“Ma rridux nagħmlu Għawdex bħal Paceville iżda lanqas irridu nkunu pasturi fi presepju”

Intervista esklussiva ma' Anton Refalo

Il-Ministru qal li Għawdex illum qed jinbiegħ bħala niċċa differenti minn Malta, “Aħna ma rridux inkunu l-bitħa ta’ wara jew estensjoni ta’ Malta. Il-karatteristiċi tagħna jagħmluna differenti minn Malta fejn Għawdex kapaċi jiġbed turiżmu mediku, tal-opri, ċentru tal-konferenzi, agri turiżmu, reliġjuż u jkompli jkabbar t-turiżmu tal-għaddasa. Irridu turiżmu ta’ kwalità, sostenibbli u responsabbli.

“Ma rridux nagħmlu Għawdex Paceville ieħor iżda ma rridux inkunu pasturi fi presepju lanqas. Irridu nisfruttaw l-identità vera tagħna bi proġetti li jixirqu għal Għawdex.”

Semmejtlu li dan l-aħħar fuq is-siti tal-internet dehru ilmenti dwar l-istat diżastruż tat-toroq arterjali f’Għawdex, speċjalment dik f’Tas-Sannat u dik li twassal għan-Nadur u l-Qala. Staqsejtu jekk ingħatax fondi biżżejjed. “Nixtieq dejjem iżjed fondi ħalli nirranġa kull triq f’Għawdex” qalli bi tbissima Anton, “Iżda għandna pjan li nirranġaw it-toroq u qed nirranġawhom. Ix-Xagħra bdejna 8th September Avenue barra t-tisbiħ tal-pjazza u taz-zuntier tax-Xagħra. Wara li jitlesta dan ix-xogħol fix-Xagħra l-pjan huwa li nibdew Triq Sannat. Se jibda t-tisbiħ tal-pjazza ta’ Għajnsielem u nibdew Triq it-Tiġrija, tan-Nadur li twasslek sal-Qala. Oltre dan, din  is-sena se nkunu asfaltajna 10 km ta’ tarmak f’toroq prinċipali bejn Ħondoq ir-Rummien fil-Qala sa Ta’ Ċenc Sannat.  Bl-għajnuna tal-WSC bħalissa qed jiġi mniedi l-proġett tal-pipeline f’Għawdex. Barra minn hekk diġà identifikajna toroq fir-Rabat biex isir tarmak fil-futur qarib.  Sfortunatament l-andament tax-xogħol jiddependi mit-temp li  bħalissa mhux jippermeti.”

Iżda tlabtu jelenkali eżatt x’inhuma l-proġetti li qed jara li jkunu lesti sa tmiem il-leġislatura, jiġifieri sa tliet snin oħra. Għidtlu wkoll li din il-lista li kien se jagħtini nurihielu tliet snin oħra qabel l-elezzjoni. Weġibni bħal dejjem b’dik it-tbissima u bdieli l-lista.

“Irridu mmexxu ’l quddiem l-istrippa tal-ajru rurali fejn ikollna servizz skedat bi prezz raġonevoli u jekk possibli konnettività mhux biss għal Malta iżda wkoll għal Sqallija u gżejjer viċin tagħna. Hi x-xewqa tiegħi li flimkien mal-fixed wind (mhux il-low cost airline) jitħaddem ukoll is-servizz tal-ħelikopter għax wieħed ma jeskludix lill-ieħor. Naħseb li tagħmel ħafna sens fil-kunċett ta’ gżira ekoloġika li jkollok skola tal-avjazzjoni f’Għawdex.

“Dwar il-proġett taċ-Cittadella biddilna l-maġġor parti tal-kunċett kollu u anke saru l-pjanti ġodda minħabba l-iskavi li nstabu. Bil-mod kif inhu ppjanat l-proġett speċjalment bil-bini taċ-ċentru tal-viżitaturi persważ li ċ-Ċittadella se tkun patrimonju dinji tal-umanità. Għaddejjin ukoll studji biex niksbu fondi mill-Unjoni Ewropea biex inwaqqfu l-Gozo Museum li x-xewqa tiegħi hi li jkun mużew interattiv u mhux sempliċiment depożitarju tal-arti. Bdejna bi proġett biex b’fondi tal-Unjoni Ewropea nagħmlu x-xogħlijiet utli fil-Menqa ta’ Marsalforn u nagħmlu faċilitajiet aktar adekwati għas-sajjieda. Il-pixxina hija prijorità fl-aġenda tagħna u preżentament dan il-proġett qiegħed f’idejn il-Gozo Sports Board li qed imexxi ’l quddiem dan il-proġett. Anke l-korsa taż-żwiemel qiegħda fuq l-aġenda tal-Ministeru għal Għawdex. Qegħdin niffinalizzaw il-pjanti biex nibdew il-proġett ta’ tisbiħ ta’ pjazza San Franġisk fir-Rabat u kif iddikjarat fil-baġit mexjin flimkien mal-Malta Enterprise u mal-Malta Industrial Park biex nakkwistaw fondi biex f’Għawdex nagħmlu Park tal-SMEs. Ma rridux ninsew RS2 li bdiet bil-bini tagħha b’investiment ta’ miljun ewro kif ukoll il-proċess miexi ’l quddiem biex f’Għawdex isir it-tieni cable tal-broadband bejn Malta u Għawdex. Qed nikkonkludu proġett tal-panelli f’Taċ-Ċawla fejn hemm is-social housing. Hu ppjanat li fiż-żmien qarib il-familji jibdew jibbenefikaw minn roħs ulterjuri fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Ġew poġġuti 230 pannella fuq 15-il blokka ta’ appartamenti.”

 

L-intervista sħiħa fil-ħarġa tal-ILLUM

More in Intervisti