Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

M'għandix minn xiex nibża' - Jason Azzopardi

Aqra l-intervista esklussiva mal-ILLUM ma' Jason Azzopardi

John Busuttil / 10 ta' Diċembru 2014 09:56
Iltqajt ma’ Jason u morna nieħdu kafè. L-ewwel kliem tal-konverżazzjoni kienu fuq it-tim tal-Hibs u dlonk beda jitkellem dwar l-idolu tiegħu, missieru li kien plejer ma’ Hibs u anke ma’ Floriana. Jason kien tilef lil ommu meta kellu 16-il sena u hu u ħuh trabbew ma’ missierhom biss.

Beda jgħidli kif bdiet il-ħajja politika tiegħu meta ta’ 25 sena kien għadu student u Eddie Fenech Adami kien bagħat għalih u talbu biex jikkontesta l-elezzjoni ġenerali meta dak iż-żmien kien fil-kumitat tal-partit ta’ Raħal Ġdid. Kien aċċetta fl-istess żmien li kien qed jagħmel il-Masters u meta kien ħaseb li se jġib 200 vot irnexxilu jġib 900 vot u dan il-fatt għamillu kuraġġ. Tant li sentejn wara minħabba l-elezzjoni bikrija reġa’ kkontesta u rdoppja l-voti u tela’ fil-parlament.

Staqsejtu jekk issa li jinsab fl-oppożizzjoni naqqasx mix-xogħol, “qed naħdem ħafna aktar għax issa m’għandix min jgħini fix-xogħol, kollox waħdi. Qed naħdem mad-19-il siegħa kuljum,” qalli Jason filwaqt li kompla jgħidli li anke biex reġa’ beda x-xogħol fil-qorti bħala avukat qed iħossu qisu għadu ħiereġ mill-Università. “Meta sirt segretarju parlamentari jien qtajt kollox bħala xogħol legali, fejn anke kelli problemi ma’ ħbieb tiegħi meta lanqas parir legali b’xejn ma ridt nagħtihom għax ħassejt li ma stajtx nagħmel dan minħabba l-etika ta’ ministru. Kien hemm anke min ħa għalih.” Jason Azzopardi qalli kellu jegħreq l-għaraq tad-demm biex jerġa’ jibda, “u x-xogħol żdied. U dan għax jien m’għandi obligazzjonijiet lejn ħadd u kuntent li mxejt sew fil-ħames snin li kont ministru.”

Hawnhekk fakkarni fil-kliem tal-baġit tal-Prim Ministru meta pponta lejh u qallu, “tinkwetax Jason tiegħek ġejja dalwaqt.”

“Ħasra li ma smajtux lili nwieġbu spirtu pront fejn għidtlu – bring it on.” Diżonestà li tgħid li fil-każ tal-Fekruna li hemm kwistjoni dwarha. Meta hu jaf li fil-proġett kien hemm periti viċin il-Partit Laburista involuti. M’hemm l-ebda involviment fil-każ la minni u lanqas minn Tonio Fenech. Iżda l-ispiżjar milli jkollu jagħtik. Il-fatt li qed isibni ta’ xewka kontinwa fil-kritika qed iddejqu u jrid jara kif mingħalih se jwaqqafni. Iżda jien m’għandix biex nistħi f’dak li għamilt anzi jiddispjaċini li bħalma għamilt f’Tal-Fekruna ma rnexxilix nagħmel fuq tliet siti oħra bħar-Riviera Martinique, il-Mellieħa u n-naħa tat-Tigullio. Kienet wegħda elettorali tagħna li xenarju sabiħ nixtruh mill-privat u ngħadduh lill-poplu. Konna nfaqna madwar 4 miljuni u kkritikani meta hu fi 3 xhur ħallas €4.2 miljun għal Cafè Premier. Għalhekk nerġa’ ngħid “bring it on” għax m’għandix minn xiex nibża’.”

Id-diskors waqa fuq il-fattur ‘feel good’ li donnu qed jinħass fil-Partit Nazzjonalista. “Jien u sħabi bqajna nduru fid-djar u sa Ġunju li għadda deher li l-poplu kien niżżel ‘shutter’ fuq dak kollu li kien jgħid il-Partit nazzjonalista. Kienu jgħidulna ‘tuhom ċans’, ‘għadhom jibdew’. Issa d-diska tal-popu nbidlet. Issa qed jgħidu li Muscat ma jistax ikompli jwaħħal f’ta’ qabel. Il-poplu beda jismagħna.”

Ma jistax ikun li tkun qed titkellem ma’ Jason Micallef u ma jaqbadx is-suġġett dwar pulizija u suldati u fil-fatt beda jgħidli x’għaddej eżatt fil-pulizija u fl-armata.

“Mhux qed nigdeb meta ngħidlek li huma diversi pulizija u suldati li għaddejjin minn martirju minħabba t-trasferimenti li qed isiru li jfakkruna fit-tmeninijiet. U dawn mhumiex ġejjin kollha mill-kamp Nazzjonalista, anke jekk Laburisti mhumiex tal-qalba. Dawn iwaqqfuni u jgħiduli, ‘Dott illum ikolli ngħid li kont aħjar meta kont naħseb li qiegħed agħar’.”

Jason Azzopardi qalli li taħt il-Ministru Mallia saru promozzjonijiet illegali tal-brigadier preżenti u anke l-kurunelli. Meta staqsejtu x’ried ifisser bil-kelma illegali, Jason qalli li suppost il-brigadier jirrikomanda l-promozzjonijiet, “iżda l-promozzjonijiet saru mingħajr rakkomandazzjoni u saru mill-Ministru Mallia nnifsu. Speċjalment fil-każi ta’ Jeffrey Curmi u Mark Mallia li nafu x’bandiera jtajjar. Lil Mark Mallia qabżuh 21 persuna u lil Jeffrey Curmi qabżuh 14-il persuna.”

Meta tlabtu jgħidli x’kellhom aħjar dawk li nqabżu, Jason qalli, “dawk li nqabżu kienu marru jistudjaw, marru korsijiet u marru deployments li dawk li laħqu m’għamlux. Kien hemm fizzjal minnhom għandu l-masters fl-IT minn King’s College u mhux talli nqabeż talli ntbagħat fiċ-ċentru ta’ detenzjoni. U dan m’għandux bandiera politika iżda mhux Laburist tal-qalba.

“Fizzjal ieħor li mexxa missjoni ħdejn is-Somalja u kien imfaħħar għas-suċċess tiegħu, fejn il-ministru Mallia kien anke mar il-port isellem lit-tim tiegħu sejjer (u sew għamel), ħa l-grazzi billi nqabeż u sar jaf wara żmien ’l bogħod mill-familja u rritorna.

“Dawn li nqabżu fetħu każ mal-Ombudsman u Mallia rrifjuta l-aċċess għal files. L-Ombudsman issa għamel protest il-qorti għax skont hu Mallia qed jimmina l-istituzzjoni tal-Ombudsman u dan hu eks prim imħallef. Dan hu każ bla preċedent. Għax l-Ombudsman hu uffiċjal parlamentari.

Jason qal ukoll li l-maġġoranza tal-pulizija ma vvutawx lin-Nazzjonalisti minħabba l-ħlas tal-overtime, “Iżda fi tliet baġits lanqas biss issemmiet ċifra u baqgħu b’xejn. Meta tlabtu għaliex ma tħallsux qalli li għadu jistudja l-volumi ta’ ħlasijiet li ħallejna aħna. U jekk dan hu vera għaliex qabel l-elezzjoni kien semma’ ċ-ċifra ta’ ħlasijiet li kellhom jitħallsu, allura jekk qabel l-elezzjoni kien jafhom, kif issa ċ-ċifra għadu ma sabhiex?”

 

 

Tkellem ukoll dwar l-assoċjazzjoni tal-pulizija li wkoll tellgħet lil ministru l-qorti għax skont dokument li ħareġ Mallia ċertu karigi jsiru minnu u għalhekk jekk ikun hemm xi uffiċjal għoli li jkun irid jinvestiga lill-istess ministru jew lil xi ħadd tal-gvern ma jkunx jista’ jagħmel dan b’libertà għax irid mill-ministru. U kumbinazzjoni bħalissa qed jiġri każ simili fil-każ tal-isparatura. Qatt fl-istorja tal-korp ma saret xi ħaġa bħal din li titneħħa l-awtonomija tal-korp.”

Skont Jason Azzopardi, il-ministru Mallia jixtieq li jniżżel ismu fl-istorja, “u jien ngħidlu serraħ moħħok. Se tibqa’ tissemma dwar il-każ tal-Ombudsman u  dwar il-promozzjonijiet illegali. Martin Scicluna li hu Laburist magħruf kiteb li l-ħsara li għamel Mallia ġabet fix-xejn ix-xogħol tajjeb li kien għamel fl-armata Alfred Sant. Anke Vanni Bonello qal li f’sena u nofs hemm kriżi istituzzjonali. Din hi arroganza pura u dan kollu bil-barka tal-Prim Ministru li ma jistax jibqa’ jinħeba.”

Kif semmielu l-arroganza moħħi mar fuq Austin Gatt li wkoll kien jissemma li l-arroganza tiegħu wasslet lil Gonzi li jibda t-triq tan-niżla u staqsejt lil Jason jaħsibx li Manwel Mallia se jkun l-Austin Gatt ta’ Muscat. Hawnhekk Jason, beda jagħmel mossi ta’ speċi għandek raġun, “ifhimni r-reputazzjoni u l-attitudni ta’ Austin Gatt hekk kienet, kellu attitudni bruska, iżda taf fejn int miegħu u qatt ma kiser il-liġi biex jeġavola lil xi ħadd bħal ministru tal-intern u tas-sigurtà nazzjonali li għandna.

“Bħala partit ma jaqblilniex li Mallia jirriżenja għax qed jagħtina mileage kbir għax ‘he is an accident waiting to happen’, qassata wara l-oħra. Anke deputati Laburisti jiġu jkellmuna u jgħidulna li ma jafux x’qed jistenna biex jirriżenja.”

Mistoqsi mela għaliex iriduh jirriżenja, Jason qalli li għal pajjiż ma jistax ikollok ministru li jaħbi l-verità u jagħmel daqshekk illegalitajiet.

"“Sa Ġunju n-nies ma kinux jagħtu kasna iżda issa qed jisimgħuna”"
“Kif jgħid li ma qarax l-istqarrija li ħareġ il-ministeru meta kull ministru jaqra kull stqarrija qabel toħroġ? Kif low loader waslet qabel il-pulziija tad-distrett meta s-soltu ġieli stennew sagħtejn biex tasal? Kif jista’ jkun li kien mal-kummissarju dak il-ħin u ma tkellmux dwar il-każ kif saru jafu bih? Għaliex ma marritx l-iskwadra omiċidi u esperti ballistiċi meta kien hemm sparatura? Għaliex ma ttiħidx it-test tal-GSR (Gunshot residue)? Dawn huma mistoqsijiet li l-poplu qed jistenna li jiġu mwieġba.

“Anke l-fatt li jgħid li ma kienx jafu lix-xufier qed jinsulenta l-intelliġenza tal-poplu, għax kull ministru jagħżel ix-xufier hu, għax irid ikun persuna ta’ fiduċja kbira għax dan joroqd miegħek ikun jonqsu. U jien kont ministru u naf. Jekk m’għażlux hu allura hu l-uniku wieħed li qatt għamel hekk.

“Issa int staqsejtni jekk Mallia jistax ikun id-‘downfall’ ta’ Muscat, ma naqbilx. Id-downfall ta’ Muscat se jkun Muscat stess. Mallia hu biss l-effett ta’ kultura li ħoloq Joseph Muscat li jagħti l-arja u r-riħ fejn jekk int tal-qalba timxi. L-akkontabilità tal-gvern kienet teżisti biss meta kien fl-oppożizzjoni. Issa spiċċat għal kollox. Dwar Dalli, Mizzi, Mallia u oħrajn kollox qed iħalli għaddej.”

Mistoqsi jekk il-PN jikkuntentax jekk il-Prim Ministru jkollu jibdillu d-dekasteru, Jason qal li jekk il-Ministru Mallia jrid jassumi r-responsabilità bħala ministru għax billi tibdillu dekasteru ma jfisser xejn. “Aħna qed inkejlu bir-riga li kejlu huma meta konna fil-gvern.”

Kien dan il-ħin li Jason Azzopardi beda jsemmi litanija sħiħa ta’ deputati Laburisti u nies tal-qalba li kollha qed jitħallsu belli liri, “qed jagħti dawn il-pagi lid-deputati li ma ngħatawx ministeri biex iżommhom kwieti. Imbagħad kirjiet ta’ appartamenti mogħtija lil nies bi problemi soċjali għollihomlom bil-moħbi aktar minn sitt darbiet aktar. Mara qaltli li issa qed ikollha tħallas €50 kull tliet xhur kera meta qabel kienet tħallas €9 u hi tixtri mediċina lil binha bl-ażma li tiswa €50.”

Jason Azzopardi temm l-intervista billi reġa’ tenna dak li beda bih, “Nerġa ngħidlek li sa Ġunju li għadda n-nies tawh il-benefiċċju tad-dubju, issa żmien il-qamar il-għasel spiċċa u issa qed jisimgħu x’qed ngħidu aħna li se nibqgħu nwasslu dak li qed jiġri.”

 

PROFIL

Jason Azzopardi hu minn Raħal Ġdid u għandu 43 sena

Miżżewweġ lil Marika minn B’Kara u ilu avukat mill-1997

Sar membru Parlamentari fl-1998 fejn kien l-iżgħar membru fil-Parlament ta’ 27 sena

Ikkontesta b’suċċess l-elezzjonijiet tal-2003, 2008 u 2013

Fl-2008 inħatar Segretarju Parlamentari tal-artijiet, SME’s, Konsumatur u Kompettitività u fl-istess leġislatura l-istess segretarjat ġie sar Ministeru.

Illum hu shadow minister għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali

 

 

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook