Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

Akbar m’int akbar hemmek – Joe Mifsud

Fl-2009 iddeċidejt li nitlaq il-politika partiġġjana

John Busuttil / 14 ta' Novembru 2014 12:40
Joe Mifsud
Tkellimna ma’ Joe Mifsud dwar il-każ ta’ Patri Charles Fenech. Mifsud barra li hu ġurnalist u opinjonista, hu wkoll avukat. U dan fil-fatt jista’ jkun konflinġenti għax ġurnalist jikxiflek l-għawar u hemm min ukoll jagħti opinjoni tiegħu dwar l-imputat u l-avukat anke jekk għandu opinjoni jista’ jkun il-persuna li jiddefendi l-istess imputat.

Joe Mifsud li hu persuna intiża u attiv ħafna fid-djoċesi tal-Knisja Għawdxija tkellem magħna dwar il-każ tal-Patri Dumnikan Charles Fenech. “Akbar int akbar hemmek. Jekk tagħżel li tkun persuna popolari nkella li tkun fuq quddiem fis-soċjetà, trid iżżomm il-livell tiegħek fuq quddiem ukoll. Dment li int persuna pubblika l-istandards tiegħek huma ogħla minn ta’ ħaddieħor. 

“Ma neħodiex kontra l-ġurnalisti li kixfu l-istorja. L-iżball biss jekk jikkummentaw dwar il-każ, iżda li jirrapurtawh hu xogħolhom. Għax xogħol il-ġurnalist hu li jxandar dak kollu li jagħmel persuna pubblika.

“Bħala parti mill-Knisja nħossni mweġġa’ fuq dak li qrajt dwar l-istorja ta’ Patri Fenech u jirriżulta kif jirriżulta żgur li hu ġerħa kbira fuq il-Knisja. Jekk dak li qrajt li r-Response Team ilu 8 snin jinvestiga mhux aċċettabbli. Għax anke l-qorti Ewropea qed titlob li l-proċessi anke jekk ċivili jridu jiġu deċiżi b’urġenza, biex issir ġustizzja malajr sew mal-vittma kif ukoll mal-persuna implikata.

“Nistenna l-eżitu tal-qorti u Patri Fenech irid iwieġeb quddiem il-qrati fejn hu preżunt innoċenti sa ma jinstab ħati u jrid iwieġeb ukoll quddiem Alla u l-Knisja wkoll ta’ għemilu mingħajr ma nasal għall-ebda konklużjoni. Hu ta’ interess tal-Knisja li jkun hemm deċiżjoni malajr ħa tibda titfejjaq il-ġerħa.

Qgħadna bilqiegħda f’mejda ċkejkna mdawrin mal-kotba tal-librerija/kafetterija u bdejna niddiskutu l-aħħar ktieb ta’ Joe Mifsud li hu studju investigattiv li ħadlu snin biex għaqqdu dwar ir-rabta tat-terroriżmu u l-gżira ċkejkna tagħna. Iżda lanqas ilħaqna ftaħna l-ktieb li d-diskors ma darx fuq aspetti oħra ta’ Joe Mifsud. Mifsud il-politiku, Mifsud il-ħabib tal-Isqof Grech, Mifsud il-ġurnalist u Mifsud l-opinjonista.

L-ewwel argument waqa’ fuq il-każ ta’ Fr Charles Fenech fejn Joe qal, “Akbar int akbar hemmek. Fil-ħajja tiegħi bħala ġurnalist, avukat, fl-isports u l-politika rajt ħafna nies jitfarrku u jkollhom fallimenti fil-karigi u l-familji tagħhom u dawn kollha jiġu minn tliet elementi li jwasslu għal din il-qerda, nisa ta’ ħaddieħor, xorb bla rażan u r-rgħiba għal-flus.”

Dwar il-każ ta’ Fr Charles Fenech, Mifsud qal li b’dak li qara weġġgħu bħala persuna li jifforma parti mill-Knisja, “u anke jekk dan il-każ ma nafx x’se jirriżulta minnu diġà ħalla ġerħa fuq il-Knisja. Il-fatt li qed jingħad li r-Response Team ħa tmin snin biex jiġġudika l-każ mhux aċċettabbli. Każijiet bħal dawn għandhom jinstemgħu b’urġenza, ħalli fi żmien qasir issir ġustizzja mal-vittma u mal-persuna implikata.

"“In-nisa, ix-xorb u r-rgħiba għal flus huma t-triq tal-falliment”"
“Patri Charles Fenech irid iwieġeb quddiem il-qrati Maltin għall-akkużi li hu ffaċċjat bihom fejn hawn hu preżunt innoċenti qabel jinstab ħati, iżda Patri Fenech irid iwieġeb ukoll quddiem Alla u quddiem il-Knisja wkoll ta’ għemilu mingħajr ma nasal għall-ebda konklużjoni. Hu ta’ interess tal-Knisja li jkun hemm deċiżjoni malajr ħa tibda titfejjaq il-ġerħa.

“Dwar li l-istorja ħarġet fil-mezzi tax-xandir, naqbel magħha anzi naħseb li damu ma xammewha la kienet ilha għaddejja tmien snin fil-Kurja. Ġurnalist għandu dover li jxandar informazzjoni dwar nies f’karigi pubbliċi.”

Id-diskors waqa’ fuq l-Isqof Mario Grech ta’ Għawdex li Joe ammetta li hu ħabib tiegħu u li regolarment jiddibatti miegħu, jiddiskuti l-problemi u l-kriżijiet li jgħaddi minnhom u wara li jitkellem miegħu jħossu tajjeb. “Mhux idolu tiegħi, iżda meta ltqajt miegħu wara li sar isqof indunajt li hu persuna progressiva u ħafna ’l bogħod minn dak il-konservattiv li ħafna jqisuh. U fis-sinodu wera kemm hu progressiv bil-mod kif tkellem dwar Knisja inklussiva.”

Ippruvajt neħodlu minn moħħu jekk jixtieqx li Mario Grech ikun l-arċisqof il-ġdid ta’ Malta, iżda donnu li din il-mistoqsija kien lest għaliha u weġibni b’mod ferm diplomatiku. “Min se jinnomina l-isem li jkun l-arċisqof ġdid ta’ Malta jkun illuminat mill-Ispirtu s-Santu. Għandna bżonn ta’ leader, persuna li ma jkunx biss għal tbissima, persuna deċisiva anke meta jkun kontra l-kurrent, inklussiva u li jkompli l-ħidma soċjali għall-aktar nies batuti. Il-Knisja trid tkun  il-leħen fost l-ilħna.” Joe għażel li ma jweġibnix direttament, iżda dawn il-karatteristiċi li semma kollha joqogħdu għal Dun Mario Grech.

Dorna fuq il-politika, “dik storja passata” beda biex qalli Mifsud. “Sal-1987 ma kontx imdaħħal fix-xena politika. Dak iż-żmien ħsibt li t-triq tiegħi kienet dik tas-saċerdozju. Niftakar l-aħħar irtir li attendejt f’Tal-Virtù. Kien it-3 ta’ Novembru 1986 dakinhar tal-mass meeting tal-PN f’Tal-Barrani minħabba l-qagħda sħuna li kien fiha pajjiżna dak iż-żmien konna għamilna talba biex ma jkunx hemm tixrid ta’ demm u jien kif tlaqt mill-irtir mort ma’ missieri l-mass meeting tal-Labour Ħaż-Żebbuġ. Immilitajt fil-kamp Laburista għax ħassejt li nista’ nagħti kontribut lil dawk li ma kellhomx leħen. Għamilt dan sal-2009 meta minħabba impenji fil-qorti ma bqajtx involut fil-politika partiġġjana. Is-sena ta’ qabel ma ġejtx elett bħala segretarju internazzjonali meta d-delegati Laburisti għamlu għażla li jivvutaw lil Alex Sciberras Trigona. “Kien hemm għażla mid-delegati u jien aċċettajt dak li għażlu huma. Kont diżżappuntat ħafna iżda ddeċidejt li nibqa’ għaddej u l-ħin li kont nagħti lil politika tajtha lil Puttinu Cares, lid-djoċesi tal-Knisja f’Għawdex u bdejt insegwi l-futbol, il-Juventus u l-Vatikan. 

Waqt li kont qed nintervista lil Mifsud kien għadu ġej mill-isptar fejn ommu kienet rikoverata fl-emerġenza. “Kemm nixtieq li xi darba l-laqgħa tal-kabinett u tal-parlament isiru fit-taqsima tal-emerġenza f’Mater Dei għax b’hekk dawn iħossu minn xiex jgħaddu l-qraba tal-pazjenti u jaraw mill-viċin il-qalb kbira ta’ min jaħdem l-isptar li jgħinu lil pazjenti meta jkunu dgħajfa. Mhix ħaġa kbira li ssir għax diġà ltaqa’ Marsaxlokk, Mellieħa u Għawdex.”

"“Attendejt il-ġuri ta’ Lockerbie minn buti”"
Qbadtlu s-suġġett Dwar Joseph Muscat li hu kien jaħdem miegħu fis-Super One u ż-żgħażagħ, qalli, “Fi żmien meta kont nafu sewwa nafu b’ċerti valuri u hu iben ta’ ġenituri mill-aqwa. Nixtieq li dawk il-valuri li nafu bihom jien jibqgħu u mhux ikun hemm persuni jippruvaw jimponu ideat li ma jkunux ta’ prinċipju imma skont x’jaħseb il-poplu fl-istħarriġ.  Xi kultant li jkunu jridu n-nies ma jfissirx li jkunu għażliet dejjem tajbin. Fi żmien Kristu n-nies għażlu lil Barabba flok Ġesu.”

Fl-aħħar bdejna nitkellmu fuq il-ktieb li hu riċerka li saret fuq medda ta’ snin. “Kont ippruvajt noħorġu fl-2008 iżda ma sibtx appoġġ għax jien ridtu bil-lingwa Ingliża ħalli jmur fix-xena internazzjonali. Kont ili naf lil Martin Bugelli u dejjem konna niddibattu fuq Iżrael u l-Palestina (għax hu pro Iżrael), dwar Inter u Juve (għax hu Interist) insomma kważi ma konna naqblu f’xejn, ħlief li meta nidhru fuq xi stazzjon televiżiv, ma naċċettawx li jagħmlulna l-irtokk. Tlabtu jkun l-editur ta’ dan il-ktieb li fih ’il fuq minn 400 paġna meta l-oriġinal li tajtu jien kien ta ’l fuq minn 800 paġna u llum għandha prodott mexxej ħafna li tista taqrah b’pass mgħaġġel. Li kieku l-pubblikaturi Kite ma emmnux fil-prodott u ppubblikawh kieku l-ktieb mhux qiegħed f’idejk. Il-ktieb jitratta 40 sena ta’ attentati terroristiċi li b’xi mod Malta spiċċat involuta fihom.

Dan il-ktieb fih diversi attentati u anke attentati li ma twettqux. Jibda bil-ħtif ta’ Jumbo Jet fl-1973, il-ħtif tal-Libyan Arab Airlines fl-1983, il-bombi li twasslu mil-Libja għal Eġittu bit-titjira tal-Air Malta, il-bombi li nstabu mwaħħlin ma’ Yacht Palestinjan f’Manoel Island, il-ħtif tal-Egypt Air fl-1985, il-ħarba ta’ priġunier ta’ Abu Nidal minn Kordin, persuni ta’ Al Qaeda li b’xi mod kellhom konnessjoni ta’ Malta l-assasinju ta’ Fathi Shqaqi, is-saga ta’ Lockerbie.

L-ittra li ntbagħtet mill-Ambaxxata Eġizzjana lill-Gvern Malti
F’dawn l-istejjer kollha kien hemm involut pajjiżna u Joe Mifsud f’ħafna minnhom kien involut fl-investigazzjoni tiegħu bħala ġurnalist. Iżda bla dubju li l-akbar involviment tiegħu kien fl-istħarriġ tal-assasinju ta’ Fahti Shqaqi fejn Mifsud żar il-kwartieri tal-Jihad Iżlamiku f’Damasku s-Sirja fejn intervista lis-suċċessur ta’ Fahti Shqaqi u żar anke l-familja tal-istess Shqaqi. Ma kienx faċli għalih iżda bil-kuntatti li kellu, il-mexxej tal-Jihad ċempillu personali u stieden lil Mifsud jintervistah is-Sirja. “Mort minn flusi, tlaqt kontra l-parir ta’ kulħadd. Ħallewni ġurnata fil-lukanda nistenna fejn ħadd ma kkuntatjani, u wara 24 siegħa ħaduni f’karozza kbira bi ħġieġ iswed u daħħluni f’kamp tar-rifuġjati fil-kwartieri tal-Jihad Iżlamiku, f’kamra mimlija ritratti ta’ suicide bombers. Ħaduli r-recorder, il-mobile u kollox fejn il-familja tiegħi ma kinux jafu għadnix ħaj jew mejjet għax ma ħallewni nikkuntattja lil ħadd. L-għada ltqajt mal-Kap u dan wara li interrogani hu, fdani u tani l-intervista li wieħed isibha sħiħa f’dan il-ktieb.”

Joe Mifsud kien ukoll l-uniku ġurnalist Malti li attenda għal ġuri ta’ Lockerbie, fejn skont hu minn dak li ħareġ s’issa Malta ma kellha x’taqsam xejn fuq it-tqegħid tal-bomba li splodiet fuq Lockerbie fi Skozja. F’dan il-każ ukoll spiċċa protagonista meta kemm il-prosekuzzjoni u d-difiża ddikjaraw li ma setgħux isibu Palestinjan bl-isem ta’ Salam Abu Nada li meta ġara l-każ ta’ Lockerbie kien jgħix Malta u li l-investigaturi barranin kienu ittepjawlu t-telefon illegalment f’pajjiżna. Ġimgħa wara li fil-ġuri ddikjaraw li ma setgħux isibuh, Mifsud irnexxielu jintervistah f’Gaza u l-intervista kienet ippubblikata f’ġurnal ewlieni fi Skozja. 

Mifsud mar madwar 23 darba l-Palestina fejn kiseb tagħrif siewi biex kiteb dan it-triq. Iżda l-ktieb fih każi interessanti ħafna fosthom dokument uffiċjali mill-ambaxxata Eġizzjana mill-Gvern Malti fejn infurmatu li jista’ jkun li ġew terroristi ta’ Abu Nidal biex joqtlu jew iħarrbu lil Ali Rezaq minn malta. F’idejna għandna l-ittra li hi wkoll ippubblikata fil-ktieb. 

It-tnedija tal-ktieb se joħroġ għall-bejgħ uffiċjalment nhar l-Erbgħa li ġej fis-sala Sir Temi Zammit f’Dar il-Mediterran fil-festival tal-ktieb fis-6.30pm u l-kelliem se jkun l-Imħallef  Emeritu Joe Galea Debono. “Kuntent li rnexxieli nlesti dan il-ktieb għax se jiddokumenta parti oħra ta’ pajjiżna. Sodisfatt li rajtu ppubblikat.”

Joe Mifsud qal li l-politika hi storja passata, li l-ġurnaliżmu hu storja passata, allura l-istorja preżenti u futura ta’ Joe Mifsud x’inhi? “Jien dejjem inħalli ventilatur, ma neskludi xejn u billi naqra kbir biex ngħaddi nħalli anke tieqa miftuħa. Jien se nkompli nagħti servizz fejn inħoss li nista nagħti kontribut.” Dwar jekk jirritornax fuq it-TV, Joe qalli. “Għamilt tliet snin fuq TVAM. Qatt ma tlabt biex inkun fuq dan il-programm imma ntlabt u kkonvinċewni, din is-sena m’offrewlix. U la jien se nibki għax ma qalulix u lanqas se nagħmel xi kruċjati. Ħajti mimlija b’ħidma tajba. ”

John Busuttil attenda is-Seminarju tal-Arċisqof fil-livell sekondarju. Fl-1978 attenda għal kors tal-Method Study organizzat mill-Malta Institute of Management u ġie ċċertifikat fil-Method Time Study. Fl-1987 attenda b’suċċess għal kors fil-Middle Management organizzat mid-dipartiment tal-Management studies fl-Universita ta’ Malta. Għal erba snin sħaħ, 1994, 2000, 2001 u 2004 kien finalist tal-ġurnalist tas-sena fil-BPC awards u fl-2004 ingħata dan l-unur għal 'significant contribution to Professional Journalism' Producer & Presenter ta' diversi programmi fuq NET TV, SMASH TV, PBS u ONE TV. Ipproduċa u ppreżenta programmi radjufoniċi dwar Vjaġġar u Sport u pparteċipa f'diversi programmi televiżivi u radjufoniċi dwar suġġetti varjati. Għal 43 sena ħadem mal-Media Link. U bħalissa jaħdem mal-MediaToday.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook