Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

L-isfida ta’ Edward: L-inugwaljanza u l-miżuri fiskali

“Jiena xtaqt nagħti minn isfel, bħal m’għamilna din id-darba, imma l-ewwel ridna nieħdu ħsieb lill-aktar nies li jikkontribwixxu għat-tkabbir”

Albert Gauci Cunningham / 18 t'Ottubru 2015 16:25
Naslu għand il-Ministru, li din il-ġimgħa kien l-aktar fl-aħbarijiet, kif ikun dejjem kull Ministru tal-Finanzi, darba kull sena. Xħin naslu l-uffiċċju minn fejn jaħdem il-Ministru Edward Scicluna nilmħu mill-ewwel ktieb bl-isem ‘L-inugwaljanza u l-miżuri fiskali’ miktub minn Benedict J Clements, Sanjeev Gupta, Michael Keen u Rood De Mooij.

Dan il-ktieb jitratta ż-żieda konsiderevoli fl-inugwaljanza fid-dħul, esperjenzata f’ekonomiji avvanzati, mid-disgħinijiet u l-konsegwenzi severi tal-kriżi finanzjarja u ekonomika. Jitratta wkoll it-tħassib dwar inugwaljanza materjali filwaqt li gvernijiet madwar id-dinja jkunu qed jippromwovu ekonomija aktar robusta u effiċjenti.

Mill-ewwel tqum il-mistoqsija tal-ġurnal, il-baġit li ppreżentajt din il-ġimgħa huwa proprju mnebbaħ minn dan il-ktieb? Il-Ministru Scicluna, wara li jispjega kif il-ktieb irċevieh mill-Perù, jgħid li s-suġġetti li jitratta l-istess ktieb huma “s-suġġetti tiegħi.” Iktar minn hekk iżda, Scicluna jispjega kif “dak il-ktieb huwa miktub mill-istess konsulenti li qed nuża jien bħalissa u li ġejjin mid-Dipartiment Fiskali tal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF). “Dawn qed jgħinuna inbiddlu l-proċess baġitarju tagħna.”

X’jiġifieri meta tgħid inbiddlu l-proċess, staqsa l-ILLUM. “Jiġifieri qed naħdmu biex ikollna proċess aħjar ta’ kif isir u jkun implimentat il-baġit, biex b’hekk ikollna baġits aħjar. Irridu nies li jkunu qed jaħdmu s-sena kollha fuq il-baġit u mhux fl-aħħar minuta biss. Fil-fatt, biex nibda niżgura dan, mil-lum stess id-Dipartiment kollu tal-Politika Ekonomika mxew lejn il-Ministeru tal-Finanzi”.

Il-pensjonant u l-baġit li ħabbar

Mingħajr ma staqsejnieh xejn, il-Ministru Scicluna mill-ewwel dar fuq is-suġġett tal-faqar u sostna li huwa għalhekk li l-Gvern jeħtieġ li jaħdem għal baġits aħjar, “biex nevalwaw il-faqar, biex ngħarfu dejjem aħjar x’inhu jikkontribwixxi għalih. Naturalment aħna nafu li wieħed mill-kawżi ewlenin tal-faqar huwa n-nuqqas ta’ dħul u hemm min jgħidilna, mela agħtu l-benefiċċji. Imma aħna bħala Gvern se nħallu lil min sempliċiment jibqa’ dipendenti fuq il-benefiċċji?”

Minkejja dan, Scicluna mill-ewwel jirrimarka li hemm dawk in-nies li minħabba raġunijiet diversi, fosthom ta’ saħħa, jkollhom jiddependu mill-Gvern għal għomorhom kollu jew għal numru twil ta’ snin. “Jekk se nitkellmu għal dawk in-nies li għalihom ix-xogħol mhux soluzzjoni, mela allura qed nitkellmu fuq firxa ta’ nies, fosthom il-pensjonanti,” qal il-Ministru, li kompla billi ta lista ta’ miżuri li ħa dan il-Gvern biex jinċentiva lil dawk li jilħqu l-età tal-irtirar u jkunu jixtiequ jibqgħu jaħdmu.

“Bħala Gvern inċentivajna lil dawk il-pensjonanti li jixtiequ jibqgħu fid-dinja tax-xogħol billi ftaħna l-opportunità li bi qbil ma’ min iħaddimhom, dawn jibqgħu fl-impjieg wara li jilħqu l-età tal-irtirar. Imbagħad f’dan il-baġit wettaqna miżura oħra li tinċentiva lill-pensjonanti, hekk kif dawk li jaħdmu u li ma japplikawx għall-pensjoni meta jkollhom dritt għaliha, għal kull sena se nkunu qed nagħtuhom l-inċentiv li r-rata tal-pensjoni tagħhom tiżdied b’persentaġġ fis-sena.”

Xtaqna bdejna minn isfel, imma ma stajniex

L-ILLUM jirrimarka li huwa ċar li f’dan il-baġit il-Gvern sema’ lil dawk li ħeġġuh biex iwieżen, fosthom ukoll din il-gazzetta, u għalhekk staqsejna x’wassal biex il-Gvern issa beda jieħu miżuri favur dawk bi dħul baxx jew medju.

Il-problema mhix illum, imma l-problema kienet fl-ewwel sena tal-Gvern, meta kellek riżorsi limitati u għal raġunijiet ta’ governanza u miri li jridu jintlaħqu biex jitnaqqas id-defiċit, il-Gvern issellef anqas,” sostna Scicluna li fakkarna fl-ovvju, “meta tissellef anqas, għandek inqas flus f’idejk.”

Imma liema huwa l-argument li qed jipprova jwassal il-Ministru? “Meta r-riżorsi jkunu limitati trid tistaqsi lilek nnifsek, x’se nagħmel? Se nqassam? Se nagħti l-ħuta jew se nagħti l-qasba?” jistaqsi. F’dan il-punt huwa jieħu angolu xi ftit iktar ideoloġiku fl-argument tiegħu hekk kif jgħid li “għamilna xi ħaġa kontra qalbna, bħala partit.”

F’dan il-punt, inwaqqfu u nistaqsih “x’għamilt kontra qalbek? Liema miżura wettaqt kontra x-xewqat tiegħek?” Imma l-Ministru jagħmilha ċara li ma kienx qed jitkellem dwar miżura partikolari iżda iktar rigward il-kronoloġija ta’ kif kienu mħabbrin il-miżuri baġitarji. “Bħala partit fil-Gvern kellna niddeċiedu li fl-ewwel sentejn nitfgħu r-riżorsi tagħna, l-ewwel fejn se jwassal għat-tkabbir. Kieku qassamna l-flus u waqafna hemm, il-pajjiż kien jibqa’ hemmhekk. Jiena xtaqt nagħti minn isfel, bħal m’għamilna din id-darba, imma l-ewwel ridna nieħdu ħsieb lill-aktar nies li jikkontribwixxu għat-tkabbir. Qed nirreferi għas-self employed u dawk bi dħul medju jew għoli. Dawn diġà kellhom toqol ta’ taxxi fuq spallejhom, u qabel l-elezzjoni wegħedna li dan it-toqol se nkunu qed innaqqsuh. Hekk wegħedna u hekk għamilna”.

Fakkar li minflok ix-xogħol, dan il-Gvern qed jintaxxa l-konsum, “għax il-konsum tista’ tikkontrollah, imma x-xogħol ma tistax.  

Ir-rota qed iddur sew...issa nagħmlu li xtaqna

“Issa wasal iż-żmien li nagħmlu dak li xtaqna, issa r-rota qed iddur sew,” qal il-Ministru Scicluna li fakkar f’diversi miżuri fosthom it-tnaqqis mit-taxxa ta’ bejn €90 u €210 għal dawk li għandhom dħul baxx jew medju. Imma jkompli jfakkar li hemm ukoll dawk in-nies li jaqgħu fil-faxxa ta’ persuni li ma jħallsux taxxa, “u anke lil dawn, aħna ridna li nibdew ngħinuhom biex ikunu parti mis-suċċess li qed jagħmel pajjiżna.”

Il-Ministru fakkar kif il-Gvern estenda l-miżura tal-in work benefit biex ikunu mgħejuna dawk li jaħdmu u li xorta jinsabu fil-faqar. Minkejja dan, u anke għall-mistoqsija tal-gazzetta huwa jgħid kif kienu madwar nofs il-benefiċjarji biss li applikaw biex jingħataw dan il-benefiċċju. “Jista’ jkun ma kinux jafu biha, jista’ jkun li rridu nirriklamaw aktar il-miżuri li nħabbru. Li hu żgur huwa li la għamilna studju dwarha u tfajna baġit għaliha, jekk tonfoq nofs dak il-baġit trid tara għalfejn.”

Min iħallas it-taxxa ħa deal  tajjeb

Scicluna jaqbeż imbagħad fuq miżura oħra, jiġifieri dik li tkompli tagħti ammont mill-benefiċċju tal-qgħad lil dawk li jsibu impjieg għall-ewwel tliet snin. L-ILLUM ifakkru li hawnhekk hawn min ma jaqbilx, hawn ħafna li jgħidu li ma tagħmilx sens li tibqa’ tagħti benefiċċju lil min sab xogħol, jekk dak mhux l-għan tal-benefiċċju.

Pront ifakkarna li “jien qed nirrapreżenta lit-taxpayer u jidhirli li din il-miżura, hija a good deal. Vera li qed nibqgħu nagħtu l-benefiċċju, imma qed toħroġ il-persuna fid-dinja tax-xogħol, qed tagħtiha ċertu kburija, qed tinduna li aħjar tkun qed taħdem milli toqgħod id-dar.”

Jirimarka li din il-miżura anke l-Ġermanja wettqitha, “u pajjiżi bħall-Irlanda u r-Renju Unit issa qed iwettqu miżuri li dan il-Gvern wettaq f’dawn l-aħħar sentejn u nofs.”

Se noħorġu ħafna nies mill-faqar

Id-diskors jerġa’ jaqa’ fuq il-pensjoni u jfakkar kif bil-bidliet fil-pensjoni biex il-minimu se jitla’ għal €140 fil-ġimgħa, “se nkunu qed noħorġu numru kbir ta’ nies mill-faqar. “€140 fil-ġimgħa hija qrib ħafna is-60% tal-paga medja u b’imqar €2 imgħax minn xi mkien dik il-persuna faċilment toħroġ mill-faqar. Bil-miżura baġitarja tal-pensjoni, telgħu dawk t’isfel, apparti li żidna wkoll lill-pensjonanti miżżewġin b’€4.15 fil-ġimgħa.

Huwa jinsab pożittiv ukoll li l-Gvern jilħaq il-mira ta’ pensjoni minima li tlaħħaq is-60% tal-paga medja qabel il-mira tal-2027.

Qed norbtu wisq fuq il-programm ta’ ċittadinanza?

F’artiklu miktub ftit tal-ġimgħat ilu fuq din il-gazzetta, l-opinjonista Joe Ellis kien enfasizza l-bżonn li nkunu attenti minn ċerti riskji ekonomiċi li pajjiżna jiddependi wisq minn miżuri speċifiċi, aktar milli niċeċ ekonomiċi, li huma sostenibbli. Fost dawn semma l-Programm ta’ Ċittadinanza (IIP). Dawn huma miżuri li nistgħu nistrieħu biżżejjed fuqhom?

 “Jiena l-ewwel wieħed li dejjem ngħid li jekk temmen fis-sostennibbiltà tal-baġit, ma tistax isserraħ fuq dawn l-affarijiet. Fil-fatt”, ikompli jgħid Scicluna, “30% biss tal-flus se jmorru għall-baġit, u l-bqija tal-flus mill-IIP se jmorru fin-National Development and Social Fund. Nemmen li l-ekonomija, minnha nnifisha, jeħtieġ li żżomm fuq saqajha u iva, għalkemm dawk flus, jekk inti bil-għaqal iġġemmagħhom, imbagħad tkun tista’ tinvestihom. Imma le m’aħniex qed ngħalqu d-defiċit bil-flus tal-IIP”.  

Hemm min jgħid li l-Gvern preżenti permezz ta’ dan il-programm ta’ bejgħ tal-passaport qed jagħmel bħalma kienu jagħmlu Gvernijiet Nazzjonalisti meta kienu jbigħu entitajiet pubbliċi. Minkejja li ma jaqbilx mat-tixbieha, jgħid ukoll li l-programm qed jgħin biex il-pajjiż ikollu flus, li minflok jintefqu għal xejn “jew biex nixxalaw”, ikunu vvutati għal skopijiet oħrajn.

Aħna oażi f’żona mqallba

Bdiet riesqa lejn tmiemha l-intervista u staqsejtu dwar it-theddida li jistgħu joffru kumpaniji bħall-ST jekk kemm-il darba jmorru ħażin. Filwaqt li jgħid li l-aħħar aħbarijiet huma pożittivi dwar din il-kumpanija, jfakkar li m’hemm garanzija ta’ xejn f’kwalunkwe ekonomija dwar ebda kumpanija.

“Għalhekk huwa importanti li qed noħolqu setturi ġodda ekonomiċi bħal dak tas-saħħa u l-edukazzjoni. Bħalissa dak li qed nagħmlu fil-qasam tal-edukazzjoni huwa bħal estensjoni bil-kbir, tal-iskejjel tal-Ingliż. Qed nattiraw lejn pajjiżna setturi ekonomiċi fl-edukazzjoni terzjarja permezz tal-Università. Dan l-investiment se joffri massimu ta’ 4,000 student li se jiġu hawn, se jonfqu l-flus għall-akkomodazzjoni, se jmorru fil-ħwienet, se jmorru jieklu u se jgħinu biex l-ekonomija Maltija tkompli tikber.”

Imma l-kritika li qed issir huwa li fejn jidħlu proġetti kapitali, dawn qed jeħlu xi ftit jew qed idumu żmien twil, bil-Ministru Scicluna jfakkar li x-xogħol għaddej. Ifakkar b’ċerta insistenza iżda li xogħol il-Gvern huwa li joħloq l-ambjent san biex jinħoloq l-investiment, mhux li joħloq l-investiment jew li jagħmel il-proġetti hu. “No way” isostni għal mistoqsija tal-gazzetta dwar jekk iħossx li għandu jkun il-Gvern li jagħmel proġett minflok il-privat.

Imma dawn il-proġetti li qed iħabbar il-Gvern, mhux kollha fuq il-karta għadom? “Le,” jsostni Scicluna, il-ftehim ma’ Barts se jiġi attwat, l-offerta saret u qed ikunu negozjati l-aħħar punti. Dan mhux bħal Smart City. Bnejniha, imbagħad qagħdna nistennew biex naraw min se jinvesti. Dawn ġew. Kif ġew tal-Università Amerikana, kif ġew Huawei, kif ġew Microsoft. Dawn ma qalux forsi ninvestu, dawn qed jinvestu”.

Huwa temm l-intervista billi jiddeskrivi, xi naqra poetikament, lil Malta bħala “oażi f’żona mqallba.” Jgħid li hija din ir-raġuni għalfejn Malta qed tkun attraenti għall-investitur, “għax aħna stabbli u għax bnejna ċertu kompetenza u qafas sħiħ ta’ sostenn tal-ogħla livell għal kull min jixtieq jinvesti fil-pajjiż.”

 

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook