Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

“Il-PN ma tilifx l-elezzjoni li jmiss”

Claudio Grech għandu 40 sena. Miżżewweġ lil Charmaine u missier Matteo Paolo ta’ sitt snin u nofs u Francesca ta’ 4 snin. Għandu kumpanija ta’ Management Consultancy u membru Parlamentari Nazzjonalista. Kelliem għal partit dwar is-saħħa.

John Busuttil / 9 ta' Settembru 2014 10:47
Claudio Grech
Għal diversi snin ħdimt viċin l-eks Ministru Austin Gatt, anzi hawn min anke jsejjaħlek bħala l-iben prodiġju tiegħu. Austin Gatt hu ttimbrat bħala ta’ karattru arroganti filwaqt li int magħruf għal karattru miftuħ u komdu li bih kapaċi tiddiskuti. Forsi l-karattru ta’ Austin Gatt ma writtux, iżda xi ħaġa mingħandu writt?

Għamilt 14-il sena sħaħ naħdem mill-viċin ma’ politiku bla kantunieri li minnu rbaħt esperjenzi kbar. Austin Gatt kien minn ta’ quddiem fejn tidħol l-IT f’pajjiżna u kien il-persuna li għamel riformi kbar fil-pajjiż. Mingħand Austin tgħallimt li l-ministru qiegħed hemm biex iwettaq u mhux biex iparla u żgur li Austin kien evidenti f’dan. Il-ministru qiegħed hemm għal żmien pjuttost qasir u jrid jagħmel l-aktar ħidma bl-inqas spiża possibbli u fl-inqas żmien possibbli. Hemm ċertu bidliet li jaffettwaw il-kultura tal-pajjiż u dawn iridu jieħdu l-kors tagħhom sa ma jindraw. Austin kien persuna li jiddeċiedi u dawk li ma jgħoġbuhomx id-deċiżjonijiet tiegħu jqisuh arroganti. Il-fatt hu li qatt ma għadda lil ħadd biż-żmien.

Il-professjoni tiegħek hi l-IT. Kif ħadtha meta l-kap Nazzjonalista għarrfek li se tieħu ħsieb is-saħħa? Kont preparat għal dan il-qasam?

Kien madwar sena ilu meta l-kap qalli dan. Nammetti li kont sorpriż iżda fhimtu mill-ewwel. Għax aħna għandna kwalità ta’ kura ta’ klassi mondjali. Għandna tobba u infermiera tal-aqwa kwalità. Iżda hemm bżonn li s-servizz ikun aktar aċċessibbli għal pazjent. Irridu nħarsu mill-perspettiva tal-pazjent. Għalhekk hemm bżonn ta’ maniġment tajjeb biex is-saħħa tkun indaqs għal kulħadd u sostenibbli. Disgħin fil-mija tal-pajjiżi Ewropej il-ministri u eks shadow ministers dwar is-saħħa mhux ġejjin mis-settur tas-saħħa.

Taħseb li l-gvern Laburista kkopja lil Partit Nazzjonalista u fehem li biex tamministra l-qasam tas-saħħa m’għandekx bżonn tabib?

Direttament fil-qasam tas-saħħa jmexxi Chris Fearne. Hawn għandna perspettiva taqbel għax il-politiku jrid imexxi l-qasam finanzjarju. Wieħed irid iżomm f’moħħu li l-Gvern jonfoq 440 miljun ewro fis-sena għas-servizz tas-saħħa u l-poplu minn butu jonfoq 200 miljun ewro oħra fis-sena, f’pilloli, operazzjonijiet privati, tobba privati u assigurazzjonijiet. Il-politiku jrid jara kif ngħollu l-livell tas-servizz u nonfquhom bl-aħjar mod. Ma jfissirx li tabib ma jistax ikollu maniġment tajjeb lanqas imma f’dan il-każ il-ministru ġej mis-settur bħali. Meta qed tinvesti fis-saħħa tal-poplu qed tinvesti fl-ekonomija tal-pajjiż, għax bniedem b’saħħtu jagħtik ix-xogħol u mhux ikun piż fuq il-pajjiż. Għalhekk nemmen li għandna nżidu l-ispiża għas-saħħa.

F’Malta dawk li ma jifilħux iħallsu ma jħallsu xejn. U dawk li jifilħu jħallsu wkoll ma jħallsu xejn. Dan taqbel miegħu int?

Min m’għandux biex iħallas ma jħallasx taxxa allura mhux qed jitfa’ xejn lanqas fil-kaxxa għas-settur tas-saħħa. Min jiflaħ iħallas qed iħallas ħafna taxxa li minnha l-Gvern qed juża għas-saħħa. Mela min jiflaħ iħallas qed iħallas għas-saħħa.

"“Jien niddikjara l-qliegħ tiegħi pubblikament u dak li naqla’ naħdem għalih”"
Dan il-gvern bidel il-Ministru tas-Saħħa. Iżda apparti l-bidla tal-ministru bidel iżjed mill-amministrazzjoni ta’ qabel?

Godfrey Farrugia ħallas il-prezz tal-wegħdiet li ma setax iżomm, bħal-listi ta’ stennija u pilloli out of stock. Ħallas ta’ road map li ma kienx hemm. Ħallas għal kollezzjoni ta’ wegħdiet populisti. Godfrey kien ġenwin. Kien hemm problema ta’ tmexxija. Il-wegħda tal-meritokrazija nbidlet li tpoġġew nies inkompetenti u mingħajr esperjenzi u din saret across the board fis-settur tas-saħħa. Iva tpoġġew nies li kienu lesti jagħtu qalbhom iżda ma kinux kompetenti u fis-saħħa ma tistax tieħu dan ir-riskju.

Staqsejtni x’inbidel u nwieġbek mingħajr tlaqliq. Inbidel il-mod kif jikkomunikaw mal-mezzi tax-xandir. Listi ta’ stennija, ħin ta’ stennija fl-emerġenza, pilloli out of stock u l-mod kif qed jitmexxa l-isptar Monte Carmeli għadhom ma nbidlux. Ma narax bidliet li ssarrfu f’riżultati.

Iżda fil-preżent qed isiru operazzjonijiet f’ħinijiet li qabel ma kinux isiru u anke l-Ħdud u dan naqqas il-lista ta’ stennija? Veru dan?

Dan il-gvern seta’ jagħmel dan grazzi tal-qbil kollettiv li lħaqna aħna mat-tobba qabel l-elezzjoni. B’dak il-qbil fejn it-tobba ħadu anke żidiet il-gvern seta’ jestendi l-ħinijiet tagħhom. Min-naħa tagħna ġie ffirmat tard u dan il-gvern sabu lest. Għamel sew il-gvern li uża l-għodda li ħallejnielu. Iżda xorta ma nemminx li qed jgħaġġel biżżejjed. Infakkar li l-gvern dejjem għandu l-arloġġ jaħdem kontrieh.

Li kellek tkun ministru bħalissa timxi fuq ir-rapport ta’ Dalli?

Dalli kien Ministru tas-Saħħa għal sentejn. Ir-riforma primarja ġiet varata taħtu. Għandu perspettiva ekonomika li ma tistax tiġi injorata. Meta ħareġ ir-rapport il-Gvern Laburista ppolitiċizzah. Użah biex jattakka lill-amministrazzjoni ta’ qabel u wara li ħareġ ir-rapport il-gvern qal li dak kien ir-rapport ta’ Dalli u mhux tiegħu. Sal-lum il-Gvern għadu ma qalx jaqbilx miegħu jew le nkella fejn jaqbel u ma jaqbilx. L-unika entità li ppubblika stqarrija dwar ir-rapport ta’ Dalli hu l-PN fejn jien ktibt madwar sitt faċċati fejn elenkajt seba’ punti li aħna naqblu magħhom u elenkajna d-diverġenzi tagħna.

Bħalissa l-Partit Nazzjonalista qed isemma leħnu favur il-volontarjat. Għaliex il-gvern għandu jibbaża fuq il-karità fejn tidħol saħħa?

Teżisti differenza bejn karità u volontarjat. Karità meta persuna jkollu bżonn xi tip ta’ kura li ma jaffordjax u jmur għall-għajnuna għand xi organizzazzjoni. Volontarjat hu differenti. Il-volontarjat hemm bżonnu bħal SOS Malta, Knights of St John eċċ. Wasal iż-żmien li nirrikonoxxu lil dawn il-volontarjati li mingħajrhom il-pajjiż ikollu xi ħaġa nieqsa. Hemm bżonn qafas leġislattiv biex dawn jingħataw għodda u flus biex jistgħu jagħmlu x-xogħol siewi tagħhom u biex isostnu lilhom infushom. Jekk ix-xogħol li jagħmlu dawn ma jsirx ikollu jagħmlu l-istat u li jiswielu ħafna iżjed.

Irridu nieħdu bis-serjetà wkoll il-kura informali. Dawk in-nies li jieħdu ħsieb lil ġenituri tagħhom fid-djar tagħhom u jikkuraw lil dawn in-nies u jnaqqsu mill-piż tal-istat li jrid iżommhom f’home. Dawn jagħtu ħinhom biex jagħmlu dan u rridu niffaċilitawlhom ħajjithom biex ikomplu jagħmlu dan.

Hawn diversi infermiera u carers ma’ kuntratturi privati. Ma taħsibx li jkun aħjar kieku kollha jkunu impjegati mill-gvern?

Li jinkwetani mhux għax jaħdmu ma’ kuntratturi għax m’hemm xejn ħażin billi jkun hemm taħlita li jaħdmu mal-privat u mal-gvern. Li jinkwetani hu l-fatt li dawn l-infermiera jew carers jaħdmu fl-istess sala, jagħmlu l-istess xogħol u jitħallsu differenti. Tal-privat jitħallsu inqas u dan jinkwetani u din trid titranġa.

Illum is-saħħa f’Għawdex taqa’ taħt il-Ministeru tas-Saħħa u mhux taħt il-Ministeru ta’ Għawdex. Jekk il-PN ikun fil-gvern jerġa’ jpoġġi dan il-qasam fid-dekasteru ta’ Għawdex?

Amministrazzjoni Għawdxija għandha l-polz tan-nies f’Għawdex. Għalhekk ma tistax taqta’ l-kappa tas-saħħa minn taħt il-ministeru. L-operat tal-isptar għandu jkun immexxi mill-ministeru ta’ Għawdex filwaqt li s-servizzi u l-infrastruttura għandha taqa’ taħt il-Ministeru tas-Saħħa. Ma naqbilx ma’ amministrazzjoni post kolonjali li politikament nindirizzaw ministeru għalih u ieħor le.

L-aħbar dwar il-materjal ħażin li ntuża biex inbniet l-istruttura tal-binja tal-emerġenza ta’ Mater Dei x’tikkummenta fuqha?

Aħna nemmnu li kull dikjarazzjoni jew allegazzjoni b’rabta ma’ din il-materja għandha tiġi diskussa f’livell parlamentari, anke minħabba l-fatt li fil-binja, ta’ kuljum, ikun hemm mijiet jew mhux eluf ta’ pazjenti, qraba tagħhom, kif ukoll infermieri, tobba u mpjegati oħra. Is-saħħa u s-sigurtà ta’ dawn il-persuni għandha tingħata prijorità assoluta.

Int tagħti l-paga tiegħek parlamentari għal fondazzjoni li tmexxi int? Ma taħsibx li qed tagħti impressjoni hemm barra li bħala membru parlamentari għandek ħafna xi troxx?

M’għandix minn xiex nistħi ngħid kemm naqla’ flus. Jien niddikjara l-qliegħ tiegħi pubblikament u dak li naqla’ naħdem għalih. Li nagħti l-paga tiegħi netta (jiġifieri madwar €1,100 fix-xahar) lil fondazzjoni ‘Save a Life’ mhix gimmick tal-flus. Din hi fondazzjoni li tgħin lil dawk tal-ewwel distrett bi problemi soċjali kbar. Din hi fondazzjoni biex tgħin tfal u żgħażagħ minn dan id-distrett billi nedukawhom u nbegħduhom kemm nifilħu mill-problemi soċjali li l-ewwel distrett hu l-aktar distrett li għandu każi soċjali u assenteiżmu mill-iskejjel. Hu obbligu tiegħi bħala politiku li nitla’ minn dan id-distrett li ngħin kif nista’ u kemm nista’ lil dawn in-nies li wrew fiduċja fija.

Int wieħed mill-uċuħ ġodda tal-partit. Ħafna qed juru fiduċja fik. Tikkunsidra li forsi tkun parti mit-tmexxija wara l-elezzjoni li ġejja? U taħseb li l-partit irid jibdel l-atteġġjament tiegħu biex jerġa’ jirbaħ il-fiduċja tal-poplu?

Kuntent bir-rwol li għandi u nħossni privileġġjat li nirrappreżenta lil kostitwenti tiegħi fejn qed nitgħallem il-verità tal-ħajja. Se naħdem bis-sħiħ biex nibdel il-mentalità ta’ dawk li qed jaċċettaw li l-elezzjoni li jmiss se nitilfuha żgur. Irrid inkun f’partit li nisfidaw l-elezzjoni li jmiss biex nirbħuha.

Biex nirbħu lin-nies lura, l-ewwel irridu naċċettaw ir-riżultat tat-telfa għax qed nagħtu impressjoni li m’aċċettajnihiex. Ma rridux neħduha b’offiża li n-nies dakinhar għażlu li jneħħuna mill-poter. Hu żball kbir li nantagonizzaw lil min ma vvutalniex għax ngħidu li ma fehmniex. Dawk bagħtulna messaġġ. Bħala oppożizzjoni rridu nkunu waħda effettiva leali lejn il-pajjiż u mhux distruttiva bħalma kienet l-oppożizzjoni Laburista li ħalliehom 25 sena ’l bogħod mill-gvern. Bħala prijorità rridu nattakkaw il-politika u mhux lil persuna u rridu nirrispettaw lill-parti l-oħra.

“Irrid inkun f’partit li nisfidaw l-elezzjoni li jmiss biex nirbħuha” - Claudio Grech
Jgħidu li hemm frazzjonijiet b’ideali differenti fil-PN. Għaliex le? Dak hu s-sabiħ fil-partit Nazzjonalista li hemm diversità ta’ perspettivi. Irridu nibnu fuq it-tajjeb li għandna u għandna ħafna tajjeb u l-PN għamel ħafna ġid. Żbalji għamilna wkoll. Imma llum kollox perfett?

John Busuttil attenda is-Seminarju tal-Arċisqof fil-livell sekondarju. Fl-1978 attenda għal kors tal-Method Study organizzat mill-Malta Institute of Management u ġie ċċertifikat fil-Method Time Study. Fl-1987 attenda b’suċċess għal kors fil-Middle Management organizzat mid-dipartiment tal-Management studies fl-Universita ta’ Malta. Għal erba snin sħaħ, 1994, 2000, 2001 u 2004 kien finalist tal-ġurnalist tas-sena fil-BPC awards u fl-2004 ingħata dan l-unur għal 'significant contribution to Professional Journalism' Producer & Presenter ta' diversi programmi fuq NET TV, SMASH TV, PBS u ONE TV. Ipproduċa u ppreżenta programmi radjufoniċi dwar Vjaġġar u Sport u pparteċipa f'diversi programmi televiżivi u radjufoniċi dwar suġġetti varjati. Għal 43 sena ħadem mal-Media Link. U bħalissa jaħdem mal-MediaToday.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook