Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

‘Mhu se nirtira qatt inkun attur u ottimist’

Hector Bruno jistqarr li dam ħafna jaħsibha jekk għandux jitkellem dwar il-problemi li kien għaddej minnhom

Veronica Lynn Mizzi / 27 ta' Diċembru 2016 17:13
Hector Bruno | ritratt: Chris Mangion
B’nuqqas mill-palk u mix-xena teatrali għal diversi snin issa, l-attur ferm maħbub, Hector Bruno qed jikkunsidra li fiż-żmien li ġej, jagħmel ir-ritorn tiegħu. Fl-aħħar parti tal-intervista mal-gazzetta ILLUM,għall-mistoqsija jekk hux se jkun qed jirtira, Hector Bruno l-attur u l-komiku, u jwieġeb li “dak ma jmur qatt minn ġo fik.” Jispjega li anke f’mumenti koroh,  “anke fl-iktar mumenti diffiċli, bniedem li jkun it-tip tiegħi, naħseb li dejjem jipprova joħroġ bin-naħa pożittiva tas-sitwazzjoni.” Dan minkejja l-problemi u d-diffikultajiet li jkun għaddej minnhom, għaliex kif jinsisti Bruno, mhux lakemm in-nies tarak tidħak u ddaħħak. Fil-fatt, Bruno jgħid kif, “bħall-pagliaccio, dak il-buffu li bid-dmugħ li jibki, ineħħi l-irtokk.”

Bruno jkompli jistqarr li għamel żewġ pantomimi waqt li għaddej bl-agħar ħinijiet tad-dipressjoni li kienet ħakmitu, waqt li jgħid kif in-nies ma jindunawx b’dan, u ħadd ma jinduna.

‘Għadni ngħix għax jirnexxieli nikkomunika man-nies’

Fl-edizzjoni ta’ din is-sena tal-pantomima fl-Istitut Kattoliku, għalkemm ma ħax sehem fuq il-palk, Hector Bruno kellu parti minima permezz ta’ filmat. Dan ġie b’sorpriża għal ħafna, u r-reazzjoni kienet waħda pożittiva mmens, b’ċapċipa bla waqfien li kważi kważi kienet l-ikbar waħda tas-serata. Xi jħoss Bruno meta jara li wara tant snin, in-nies għadha tħobbu daqstant? “Għalija huwa rigal kbir. Il-mod kif jirrispondu n-nies għal dak li nagħmel, għalija huwa rigal.”

Bruno jkompli jgħid kif huwa l-unur u l-pjaċir tiegħu li jisma’ dan, u li għadu maħbub mill-udjenzi u jistqarr kif iħoss li l-komunikazzjoni mal-udjenzi kienet dejjem kruċjali. “Naħseb li ngħix u għad għandi s-saħħa għaliex b’xi mod għad għandi l-kapaċità li nikkomunika man-nies. Dak huwa s-sigriet ta’ ħajti – billi nagħmel il-mudelli tal-knejjes, u nagħmel il-wirjiet fiha, u nagħmel it-teatru, billi kont sindku jew involut fil-festi, kull ħaġa li nagħmel, l-importanti li jien qiegħed nikkomunika, u mhux jiġifieri li nitkellem jien biss, imma li tisma’ lin-nies tirreaġixxi għal dak li qed tagħmel, mhux biss pożittivament.”

‘Xogħlok isir li ddaħħak...tispiċċa tagħmlu daqslikieku xogħol ieħor’

Persuna li tkun għaddejja minn xi mument iebes fil-ħajja tagħha, kapaċi ssibha diffiċli biex tidħaq, jew tingħaqad f’mument ta’ ċajta. Agħar minn hekk, meta din il-persuna, ikun prattikament xogħolha li ddaħħaq u tagħti spettaklu lin-nies. Dan, Hector Bruno jafu sew għaliex kif jistqarr hu stess, għamel prattikament żewġ pantomimi u għadd ta’ programmi fuq it-televiżjoni waqt li kien qed jikkumbatti mad-dipressjoni. Għaldaqstant, il-mistoqsija tiġi waħedha: kemm huwa diffiċli għal persuna li tkun għaddejja minn perjodu mhux faċli, sabiex tkompli bil-ħidma tagħha u tipprova ddaħħaq in-nies u tipprovdi spettaklu. “Forsi mhux suppost ngħidha, imma tant kemm dan isir ix-xogħol tiegħek, u tagħmlu daqslikieku qed tagħmel xogħol ieħor. Naturalment, huwa iktar diffiċli li tipprova ddaħħaq għax diġà mhux faċli biex iddaħħaq f’sitwazzjoni normali, aħseb u ara meta tkun f’pożizzjoni ta’ dwejjaq u stress qawwi,” jgħid Bruno, waqt li jsostni li huwa iktar faċli sabiex tagħmel parti serja milli parti komika.

‘Domt ħafna newdhen jekk għandix nitkellem fuq il-problemi tiegħi’

Meta persuna komuni jkollha problema, wkoll issibha diffiċli sabiex titkellem dwarha u tesrpimi ruħha, iżda dan jidher iktar u iktar meta l-persuna bi problema tkun persuna magħrufa, u maħbuba mill-pubbliku. Fil-fatt, din il-gazzetta staqsiet lil Bruno kemm iħoss li kienet diffiċli li jitkellem u jirrakonta dwar il-problemi tiegħu fil-pubbliku. Jistqarr li kien sabha diffiċli, u dam itella’ u jniżżel jekk għandux fil-fatt jitkellem fil-pubbliku dwar il-problemi tiegħu. “In-nies jafu min jien, imma jien għandi għalfejn niddikjara fil-pubbliku li għaddej minn problema? Għandi għalfejn nagħti din l-ispjegazzjoni lill-pubbliku,” jistaqsi Hector, waqt li jsostni li, “m’għandix dritt nimrad jien?” Minbarra dan iżda, jgħid kif anke għalih u bħala parti mill-kura, ħass li l-fatt li kien tkellem, kienet għenitu, “flimkien mal-mediċina, li titkellem fuq il-problema tiegħek, hija parti kbira mill-fejqan.” Jistqarr ukoll li parti mir-raġuni għalfejn ħass li għandu jitkellem, kienet propju sabiex jiċċara ċertu affarijiet u qlajjiet li ħass li kienu qed jinqalgħu minħabba li ma kienx għadu jidher fix-xena pubblika, “minħabba li kont nieqes għal kollox, in-nies tistaqsi x’sar minnu, u ridt nitkellem biex naqta’ anke xi impressjonijiet li ma kinux vera li kien qed jingħad dwari, u ddeċidejt li għandi nitkellem.”

Minkejja dan, jitkellem dwar il-fatt li kienu tkellmu dwar il-problemi ta’ saħħa li kienu għaddejjin minnhom ukoll numru ta’ politikanti fl-istess perjodu tal-problemi tiegħu, fosthom Godfrey Farrugia, Beppe Fenech Adami u Mario DeMarco, li jsostni li tawh il-kuraġġ biex anke hu jitkellem dwar dak li kien għaddej minnu. Eventwalment, wara li tkellem, iħoss li għamel xi ħaġa pożittiva ħafna għax, “wara li kont tkellimt dwar l-esperjenza tiegħi fuq Xarabank, kien hemm ħafna nies li kellmuni u qaluli kif kont b’xi mod għenthom sabiex anke huma jfittxu l-għajnuna u jitkellmu dwar is-sitwazzjoni tagħhom.”

‘Il-Milied jamplifika l-problemi ta’ min ikun qed ibati’

“Il-Milied hi xi ħaġa sabiħa,” jibda jirrispondi Hector hekk kif mistoqsi xi jfisser għalih. “Okkażjoni li tgħaqqad il-familja u nieħu pjaċir inqattagħha magħhom,” ikompli jgħid filwaqt li jfakkar kif, “sfortunatament, il-Milied huwa wieħed mill-iktar ġranet li min ikun għaddej minn xi problemi, jamplifikalhom dawn il-problemi, dan is-solitudni u dan id-dwejjaq. U forsi mhux dejjem naħsbu fiha biżżejjed. Vera li nagħmlu l-ġabriet u s-solidarjetà, imma mhux dejjem naħsbu kemm vera fil-Milied ikun hawn min qed ibati.”

Ikompli jitkellem dwar id-diffikultà ta’ diversi persuni f’dawn iż-żminijiet u kemm il-problemi donnhom jidhru ikbar f’dan iż-żmien, “fosthom lili wkoll personalment.” Iżid jgħid li jum il-Milied iqattgħu mal-familja, u jipprova jaħtaf l-opportunità f’dan il-jum biex ikun mal-familja kollha, hekk kif jistqarr li ma tantx għadu jkollu opportunitajiet biex jiltaqa’ mal-familja kollha wara l-mewt tal-papà tiegħu sentejn ilu, u anke minn mindu ommu tinsab rikoverata f’dar għall-anzjani.

Illum il-ġurnata...

“La tkun qabditek darba d-dipressjoni, jkun hemm iktar ċans li terġa’ taqbdek, u jkun hemm ħafna affarijiet li jaffetwaw dan, u ħafna drabi ma jgħinukx,” jirrispondi Bruno meta mistoqsi dwar is-sitwazzjoni tiegħu  llum il-ġurnata. Iżid jgħid li jkun verament fieq mid-dipressjoni xi ħadd, “meta tiġik lura l-kapaċità, mhux li ma jaqbdukx dwejjaq, imma li tkun kapaċi taffrontahom.” Jitkellem kif tgħin ħafna li jirnexxielek tibni sistema fik innifsek li tagħraf tiddistakka problema minn oħra, u l-problemi ma tħallihomx jakkumulaw, “għax hemmhekk ikun il-punt fejn tiżbroffa.”

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook