Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

Ommi u missieri tilfu tifel żgħir, jien tlift ħabib - Gordon Pisani

Intervista ma' ħu Simon, l-iżgħar vittma fl-20 anniversarju mit-traġedja tal-Um El Faroud

John Pisani / 8 ta' Frar 2015 16:55
Kull min jaħdem jew ħadem f’xi tarzna madwar id-dinja, jgħidlek li l-periklu qiegħed hemm u trid toqgħod attent il-ħin kollu. It-Tarznari ta’ Malta qatt ma kienu jew huma xi eċċezzjoni u ftit nuqqas ta’ attenzjoni jseħħ inċident li jista’ jkun anke fatali. Imma meta l-inċident fatali ma jkunx it-tort tal-ebda ħaddiem imma nuqqas ta’ xi ħadd li forsi naqas li jagħti dettalji speċifiċi b’konsegwenza li l-ħaddiema ma jkunux konxji ta’ periklu serju, allura l-weġgħa tal-qraba u kollegi tal-vittmi tkun ferm akbar.

Nhar it-Tlieta li għadda, 3 ta’ Frar 2015, kien l-20 anniversarju mill-ikbar traġedja fit-Tarzna ta’ Malta kif ukoll f’kull post ieħor fuq il-post tax-xogħol f’Malta.

L-istorja kulħadd jafha. Tkellimt ma’ Gordon Pisani, ħu Simon Pisani li kellu 22 sena u huwa l-iżgħar vittma ta’ din it-traġedja. Għad hemm rabja, anzi rabja kbira.

“Waħda mill-ħafna mir-rabja li għandi hija li naħseb li kien hemm min kien ħaqqu li jiġi kkastigat tal-iżbalji li għamel. Vera li kulħadd uman u jista’ jiżbalja, imma min kien responsabbli li jara li l-vapur kien mija fil-mija ‘gas free’ naqas li jagħmel dan u l-fatti juru għax kieku ma kinitx isseħħ din it-traġedja. “Allura ġustizzja magħna u mal-familji tat-tmin ħaddiema l-oħrajn u dawk li sofrew xi ġrieħi dakinhar, baqgħet ma saritx.

“Il-ħaddiema, fosthom ħija, kienu ngħataw l-ordni biex jibdew jaħdmu għax suppost li kien hemm xi ħadd responsabbli li jara li l-ħaddiema kollha kienu se jaħdmu f’post sigur. Dan ma sarx.

“Naħseb li l-affarijiet setgħu saru aħjar waqt l-investigazzjonijiet. Ma nistax ngħid li kien hemm xi ħabi, imma s-suspetti tiegħi hemm qegħdin,” qalli Gordon b’ton ta’ diżappunt aktar milli vendikattiv.

Gordon beda biex qalli li meta ċempiltlu biex nintervistah dwar it-traġedja li għaddew minnha, fi ftit minuti ra film għaddej quddiemu minn dak li ġara 20 sena ilu.

“Jien u Simon konna qrib ħafna ta’ xulxin. Anke konna norqdu fl-istess kamra. Konna niċċajtaw flimkien, kbirna flimkien, għalkemm ma tantx gawda mill-ħajja. Meta ġab il-liċenzja u beda jsuq kien iwassalni u anke jiġi għalija l-iskola. Dak iż-żmien kont immur Umberto Colosso f’Santa Venera u Simon kien jaħdem bil-lejl u kien jispiċċa fis-6am. Minflok jidħol jorqod kien iwassalni hu.”

Meta seħħet it-traġedja tal-Um El Faroud, Gordon Pisani kien se jagħlaq 16-il sena. Gordon ma tilifx lil ħuh biss, imma tilef. Għaldaqstant meta x-xokk kompla jirranka fuq Gordon kien fi żmien taż-żogħżija fejn kien mifxul u ma setax jifhem għaliex ġara dak li ġara u kif ħuh Simon mhux se jirritorna d-dar.

“Li kieku ma kinux erbat iħbieb li kienu ta’ appoġġ kbir, u ppermettili nirringrazzjahom minn hawn, kieku ma nafx x’kien isir minni. Sibthom meta ħajti kienet qiegħda tikkrolla. Kienu jiġu miegħi anke meta kont immur inżur il-qabar ta’ ħija. L-istess appoġġ enormi sibtu meta ltqajt mal-mara, Rachelle. Għinitni u għadha sal-lum ta’ għajnuna kbira.”

Intervista sħiħa fil-ħarġa tal-ILLUM

John Pisani ilu f'din il-professjoni tal-ġurnaliżmu mill-1984. Beda bħala produttur tat-TV u ġurnalist f'Toronto fil-Kanada fuq stazzjon tal-komunità. Fl-1985 ġie Malta u beda jaħdem bħala cameraman tal-aħbarijiet fuq it-TVM sal-1994 meta mbagħad ingħaqad ma' One Productions bħala ġurnalist għal One News. Fl-1996 beda jaħdem bħala ġurnalist investigattiv mal-Union Press sa Frar 2014.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook