Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Salvu Mallia se joħroġ għall-elezzjoni li jmiss biex iwaqqaf id-dittatorjat taż-żewġ partiti

"Għandna żewġ partiti li daqqa jerda wieħed u daqqa jisraq l-ieħor” - Salvu Mallia

John Busuttil / 13 ta' Marzu 2016 11:06
Dan l-aħħar tfaċċa wiċċ ġdid fil-politika. Wiċċ li hu aktar magħruf fid-dinja tal-ispettaklu, drama, films u fid-dokumentarju televiżiv edukattiv ‘Madwarna’. Salvu Mallia li mdorrijin narawh jiġri bil-kelb tiegħu Keketoni waqt li jirrakuntalna l-istorja ta’ pajjiżna, iddeċieda li jtiha għall-politika. Dan wara li ħassu diżappuntat ferm bil-mod kif qed imexxi l-pajjiż il-Prim Ministru Joseph Muscat wara li hu stess kien emmen fih u vvutalu fl-aħħar elezzjoni.

Salvu li għandu 63 sena, fil-fatt qed jaħsibha sew biex jikkontesta l-elezzjoni li ġejja fuq l-ewwel u t-12-il distrett, imma la jrid joħroġ mal-PN u lanqas mal-PL. “Bħalissa ninsab fi stadju qisni dħalt f’ħanut u qed indur u nara l-prodotti offruti għall-bejgħ u x’jogħġobni.” Iżda qabel, irid jibni moviment biex issir bidla fis-sistema elettorali fejn kull vot li wieħed jingħata jgħodd biex jintrebaħ siġġu fil-parlament.

Dan kollu ħareġ fil-beraħ wara li Salvu Mallia għadda xi kummenti dwar l-iskandlu tal-Panama fuq NET TV u ġie kkritikat fuq il-blogg ta’ Glenn Bedingfield. Donnu li din kienet it-tingiża li Salvu Mallia kien qed jistenna biex joħroġ fil-beraħ dak li kien ilu jaħmi, li jkun parti mis-sistema elettorali tal-pajjiż. “Kien hemm min qalli biex jekk trid tirranġa partit, trid tidħol magħhom u tiġġieled minn ġewwa. ‘No Way’ dawn jibilgħuk qabel tiftaħ ħalqek. Għalhekk nemmen li hemm bżonn partit ieħor jew ilħna oħra fil-Parlament li jkunu jistgħu jagħmlu d-differenza.”

Iltqajt ma’ Salvu fl-appartament tiegħu, f’Buġibba fejn laqgħani Keketoni bl-inbieħ tiegħu. Poġġejna bilqiegħda u staqsejtu minn fejn hu, u dlonk weġibni bi tbissima, “jien Belti u twelidt fi Triq Gaffarena (Triq Zekka) jew inkella ‘Triq il-Miljuni’ għax hemm kien ukoll il-post fejn il-Kavallieri kienu jistampaw il-flus.”

Mill-ewwel ta indikazzjoni tal-mod żbukkat tal-karattru ta’ Salvu li hu magħruf bħala persuna li għandu opinjoni fuq kollox. “Jekk ma jkollokx opinjoni fuq kollox, tkun qiegħed fid-dinja għalxejn. Nammetti li żbukkat, iżda onest.”

‘Tinsultawlix l-intelliġenza tiegħi’

Dwar kif spiċċa fuq il-midja, Salvu qal li hu juża ħafna Facebook u dan l-aħħar kiteb status dwar il-Prim Ministru, ‘Joseph Muscat ma jħobb lil ħadd ħlief lil Joseph Muscat’, “ċempluli minn Newsfeed tan-NET TV u talbuni kumment fuq Skype, u jien nemmen li kull min jitlobni kumment, għandi nagħtih u għaddejt kumment fuq din tal-Panama. Għidt li ma nafx min hu dak l-imbeċċilli li jista’ jemmen lill-Gvern f’din il-kwistjoni. Jien għalija joffenduli l-intelliġenza tiegħi meta jippruvaw ibellawhieli li Ministru għamel kumpanija l-Panama għalxejn jew biex ipoġġi d-dar tiegħu. Dawn huma kumpaniji tal-miljuni.

“L-għada ħareġ għalija Glenn Bedingfield, li nixtieq ngħid li l-pożizzjoni tiegħu mal-OPM hi waħda ferm meritokratika, biex bħal speċi juri li jien Nazzjonalist noqtol u għax għidt li vvutajt Labour qaluli li jien giddieb.”

Għalhekk staqsejtu jekk hux vera li vvota Labour, “dażgur li vera vvutajt Labour. Fil-fatt, ‘salvani’ Franco Debono għax kumbinazzjoni qabel l-elezzjoni meta kienu għaddejjin il-kwistjonijiet taż-żejt, kont ktibtlu messaġġ fejn kont għidtlu kif qed inħossni dwar in-Nazzjonalisti. Debono, wara li qara x’kiteb Glenn, talabni jekk jistax joħroġ fil-pubbliku dak li ktibtlu dakinhar, u jien tajtu l-permess kollu.”

‘Muscat tnejjek bija’

Salvu qal li fuq in-NET kien qal li l-korruzzjoni ilha għaddejja u mhux bdiet ma’ dan il-Gvern. “Iżda attakkawni għax kien issa li ftaħt ħalqi. Dan mhux minnu. Ivvutajt Labour għax in-Nazzjonalisti kienu laħqu livell rampanti ta’ korruzzjoni. Qed nitkellem issa għax jekk ikun hemm ħabib u jgħaddik biż-żmien, tweġġa’. Jien għalija, Muscat tnejjek bija. Wegħdni meritokrazija, indafa, Malta l-ewwel u qabel kollox, u minn dan kollu ma ġie xejn. Issa din li qed jiftaħru bil-ftit ċejċa li jagħtu lin-nies ma nifhimhiex. Issa billi żiduli €1.17ċ fil-pensjoni fil-ġimgħa? Nassigura lil Muscat li ma biddlitli xejn mill-istil ta’ ħajja tiegħi u ta’ ħafna pensjonanti. Il-politiċi dejjem hekk jaħdmu. Jgħajtu b’ekonomija b’saħħitha u l-poplu biex jgħix komdu jrid jaħdem żewġ jew tliet xogħlijiet. Mela l-ekonomija b’saħħitha ma tfisser xejn. Għalkemm l-ekonomija issaħħet, din ma ġratx mil-lum għal għada, iżda ġejja minn snin qabel. Barra minn hekk, l-ekonomija tagħna hi bbażata fuq il-gaming, li milli qed naqra ma nafx kemm se jdum, u s-servizzi finanzjarji. Fl-opinjoni tiegħi, it-tnejn huma attivitajiet immorali.”

Intervista sħiħa fil-ħarġa tal-ILLUM

John Busuttil attenda is-Seminarju tal-Arċisqof fil-livell sekondarju. Fl-1978 attenda għal kors tal-Method Study organizzat mill-Malta Institute of Management u ġie ċċertifikat fil-Method Time Study. Fl-1987 attenda b’suċċess għal kors fil-Middle Management organizzat mid-dipartiment tal-Management studies fl-Universita ta’ Malta. Għal erba snin sħaħ, 1994, 2000, 2001 u 2004 kien finalist tal-ġurnalist tas-sena fil-BPC awards u fl-2004 ingħata dan l-unur għal 'significant contribution to Professional Journalism' Producer & Presenter ta' diversi programmi fuq NET TV, SMASH TV, PBS u ONE TV. Ipproduċa u ppreżenta programmi radjufoniċi dwar Vjaġġar u Sport u pparteċipa f'diversi programmi televiżivi u radjufoniċi dwar suġġetti varjati. Għal 43 sena ħadem mal-Media Link. U bħalissa jaħdem mal-MediaToday.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook