Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

Anton Tabone - 10 snin speaker u 32 sena deputat Parlamentari

John Busuttil / 8 ta' Mejju 2015 13:28
Iltqajt ma’ Anton fid-dar tiegħu fi pjazza San Franġisk, faċċata tal-post fejn twieled u serva bħala ministru għal madwar 10 snin. Huma fil-fatt ftit li jafu li l-Ministeru għal Għawdex snin ilu kien sptar u li fuq l-isptar, fejn hemm is-segretarjat u fejn iservi l-Ministru għal Għawdex, dak iż-żmien, kien appartament fejn kien joqgħod ir-Resident Medical Officer (RMO) tal-isptar, li kien missier Anton, it-tabib Anton Tabone magħruf aktar bħala l-Prinċipal. Is-sular fejn Anton u ħutu twieldu kellu jispiċċa bħala parti mill-uffiċċju  fejn  serva  bħala Ministru għal madwar 10 snin. Anton twieled f’dak li kellu jkun l-ewwel uffiċċju tal-ewwel Ministru ta’ Għawdex u spiċċa jgħix faċċata tiegħu.

Anton trabba fil-politika hekk kif missieru, barra li kien tabib u supretendent mediku tal-Isptar ta’ Għawdex, kien ukoll membru parlamentari. Eżatt qabel l-elezzjoni tal-1966, missieru ħassu ma jiflaħx u kien ħażin ħafna. Anton kellu pressjoni qawwija mill-PN biex joħroġ hu, għax kien beda jinstema’ diskors min-nies li ma joħorġux jivvutaw jekk ma jkunx hemm xi ħadd minn tal-Prinċipal.  Fil-fatt Anton għażel li jikkontesta l-elezzjoni u tela’ fil-Parlament flok missieru, li wara rkupra saħħtu. “Dan jista’ jfisser li kieku missieri ħassu ma jiflaħx xahar wara l-elezzjoni, x’aktarx stajt ma kontx nitħajjar inkun fil-Parlament”, u forsi jien ma kontx inkun qed nintervistah. Anton qalli wkoll li malli tela’ fil-Parlament, il-Bank Nazzjonali ta’ Malta, fejn hu kien jaħdem, waqqfuh mix-xogħol.

Ma tistax tiltaqa’ ma bniedem li kien Ministru għal Għawdex u kien membru tal-Kunsill Ċiviku għal Għawdex u ma titkellimx fuq il-viżjoni tiegħu għal Għawdex.

“Prijorità hi l-irwol li Għawdex għandu jkollu fl-Arcipelagu Malti - Għawdex mhux estensjoni ta’ Malta. Hemm baħar jifred u jaqsam bejn iż-żewġ gżejjer u dan ta lil Għawdex identità distinta. Din ir-realtà rridu niddefenduha. Wasal il-mument li dan kollu jiġi rikonoxxut b’mod uffiċjali.” beda jgħid Anton Tabone.

“Għawdex x’inhu għal Malta? Din hi l-mistoqsija li wieħed għandu jistaqsi. Skont l-istess natura tiegħu Għawdex hu gżira reġjun ta’ Malta - iżda jrid jiġi meqjus bħala reġjun mhux bid-diskors biss jew bil-kitba biss, imma bil-liġijiet tal-pajjiż, biex il-Gvern ċentrali ikun obbligat japplika politika reġjonali u speċifika għal Għawdex. U dan fis-sustanza mhux qed isir. Qabel kien hawn Kunsill Ċiviku li fl-1973 ġie abbolit wara li kien sar referendum u kien hemm direttiva biex l-Għawdxin jibojkottjaw ir-referendum għal raġunijiet validi. Nemmen li f’Għawdex għandu jkun hawn kunsill reġjonali li jmexxi fuq dak il-livell. Fl-istess waqt ikollu wkoll il-ministeru tiegħu li jmexxi fuq livell nazzjonali. Ma tistax iżżarma ministeru għax inkella tkun qed tattakka l-istess kunċett għall-ħolqien tiegħu. Għalhekk ma naqbilx li tneħħiet is-Saħħa u l-Edukazzjoni minn taħtu. Ministeru u Kunsill Reġjonali għandhom ikunu awtonomi imma kumplimentari u jistgħu jservu  ta’ checks & balances. Nemmen li anke f’Malta għad jista’ jasal iz-zmien li jinbidel il-kunċett ta’ ħafna kunsilli, u jagħmel wisa’ għal  ħames reġjuni, erba’ f’Malta u gżira reġjun f’Għawdex, minflok 67 kunsill lokali.”

Meta Malta saret membru tal-Unjoni Ewropea, il-Gvern Malti rabat b’addenda b’mod unilaterali Dikjarazzjoni fuq Għawdex li fiha sejjaħlu “gżira reġjun”, u fejn qabel kull baġit tal-Unjoni, l-Gvern Malti għandu il-fakultà li jipproponi lill-Kummissjoni tagħmel rapport bil-għan li dan jindirizza d-differenzi ekonomiċi u soċjali li jeżistu bejn Malta u Għawdex bħal prodott domestiku gross, u jindika miżuri biex b’hekk jitnaqqsu d-diverġenzi. Din il-fakultà tidher li ma tħaddmitx, għalkemm f’Ottubru ta’ qabel l-elezzjoni tpoġġa rapport tal-Kummissjoni fuq il-mejda tal-Kamra. Anton Tabone qal li l-addenda tad-Dikjarazzjoni għadha teżisti, valida u applikabbli. 

Innutajt li meta Anton Tabone jitkellem fuq il-Parlament jagħmel hekk b’entużjazmu – riżultat ta 42 sena bħala parti minn din l-istituzzjoni. “Meta kont speaker, il-prijorità tiegħi kienet li l-Parlament isir awtonomu mill-Gvern. Iżjed u iżjed meta l-ombudsman u l-awditur ġenerali, li t-tnejn huma awtonomi, jinsabu taħt parlament li mhux awtonomu. Ħadd mhu kontra li l-parlament għandu jkun awtonomu. Niftakar li dak iż-żmien kien sa sar abbozz ta’ leġiżlazzjoni dwar dan.  Nemmen li fil-futur immedjat hekk isir.”

“Meta ġejt maħtur speaker innutajt li kont għadni fl-istess ambjent bid-differenza li flok inpoġġi fuq naħa jew oħra tal-Kamra, inpoġġi fin-nofs. Iżda nnutajt ukoll li wara 30 sena nparla u nargumenta mal-kollegi Parlamentari spiċċajt bla kliem. Darba kont għidt li ‘when you become a speaker you become speechless’ fil-kamra. Din kienet trawma għalija fil-bidu u nistqarr li ma kienx mument faċli.”

Mistoqsi kif ħassu li kien ġej minn partit u bħala speaker ried ikun newtrali, Anton qalli li l-ispeaker għandu rwol importanti fil-Parlament u fil-pajjiż, “Anke bħala protokoll l-ispeaker jiġi wara l-Prim Ministru u għandu wkoll il-casting vote u dan jagħtih responsabilità kbira. Trid tkun kapaċi tiddixxiplina lilek nnifsek u tkun kapaċi tieħu d-distanza mill-politika partiġġjana fejn tidħol l-ordni fil-kamra.”

Tkellimt miegħu dwar it-tfigħ ta’ tajn li ħafna drabi nisimgħu lill-parlamentari jitfgħu lejn xulxin, li forsi jnaqqas mir-rispett tal-poplu lejn il-parlamentari. 

“Hu ħażin jekk l-istima lejn il-parlament titnaqqas, għax il-poplu jrid jagħraf li l-parlament hu l-ogħla istituzzjoni li mingħajru l-pajjiż ma jimxix ’il quddiem. Il-Parlament hu tal-poplu li hu sovran. Il-pajjiż tagħna jimxi permezz tas-sistema ta’ demokrazija parlamentari. 

"Is-sular fejn Anton u ħutu twieldu kellu jispiċċa bħala parti mill-uffiċċju fejn serva bħala Ministru għal madwar 10 snin"
Anton Tabone serva meta l-Parlament kien fis-sala tal-Arazzi u anke fejn kien sal-lum. “Kien fl-1976 li mis-sala tal-Arazzi morna fil-Parlament li kien hemm sal-lum. Kien evidenti li xi darba jkun hemm parlament għalih waħdu. Nemmen li l-Parlament jixraqlu palazz għalih, binja għalih u niftakar li konna ilna snin niddiskutu fejn għandu jsir il-palazz jew id-dar tal-Parlament.”

Staqsejtu x’jidhirlu mill-palazz il-ġdid tal-Parlament, “Bħal kull ħaġa oħra meta jgħaddu s-snin jieqfu l-paraguni u ħadd ma jibqa’ jsemmi jekk għoġbux jew le.”

Fis-sena 2008 sar membru tal-Ordni Nazzjonali tal-Mertu fi grad ta’ Kumpann
Id-diskors waqa fuq mumenti speċjali meta kien speaker tal-kamra u hawn Anton Tabone jiftakar bi kburija meta Malta ingħaqdet fl-Unjoni Ewropea, “It-tranżizzjoni minn parlament ta’ gżira ċkejkna għal parlament  ta’ Stat Membru ma kinitx faċli. Xogħli kien li niffaċilita kemm jista’ jkun il-proċess, u nista’ ngħid li f’dak il-mument kruċjali l-membri  tal-Parlament kif ukoll il-membri ta’ l-Istaff għamlu sforz straordinarju u konċertat biex minkejja il-limitazzjonijiet f’riżorsi umani u finanzjarji daħħalna l-Parlament Malti fl-UE mingħajr  skossi.  Malta sabet postha fejn kien jixriqilha.”

Qabel tlaqt staqsejtu jekk għadux attiv issa li rtira u fil-pront weġibni, “l-impjegat jirtira biż-żmien. Il-politiku u l-bniedem pubbliku ma jirtira qatt. Għax jibqa’ jiċċirkola fl-istess ambjenti, jiltaqa’ mal-istess nies u fejn imur in-nies tkellmu u tiddiskuti xi jkun għaddej. Jibqa’ jiġi mistieden f’diversi attivitajiet soċjali. Qatt ma joħroġ mill-ħajja pubblika. Id-differenza hi li jnaqqas mir-ritmu ta’ qabel. Barra hekk mhux għeluq sninek li  jirtirak mill-Parlament imma huma l-voti tan-nies jirtirawk. Dik hi id-differenza bejn tirtira minn impieg u  tintemm ħajja parlamentari, sintendi sakemm tibqa’ jikkontesta l-elezzjonijiet u tistieden fuqek il-ġudizzju tal-elettorat. Meta tieqaf tikkontesta tkun irtirajt mill-ħajja parlamentari imma mhux minn dik pubblika.

John Busuttil attenda is-Seminarju tal-Arċisqof fil-livell sekondarju. Fl-1978 attenda għal kors tal-Method Study organizzat mill-Malta Institute of Management u ġie ċċertifikat fil-Method Time Study. Fl-1987 attenda b’suċċess għal kors fil-Middle Management organizzat mid-dipartiment tal-Management studies fl-Universita ta’ Malta. Għal erba snin sħaħ, 1994, 2000, 2001 u 2004 kien finalist tal-ġurnalist tas-sena fil-BPC awards u fl-2004 ingħata dan l-unur għal 'significant contribution to Professional Journalism' Producer & Presenter ta' diversi programmi fuq NET TV, SMASH TV, PBS u ONE TV. Ipproduċa u ppreżenta programmi radjufoniċi dwar Vjaġġar u Sport u pparteċipa f'diversi programmi televiżivi u radjufoniċi dwar suġġetti varjati. Għal 43 sena ħadem mal-Media Link. U bħalissa jaħdem mal-MediaToday.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook