‘Il-Gvern qed jagħti l-kunsens għall-prekarjat’ - Paula Mifsud Bonnici

‘Minkejja li l-ekonomija b’saħħitha, hawn min mhux ilaħħaq’

Paula Mifsud Bonnici
Paula Mifsud Bonnici

Il-qasam tal-housing huwa wieħed mill-aktar oqsma li wera li qed ikun ta’ problema għal dan il-Gvern kif ukoll fuq fomm bosta, hekk kif il-lista ta’ stennijja għal nies biex jingħataw post tal-Gvern qabżet it-3,000. Mal-ILLUM, id-deputata Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici qalet li ħafna nies saħansitra jirrikorru għand l-istess Partit Nazzjonalista għaliex kemm-il darba, “jsibu l-bibien magħluqa u jsibu r-refuġju fina, bit-tama li nagħmlu xi ħaġa aħna biex intejbu s-sitwazzjoni.” Minkejja dan, fil-baġit li għadda, il-Gvern alloka ammont sostanzjali ta’ fondi, €50 miljun, preċiżament għal dan il-għan, allura dan ma jfissirx li din il-problema fil-fatt qed tiġi indirizzata? Mifsud Bonnici twieġeb li minkejja li huwa tajjeb li l-Gvern jirrikonoxxi li hawn problema fl-akkomodazzjoni soċjali, kollox għadu fl-arja. “Meta l-Gvern wiegħed li se jsolvi l-problema tal-akkomodazzjoni soċjali, qed nifhem li meta l-Gvern kien qed jagħmel dik il-wegħda, għamilha għax kellu xi tip ta’ pjan jew strateġija.” Minkejja dan, tkompli tgħid id-deputata Nazzjonalista, “tliet snin wara jirriżulta li l-Gvern ma kellux pjan, u issa qed jgħid li se jkun qed jinvesti dawn il-€50 miljun, li sa issa, la nafu minn fejn ġejjin u kif se jitħaddem il-proġett.” Qalet ukoll li hi għamlet bosta mistoqsijiet fil-Parlament dwar dan il-proġett, dwar x’jinvolvi, min se jkun qed jimmaniġġja dan l-istess investiment, iżda baqgħet bla tweġibiet. “Kulma nafu huwa li l-Gvern ħass li l-Awtorità tad-Djar, li hi l-awtorità responsabbli mis-servizzi kollha dwar propjetà, mhix l-awtorità adatta għal dan il-proġett, imma minflok se tinħoloq kumpanija li tkun tal-Gvern stess, li ma nafu xejn dwar kif se tkun qed taħdem,” żiedet tgħid Mifsud Bonnici. Żiedet issostni wkoll li ġaladarba dan l-investiment issemma’ fil-baġit li għadda, tali investiment għandu jibda din is-sena stess għaliex baġit għandu jindika l-investimenti u l-infiq matul it-tnax-il xahar segwenti, “imma issa li kważi wasalna f’Marzu, għad m’għandna xejn iswed fuq l-abjad dwar x’se jkun qed jiġri eżatt u kemm se jkunu dawk li se jibbenefikaw.

Jekk għandek qabar, ma tikkwalifikax bħala ‘first time buyer’

Minkejja l-kritika tax-shadow minister għall-Politika Soċjali fl-oqsma tal-akkomodazzjoni soċjali, Mifsud Bonnici faħħret l-iskema tal-‘first time buyers’ fejn qalet li għamlet differenza anke għall-ekonomija tal-pajjiż għaliex huwa inċentiv tajjeb mhux biss għax-xerrejja żgħażagħ imma anke għan-nies f’dan in-negozju. Dwar dan, Paula Mifsud Bonnici wkoll qalet li hemm xi nuqqasijiet f’din il-liġi li jeħtieġ li jiġu indirizzati. Ċerti partijiet f’din il-liġi kapaċi jaqilbu fl-assurd, hekk kif din il-liġi tal-first time buyers, “kif inhi, tiddefinixxi li l-persuna, jekk għandha propjetà, hi x’inhi din il-proprjetà, ma tikkwalifikax għall-iskema tal-‘first time buyers’. Dan ifisser li anke jekk il-persuna jkollha xi garaxx biex iddaħħal il-karozza fih jew saħansitra qabar, din ma tistax tikkwalifika.” Għaldaqstant, id-deputata temmen li hemm jeħtieġ li jsiru ċerti tibdiliet biex iktar ‘first time buyers’ ikunu jistgħu jibbenefikaw minn din l-iskema. 

‘L-Awtorità tad-Djar qiegħda tfalli’

Anke jekk skema bħal tal-‘first time buyers’ hija waħda pożittiva u li tiffranka ammonti sostanzjali ta’ flus lil dawn ix-xerrejja, bosta jkunu dawk li xorta waħda ma jifilħux iħallsu sabiex jixtru l-propjetà tagħhom. Hawnhekk, Mifsud Bonnici tirrimarka kif għalhekk, l-Awtorità tad-Djar falliet meta ma ġedditx ċertu skemi li kienu fis-seħħ. Meta saqsiet dwar ir-raġuni li tali skemi kienu nqatgħu, id-deputata qalet li, “r-raġuni li ngħatajt kienet li ma tantx kien hemm nies li applikaw, imma biss ftit mijiet. U hawn jiena ngħid li anke jekk huma ftit mijiet li bbenefikaw mill-iskema u għinthom jixtru l-proprjetà tagħhom, aħjar milli dawn il-mijiet qegħdin fuq il-lista għall-housing.” Minħabba f’dan u bosta skemi li d-deputata semmiet li nqatgħu, in-numru kbir ta’ nies jistennew li jingħataw akkomodazzjoni ma naqasx.”

Min-naħa tiegħu, il-Partit Nazzjonalista allura, qed joffri xi tip ta’ alternattiva dwar il-housing u l-problemi finanzjarji li qed jaffaċċjaw diversi setturi ta’ nies fis-soċjetà, issaqsi din il-gazzetta? Għal dan, Mifsud Bonnici tirrispondi li l-PN għadu qed jistudja s-sitwazzjoni, waqt li se jkun qed juża d-dokument, ‘Ekonomija għan-nies’ sabiex jibbaża l-pjanijiet tiegħu għall-futur.

‘Minkejja li l-ekonomija b’saħħitha, hawn min mhux ilaħħaq’

Paula Mifsud Bonnici tkompli tgħid li fil-pajjiż qed tinħoloq distinzjoni bejn dawk in-nies li jifilħu jħallsu u dawk li le, li jinsabu fil-qiegħ u sfortunatament ma nstabx mezz ta’ kif jistgħu jiġu mgħejuna, u “f’dawn it-tliet snin kien hemm żieda f’dawk in-nies li qed isibuha diffiċli biex ilaħħqu.” Fil-fatt id-deputata Nazzjonalista ssemmi bosta każi li hi bħala shadow minister għall-politika soċjali, u deputata fuq l-ewwel distrett tiltaqa’ magħhom u tistaqsi kif il-pajjiż u, “l-ekonomija hija b’saħħitha, imma bosta nies jgħidulek, ‘Jien m’iniex sejjer tajjeb u qed insib problemi biex inlaħħaq mal-ħajja’ u mhux qed iħossu din l-ekonomija b’saħħitha fil-but tagħhom.

‘Il-prekarjat kompla jikber’

Ix-xogħol prekarju huwa pjaga li donnha tibqa’ teżisti u tkompli tgħakkes, jekk mhix ukoll ir-raġuni ewlenija għalfejn ħafna nies ma jistgħux ilaħħqu mal-ħajja. Din hija kwistjoni li semmiet għal bosta drabi id-deputata Nazzjonalista bħala problema li jaffaċċjaw diversi ħaddiema. Meta mistoqsija dwar jekk taħsibx li dan l-isfruttament kien ‘sploda’ fl-aħħar leġiżlatura, Mifsud Bonnici sostniet li l-PN żgur ma jistax jgħid li l-prekarjat qatt m’eżista, imma “naħseb li kompla jikber issa.” Żiedet tgħid li spiss il-ligi tiġi użata biex ċertu nies iduru magħha u jabbużaw minnha, għalhekk, “jeħtieġ li jkun hemm liġi li tgħalaq dawn il-‘loopholes’ kollha.”

Fl-istess waqt, Paula Mifsud Bonnici titkellem dwar il-fatt li l-PN, fil-leġiżlatura li għaddiet kien beda jaħdem fuq din il-kwisjoni, “fil-fatt Gvern preċedenti kien beda jindirizza din il-problema anke f’dak li ghandu x’jaqsam mal-prekarjat fis-settur pubbliku, għaliex jekk int trid li ma jkun hemm iktar prekarjat, trid tkun int li tmexxi l-eżempju.”

Jekk persuna għandha qabar, din ma tikkwalifikax bħala first time buyer

Minkejja dan, Mifsud Bonnici tirrimarka li jeħtieġ li, “naraw x’wiegħed qabel l-elezzjoni l-PL, għax il-ġlieda kontra l-prekarjat kienet ‘il cavallo di battaglia’ tiegħu, u għalhekk wieħed kien jassumi li dan kellu strateġija sħiħa ta’ kif se jkun qed jelimina l-prekarjat.” Iżda, dwar dan, Mifsud Bonnici tgħid li l-Gvern jinsab għaddej minn din is-sitwazzjoni ta’ prekarjat, u “din il-ġimgħa stess, sirna nafu kif kien hemm ħaddiema fi skejjel tal-Gvern bil-prekarjat għaliex dawn kienu qed jaħdmu b’kuntratti ta’ tliet xhur.”

F’dan il-punt tal-intervista, irriproduċiet mistoqsija parlamentari li kienet turi kif uħud mill-kuntratti lil kumpaniji ta’ tindif fi skejjel tal-Gvern, kienu qed jiġu mġedda kull tliet xhur. Minn dakinhar, iżda il-Ministeru tal-Edukazzjoni ħareġ stqarrija li fiha ċaħad dan kollu għaliex saru verifiki mill-istess Ministeru, li juru li r-rati minimi ta’ ħlas lill-impjegati, jaqbżu r-rata minima nazzjonali.

‘Iktar minn 1,000 sabu xogħol f’xahar, iġġiegħlek titħasseb’

‘Fuq l-istess argument tal-impjiegi, allura kif tispjega l-fatt li ċ-ċifri juru r-rata ta’ qgħad dejjem nieżel?’, staqsiet din il-gazzetta. Għal dan, id-deputata Nazzjonalista qalet li l-figura kbira mmens ta’ iktar minn 1,000 persuna li f’Jannar li għadda ma baqgħetx fuq ir-reġistru tal-qgħad, iġiegħel lil dak li jkun jaħseb, u tiddubita din iċ-ċifra. Hawnhekk, Mifsud Bonnici tgħid li kieku dan huwa verament il-każ, is-sitwazzjoni tkun waħda ideali, iżda “jirriżulta li mijiet minnhom, minflok qegħdin jirreġistraw mal-ETC, illum qegħdin jaħdmu ma’ kumpanija li hi ssusidjata mill-GWU għaliex rebħet it-tender, b’kuntratti ta’ tliet xhur u b’rati li meta tqabbilhom ma’ ħaddiema tal-istess xogħol, huma ferm inqas.” Għalhekk, dwar dan Mifsud Bonnici tistaqsi jekk dan huwiex meqjus prekarjat, “għax għalija, dan ifisser li l-Gvern qed jagħti l-kunsens tiegħu biex dawn il-persuni jaħdmu bil-prekarjat.” Minbarra dan, id-deputata tistaqsi wkoll jekk jistax ikun li dan l-ammont ta’ persuni li qed jonqsu minn fuq ir-reġistru tal-qgħad huwiex għax il-Gvern ikkrea ħafna postijiet mal-Gvern stess.

‘Min-naħa tiegħu, il-Partit Nazzjonalista, li sa ftit snin ilu kien hu fil-Gvern, għamel biżżejjed biex jindirizza din il-problema?’, issaqsi din il-gazzetta. Pronta tkun ir-risposta ta’ Mifsud Bonnici li tgħid li, “l-mument li ngħidu li gvern għamel biżżejjed, inkunu fallejna. Żgur li gvern Nazzjonalista, minkejja li kien ħadem, ma kienx għamel biżżejjed, u anke kif jidher fil-programm elettorali, il-prekarjat kien qed jiġi indirizzat, billi beda mis-settur pubbliku billi assigura li l-ħaddiema li jkunu qed jaħdmu f’dipartimenti tal-Gvern, ma jkunux qed jaħdmu bil-prekarjat.”

‘Ikollhom jaħdmu fil-prekarjat għax jinqatgħulhom il-benefiċċji’

Parti min-nies li l-aktar qed isibuha diffiċli biex ilaħħqu mal-ħajja, tispjega Mifsud Bonnici huma dawk li jaħdmu bil-prekarjat, speċjalment dawk li jkunu single parents. Sostniet li bosta single parents qed jispiċċaw jaħdmu xogħlijiet prekarji biex ipattu għad-differenza fid-dħul tagħhom minħabba l-iskema tat-tapering of benefits, fejn il-benefiċċji jonqsu gradwalment tul tliet snin sakemm jispiċċaw totalment. Fil-fatt, sostniet kif dawn bilfors ikollhom isibu xogħol, “għax jekk inti qed tnaqqasli mill-assistenza soċjali, jien bilfors irrid mmur naħdem, għax mhux se jkolli biex ngħix.”

Kompliet issostni li dan it-tapering of benefits isir ukoll f’każi ta’ persuni li jiddependu mill-għajnuna soċjali u jinsabu bla xogħol, u minħabba f’hekk ifittxu xogħol, li mhux dejjem ikun iħallas tajjeb u b’kundizzjonijiet ideali, għaliex, “diment li inti tibqa’ ma taħdimx, jibda jnaqqaslek is-social assistance, u allura jkollok issib taħdem...u x’xogħol li qed isibu huwa propju prekarjat.”

In-nies jistennew biex jingħataw post tal-Gvern, qabeż it-3,000

Minkejja dan, fuq is-sit uffiċjali tal-Gvern dwar is-sigurtà soċjali, huwa mniżżel speċifikament li jibdew jitnaqqsu dawn il-benefiċċji lil persuni li jkunu jinsabu f’impieg jew ikollhom dħul daqs il-paga minima jew iktar.

‘Il-barranin qed jagħmlu x-xogħol li ma jridux il-Maltin’

F’bosta setturi, imma partikolarment dawk tat-turiżmu, naraw rekords kontra rekords, ta’ turisti u profitti, però spiss ikun hemm sitwazzjonijiet fejn ħaddiema jitħallsu biċ-ċiċri waqt li l-kumpanija tkun qed tagħmel qligħ kbir. Dwar dan, id-deputata Nazzjonalista qalet li hija ħaġa li tinħass b’mod ċar li hemm numru ta’ barranin, ġeneralment minn barra l-UE li huma lesti li jiġu pajjiżna u jaħdmu bi ftit flus, ħaliex huwa dejjem aħjar minn pajjiżhom. “Però, dan ix-xogħol li jagħmlu dawn in-nies, ma jkunux qed jagħmluh il-Maltin, u jien ma naqbilx mal-ħafna nies li jgħidu li l-barranin qed jeħdulna xogħolna. Ġeneralment, dawn ikunu xogħlijiet li l-Maltin ma jkunu iridu jagħmlu, u jkunu xogħlijiet ta’ tbatija.” Minħabba f’hekk, Mifsud Bonnici tkompli ssostni li hemm bżonn ta’ qafas legali biex tali abbużi jinqatgħu. 

‘Il-PL m’għadux il-partit tal-ħaddiema’

Il-Partit Nazzjonalista, fil-kritika tiegħu spiss jitkellem dwar il-PL li qed jinqata’ minn mal-ħaddiem u dawk li fil-passat kien meqjus bħala t-tarka tagħhom. Dan ifisser li issa l-PN, qed jipprova jieħu dan it-titlu ta’ partit tal-ħaddiem billi jabbraċċa dik is-sezzjoni ta’ nies li tħossha ‘abbandunata’ mill-PL?

Għal dan Paula Mifsud Bonnici tgħid li ħafna nies m’għadhomx iħossu li l-PL għadu dak li kien, jiġifieri, l-partit tal-ħaddiem. “Dak il-partit li dejjem kien isejjaħ lilu nnifsu bħala l-partit tal-ħaddiema, illum issib ħafna nies li jgħidulek li l-PL m’għadux il-partit tal-ħaddiema. Tkun il-partit tal-ħaddiema jekk tkun qed tieħu miżuri biex taġevola lill-ħaddiema stess. Imma dan il-Gvern għamel affarijiet li juru bil-kontra, u n-nies qed iħossu li dan il-Gvern qed jagħmel diskriminazzjoni bejn il-persuni li jaqilgħuha u jikluha u l-faxxa ta’ nies li għaddejjin tajjeb u ma jonqoshom xejn.” 

Il-PN żgur ma jistax jgħid li l-prekarjat qatt m’eżista, imma naħseb li kompla jikber issa

U dwar il-PN bħala l-partit il-ġdid tal-ħaddiem, Mifsud Bonnici temmen li m’għandux ikun hekk biss, imma jeħtieġ li jkun il-partit ta’ kulħadd. “Jekk Alla jrid, in-nies ikunu qed isibu lill-Partit Nazzjonalista, mhux biss bħala l-partit tal-ħaddiema, imma l-partit li jara li l-bżonnijiet ta’ kulħadd bla ebda differenzi, jkunu qegħdin jiġu indirizzati u l-problemi tagħhom, intaffuhom.”

More in Intervisti