Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

‘Fil-futur, lest li nerġa’ nkabbar is-sehem tiegħi fit-teatru’

F'intervista mal-ILLUM, hector Bruno jitkellem dwar l-isfidi li affaċċja kemm fil-preżent u anke fil-ħajja bieżla tad-dama fil-Milied

Veronica Lynn Mizzi / 24 ta' Diċembru 2016 13:24
Hector Bruno fil-parti tad-Dama Ziggie Lulu
‘Meta kont id-dama, kien ikolli ngħid addio għall-Milied’

Din is-sena bħalma ġara għal dawn l-aħħar ftit snin, Hector Bruno mhux se jkun qed jieħu sehem fil-pantomima tal-Milied. Wara snin twal ikun fil-parti prinċipali bħala d-dama tal-pantomima u għal numru ta’ snin kien anke l-awtur tagħha, kif se jkun differenti dan għal Bruno? F'intervista ma' din il-gazzetta, jistqarr li żgur se jkun inqas impenjattiv, “jekk inħares lejh mil-lat ta’ taħbit u xogħol, jien ħadt ir-ruħ li waqaft, għax wara 15-il sena wara xulxin, tagħmel tagħha. Speċjalment jekk inkun ktibtha jien u ddiriġejtha minbarra li kont id-dama, għax din kienet tkun biċċa xogħol iebsa li l-preparazzjoni għaliha kienet tibda minn ħafna qabel. Minkejja dan, dejjem irnexxieli nkampa mas-sitwazzoni, imma kelli ngħid addio għall-Milied, għax waqt li kulħadd ikun qed iħejji u jipprepara għall-Milied, int tkun imsakkar fit-teatru.” B’daħka Bruno saħansitra jirrakonta dwar id-drabi li spiċċa jorqod fit-teatru meta kien ikollhom żewġ spettakli f’ġurnata.

Minbarra l-impenn kbir li wieħed jeħtieġ ikollu sabiex jieħu sehem f’pantomima u jiddedika tant ħin għaliha, hemm ukoll is-sodisfazzjon. Hector Bruno għandu sodisfazzjon ikbar relatat mal-pantomima,u jgħid kif, “għandi sodisfazzjon kbir li l-pantomima f’Malta rnexxieli ngħin biex nagħmluha aktar aċċessibbli għall-Maltin kollha u dawk li forsi ma jeġdux gost jisimgħuha bl-Ingliż.” Dan għaliex il-pantomima fl-Istitut Kattoliku kienet l-ewwel waħda li saret bil-Malti, u li saret fuq skala nazzjonali. “Inħoss li hija waħda mill-milestones tal-karriera personali tiegħi.” 

‘Fil-futur, lest li nerġa’ nkabbar is-sehem tiegħi fit-teatru’

Kien f’dan il-mument meta Bruno beda jitkellem dwar il-kritika tan-nies, fejn sostna li jekk din tkun pożittiva, huwa tajjeb li tkun qed tintogħġob min-nies, imma jekk hi negattiva, jiġifieri hemm lok fejn titjieb. Hawnhekk, jiżvela li għalkemm kien hemm assenza min-naħa tiegħu fejn jidħlu dehriet fuq it-televiżjoni jew fuq il-palk, “ma neskludix li jekk inħossni aħjar, nagħmel anke xi ħaġa ikbar mis-sehem żgħir li kelli fil-pantomima ta’ din is-sena.” Dan jiġi wara li ftit tax-xhur ilu, fuq il-programm Xarabank, kien wera x-xewqa li jagħmel ir-ritorn tiegħu fix-xena tat-teatru u d-drama, anke jekk b’mod ċkejken għall-ewwel. “Minn dak il-programm, kienu ħafna l-okkażjonijiet fejn ġejt mistieden nagħmel l-intervisti, jew dehert f’xi programmi oħra, imma naturalment, ma nistax naqbad u nerġa’ mmur nagħmel il-pantomima mil-lum għall-għada, imma xi ħaġa daqsxejn iktar milli qed nagħmel illum, ma neskludihiex.” Fil-fatt, għall-mistoqsija jekk iħossx li fadallu iktar x’jagħti, Bruno jwieġeb li iva, għad fadal x’jagħti u dan kollu jiddependi minn kif ikun qed iħossu.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook