Żewġ biljun persuna mingħajr mexxej, mingħajr gwida

L-intervista ma' Laiq Ahmed Atif, il-President tal-Komunità Musulmana Ahmadiyya f’Malta

Laiq Ahmed Atif, il-President tal-Komunità Musulmana Ahmadiyya f’Malta
Laiq Ahmed Atif, il-President tal-Komunità Musulmana Ahmadiyya f’Malta

Għaddiet ġimgħa mit-traġedja li seħħet f’Pariġi u jista’ jkun li l-midja diġà bdiet tbatti mill-furur li ġustament qajmet dwar l-attakki terroristiċi li ħallew 132 persuna mejta. Minkejja dan, il-biża’ reali dejjem tibqa’ li attakk kodard bħal dan jista’ jkun li jħalli warajh effetti li jmorru lil hinn mill-imwiet u x-xokk. Il-biża’ huwa li jħalli effett psikoloġiku mhux biss ta’ assedju, iżda wkoll ta’ mibgħeda jew ta’ nuqqas ta’ rieda li nittolleraw lil persuni li jħaddnu r-reliġjon Musulmana. Il-biża’ tibqa’ li kulħadd se jintefa’ fl-istess keffa u l-‘gwerra’ li semma Hollande se ssir mhux biss fuq l-Istat Iżlamiku iżda wkoll fuq dawk il-Musulmani kollha ta’ rieda tajba.

Laiq Ahmed Atif, il-President tal-Komunità Musulmana Ahmadiyya f’Malta huwa entużjast biex jiddisassoċja t-terrur u l-barbariżmu mwettaq f’Pariġi mill-vera spirtu tal-Iżlam. Iżda minkejja dan ma jiddejjaqx jikkritika l-fatt li, kuntrarjament għal reliġjonijiet oħrajn, l-Iżlam m’għandux kap. “Ġisem bla ras ma jistax jopera. M’hemmx tmexxija ċara għall-Musulmani. Mingħajr mexxej li jagħti gwida ċara, pajjiż ifalli. Anke klabb ma jistax jirnexxi, aħseb u ara reliġjon ta’ żewġ biljun ruħ.” 

Huwa jkompli jgħid li s-sitwazzjoni llum hi b’“Imam differenti, f’moskej differenti, jibagħtu messaġġi differenti. F’ċerti pajjiżi bħal Franza, fil-fatt, qed isiru kontrolli hekk kif numru ta’ mexxejja Musulmani qed jużaw il-Moskej biex ixerrdu l-mibgħeda.” 

L-estremiżmu jeżisti f’kull reliġjon

ILLUM tippreżentalu l-fatt li fit-toroq, mhux biss f’Malta iżda madwar l-Ewropa, it-terrur ta’ nhar il-Ġimgħa li għadda qed iwassal għal perċezzjoni, anke jekk żbaljata, li hemm rabta bejn il-vjolenza u l-Iżlam. Hemm min jirraġuna li qatt ma rajna atti ta’ terrur ta’ dan it-tip minn persuni li jħaddnu, per eżempju, r-reliġjon Buddista jew Ħindu.

Iżda Atif ma jaqbilx u jwieġeb lura billi jfakkar li “mhux vera li Musulmani biss iwettqu atti estremisti. Nfakkrek li sa mhux wisq żmien ilu ir-rivista Time ippublikaw storja, bil-qoxra tal-magażin ikun dwar it-terroriżmu li qed iwettqu persuni Buddisti. Anke fl-Indja għandek ċelloli ta’ estremisti Ħindu li qed jagħmlu gwerra kontra minoranzi u komunitajiet oħrajn paċifiċi fil-pajjiż.” Hu jfakkar ukoll kif ħarsa lejn il-passat turi wkoll kif kien hemm numru ta’ gwerer li nbdew minn persuni u Gvernijiet jew il-Knisja stess f’isem il-Kristjaneżmu.

Iżda mingħajr ma jdum wisq jitkellem dwar dan, jisħaq mill-ewwel li attakki bħal dawk f’Pariġi “m’huma qatt aċċettabbli.” Atif ifakkar kif jeżistu organizzazzjonijiet li ddevjaw mill-vera tagħlim tal-Musulmani “tagħlim li jdur mal-paċi. Għalhekk m’hemm ebda rabta u ma jista’ qatt ikun hemm rabta bejn it-terroriżmu u l-Iżlam.”

Ma tistax tkun Musulman veru u vjolenti

Atif imur lil hinn minn hekk u jikkwota mill-Quran billi jfakkar li skont dan il-ktieb sagru għall-Musulmani hemm miktub li Alla huwa l-ħallieq tad-dinja u l-kreaturi u li għalhekk “Hu qatt ma jista’ jagħti dritt lil ħadd biex iweġġa’ lil ħaddieħor aħseb u ara, li joqtol. Aħna nemmnu li l-Profeta Mohammed kien mibgħut fid-dinja biex jibgħat messaġġ ta’ ħniena, allura l-messaġġ tiegħu ma jistax ikun ta’ mibgħeda.”

Huwa jkompli jistaqsi li jekk l-attributi ta’ Alla huma l-paċi u s-sigurtà, “mela kif jista Musulman li jemmen f’dan Alla jkun vjolenti? Tant il-vjolenza tmur kontra dak li aħna nemmnu bħala reliġjon li nilqgħu lil xulxin bil-kliem ‘Asslamo Aleikum’, li tfisser is-sliem għalik.

Il-Ġiħad ma jfissirx gwerra imma ġlieda għal kawża nobbli

Il-President tal-komunità Ahmadiyya ma jdurx wisq mal-lewża u jagħmilha ċara li sfortunatament, diversi mexxejja Musulmani immiżinterpretaw il-kelma Ġiħad u dawwruha f’li tfisser gwerra ta’ xwabel. “Meta fil-fatt Ġiħad hija ġlieda għal kawża nobbli. Il-Ġiħad tfisser ġlieda kontra l-ħażen, kontra l-egoiżmu u wara li tkun iġġilidt miegħek innifsek biex issir uman aħjar, taħdem biex iservi aħjar lill-umanità.

ILLUM tinterrompih u tfakkru li dak li għadu kif qal, jista’ jkun interpretat b’diversi modi. “Kieku minflokok għandna Musulman estremist kien jaqbel li Ġiħad tfisser li taħdem għal kawża nobbli, imma forsi għalih, kawża nobbli tkun li tmur tisplodi lilek nnifsek biex ikun martri. Allura l-interpretazzjoni tiegħek ta’ Ġiħad mhux waħda kompletament suġġettiva?” “Imma finalment”, iwieġeb Atif, “Ġiħad ifisser gwerra, imma gwerra difensiva biss. Kif inhu dritt li tiddefendi lilek nnifsek u lill-familja tiegħek. Apparti dan il-punt iżda, m’hemmx vers wieħed fil-Quran li jagħti xi liċenzja għall-vjolenza. Għax skont l-istess gwida għall-Musulmani “kull ideoloġija li xxerred u tixxerred bil-forza, vjolenza u aggressjoni għandha tkun riġettata. L-Iżlam huwa kategorikament kontra l-forza.”

M’hemm ebda rabta u ma jista’ qatt ikun hemm rabta bejn it-terroriżmu u l-Iżlam

Il-President tal-Komunità Ahmadiyya jfakkar fi kliem il-Profeta Muhammed “xabla tirbaħ it-territorju imma mhux il-qlub, il-forza tgħawweġ l-irjus imma mhux l-moħħ.”

 L-attakki tal-Punent taw in-nar lil dawn l-ideoloġiji estremi

Jekk Atif ma jdurx mal-lewża biex jikkritika lit-terroristi u l-estremisti, lanqas ma jkun wisq diplomatiku fil-konfront ta’ Gvernijiet tal-Punent. “L-intervent tal-Gvern Amerikan fl-Iraq, meta anke l-eks Prim Ministru Tony Blair kien stqarr li dan l-attakk kien ta’ xejn, ta aktar nar lil dawn l-ideoloġiji.”

Huwa jkun ċar li mhux qed jgħid li dawn l-interventi kienu l-kawża aħħarija biex dawn l-ideoloġiji ssaħħu, “imma l-inġustizzji u l-inugwaljanzi li nħolqu, taw is-saħħa fuq bażi lokali lil gruppi bħall-Al Qaeda, Taliban, El Shabbab u l-IS biex ikabbru u jirfinaw l-operat tagħhom.”

Xabla tirbaħ it-territorju imma mhux il-qlub, il-forza tgħawweġ l-irjus imma mhux il-moħħ

Huwa qal li “kien ikun aħjar kieku l-Iraqqini, minflok tajnihom arma tan-nar, tajniehom ktieb biex ikollhom l-edukazzjoni.” 

Madankollu jerġa’ jisħaq li anke dawn l-interventi mill-Punent xorta ma jiġġustifikaw bl-ebda mod, ir-rgħiba għall-poter u għall-ġid personali, li Atif jispjega li għandhom dawk li qed imexxu l-IS.

Moderazzjoni dwar l-ilbies tal-Burqa

ILLUM tiftaħ parenteżi żgħira fl-intervista dwar l-ilbies tal-Burqa u n-Niqab li għal dawn l-aħħar ġimgħat kien diskussa fil-midja. Atif isostni li anke hawn, filwaqt li dan l-ilbies huwa parti mit-tagħlim Musulman, iħeġġeġ għal moderazzjoni. 

Filwaqt li jispjega kif l-ilbies tal-Burqa u n-Niqab ivarja minn komunità Musulmana għall-oħra u minn pajjiż għall-ieħor, jikkritika l-estrem fejn numru ta’ nisa Musulmani saħansitra jgħattu jdejhom b’ingwanti. “L-Iżlam jitkellem dejjem fuq il-modestà u l-moderazzjoni mhux dwar l-estremiżmu.”

Il-faqar dejjem serva biex popli Musulmani jibqgħu manipulati

Hemm fundamentaliżu f’kull reliġjon, tfakkar ILLUM, imma xi kultant jinħass li fost il-Musulmani hemm aktar. Veru dan? U jekk iva għalfejn?

Atif jammetti, iżda jirrimarka kif dan huwa kawża ta’ nuqqas ta’ għarfien u edukazzjoni, “fil-fatt f’ħafna pajjiżi Musulmani, l-ikbar spiża ma tmurx għas-saħħa u l-edukazzjoni. Fil-Pakistan, fil-fatt, l-akbar baġit huwa għad-difiża.” Huwa jgħid li “l-popli Musulmani jeħtieġ jiffukaw fuq l-edukazzjoni biex tinbidel in-narrattiva ta’ vjolenza u moħħ magħluq u tiftaħ in-narrativa ta’ paċi, sigurtà, armonija u sens ta’ fraternità. 

Il-mexxejja ta’ dawn il-pajjiżi, naturalment, jesplojtaw dan biex jimmanipulaw lill-popli. Anke ibni jistaqsini mistoqsijiet, bħalma jistaqsu ħafna persuni oħrajn, għax għandu edukazzjoni u jien inwieġbu lura u nispjegalu. Imma meta persuna ma jkollhiex edukazzjoni ma jkollhiex il- kuraġġ jew kariżma biex jistaqsu. Għalhekk il-gwerer. Għax hemm nies li jħarsu lejn il-fidi mgħomijin u hemm min jaqbillu li jħallihom fil-għama. Hekk ġara fl-Afghanistan, it-Taliban sabu poplu fqir u għamlu li riedu. Ħaduhom fiċ-ċentri tagħhom, tawhom l-ikel u fejn jgħixu u fl-istess ħin imlewlhom moħħhom bl-ideoloġiji estremi. 

Persuni li għandhom sens, ma jaslu qatt li jisplodu lilhom nfushom u joqtlu lin-nies, biex mingħalihom għamlu xi ħaġa ta’ ġid.” 

Il-bniedem huwa problema u mhux ir-reliġjonijiet

Nibdew ngħalqu l-intervista billi nħarsu lejn ir-reliġjonijiet kollha u nibda bl-idea, li fil-fatt mhi xejn għajr kwotazzjoni barra mill-kuntest sħiħ tagħha, ta’ Karl Marx, dwar ir-reliġjon u l-opju. Bosta jużaw din il-kwotazzjoni b’konnotazzjonijiet negattivi biex jifhmu li r-reliġjon traqqad is-sensi. 

Fid-dawl ta’ storja twila ta’ attakki, gwerrer, tortura u mwiet, Atif ma jħossx li hemm element ta’ verità fil-metafora Marxista, kif interpretata popolarment?  Reliġjonijiet diversi kienu wżati minn mexxejja reliġjużi u politiċi biex jikkontrollaw il-masses, f’pajjiżi foqra. Jasal Atif jgħid li r-reliġjonijiet huma parti minn sistema sħiħa li qed tħalli nies fil-faqar u l-injoranza?

Atif ma jaqbilx u jiċċara li mhux ir-reliġjon hija l-problema, imma “l-problema hija ta’ min ma jifhimx il-vera tagħlim ta’ reliġjon. Kieku persuna tifhem l-ispirtu ta’ reliġjon, kieku ma jsirux atti simili.” 

“Kien ikun aħjar kieku l-Iraqqini, minflok tajniehom arma tan-nar, tajniehom ktieb biex jkollhom edukazzjoni”

“Għalhekk jeħtieġ li d-dinja Musulmana jkollha mexxej,” isostni Atif, “biex dan ikun vuċi għalihom. Il-Profeta Mohammed stess kien qal li se jasal Messija li jkun simbolu ta’ unità. Aħna bħala Komunità Ahmadiyya, nemmnu  li dan il-Messija wasal u kien l-ewwel mexxej tagħna, fil-fatt bħala komunità, aħna nsegwu linja ta’ ħsieb waħda.” 

Nitlaq mill-uffiċċju ta’ Atif mhux biss b’interess akbar fl-Iżlam iżda bi ħsieb partikolari. Fil-fatt, meta tneħħi l-ħażen u l-umiljazzjoni li numru ta’ Musulmani infliġġew fuq dawk bl-istess fidi b’attakki barbari bħal dak ta’ Pariġi, id-differenza bejn l-ispirtu Kristjan u Musulman huwa simili. Kollox jorbot fuq il-paċi u l-imħabba. U hekk kif hawn min qed jipprova jikkorrompi l-fidi Musulmana biex jirbaħ hu, hekk ukoll kien hemm min matul is-snin ipprova jikkorrompi l-fidi Kristjana biex jissodisfa l-għatx għall-poter. 

Din hija ċ-ċavetta għall-vera inklużjoni u integrazzjoni, l-għarfien u r-rieda li jkollna aktar għarfien dwar dak li nafu ftit dwaru. Jekk nibdew nitgħallmu minflok nibżgħu minn dak li hu differenti, inkunu nistgħu nibdew ngħixu flimkien u ngħixu aħjar. 

More in Intervisti