li l-Presidenza Maltija għandha l-aġenda strateġika tal-Unjoni bħas-suq uniku, dak diġitali u l-immigrazzjoni fost oħrajn. “Issa hemm oħrajn li ma jagħmlux parti mid-dossier bħal Brexit, l-elezzjonijiet li se jkollna fl-Ewropa tal-Olanda, Franza u l-Ġermanja u rridu naraw ukoll kif se tiżviluppa r-relazzjoni bejn l-Ewropa u l-Istati Uniti. Dawn mhumiex parti mid-dossier iżda dawn huma fundamentali għall-futur tal-Ewropa. Allura l-Presidenza tagħna diġà poġġiet li l-akbar prijorità trid tkun il-futur tal-Ewropa. Aħna diġà ssettjajna l-aġenda fejn jidħol il-futur tal-Ewropa, u qed nippruvaw nagħtuha struttura u jekk jirnexxielna nimmobbilizzaw din l-inizjattiva u nagħtu ħafna enerġija għaliha, allura dik il-parti tkun fundamentali għar-riflessjoni tal-Presidenza tagħna.”

Mistoqsi jagħti l-opinjoni tiegħu dwar id-deċiżjoni ta’ Trump li laqtet lil Malta billi mhux se jkunu qed jieħdu iżjed refuġjati fl-Istati Uniti, il-ministru Grech qal li apparti min-numru li kien jieħu minn Malta, “hu l-kunċett li jinkwetani. Mhux kunċett faċli li wieħed jaċċettah meta wieħed ikejjel b’valuri, għax daħlu elementi mhux normali. Ma rridux naraw kif u kemm se jaffettwa lilna jew lill-Ewropa, iżda dwar il-linja li se tieħu l-Ewropa u l-linja li trid tieħu l-istati uniti fuq ix-xenofobija u n-nazzjonaliżmu estrem. Dawn huma prinċipji kbar ta’ kwalunkwe filosofija tal-Ewropa u tal-Istati Uniti.”

Grech temm jgħid li hemm membri parlamentari li staqsewh jekk Malta temminx li l-Ewropa għandhiex taħdem biex ir-refuġjati jerġgħu jsibu x-xogħol u saqajhom fis-Sirja u jekk dawn għandhomx jiġu ‘screened’ qabel jidħlu fl-Ewropa, “L-unika għażla tagħna hi waħda jew insalvawhomx mill-mewt jew le,” kienet ir-risposta ta’ Louis Grech. Risposta li fiha ħafna x’wieħed jomgħod.

 

 

More in Intervisti