“Min ma jiġġeddidx, jitqammel” - Fr Colin

Fr Colin jiddeskrivi lilu nnifsu bħala bniedem li jipprova jgħix il-mument preżenti. Għalih ilbieraħ seta’ kien aħjar jew agħar. Għada ma jeżistix. L-uniku mument li għandu quddiemu huwa issa. Ta’ kuljum jaffronta l-isfidi tal-ħajja, l-iskoperta ta’ ħbiberija vera, id-delużjoni ta’ min jafda u min b’għemilu jew kliemu jitradixxi din il-fiduċja.

Fr. Colin Apap
Fr. Colin Apap

Fr Colin, ħafna nies iħarsu lejk bħala l-qassis li dejjem issibek bi tbissima...

Jiena twelidt ottimist; nara l-flixkun nofsu mimli u ninjora li hemm in-nofs l-ieħor. Niddejjaq inkun pessimist. Kont nemmen li kulħadd hu sinċier, ‘what you see is what you get’. Imma fil-fatt mhux hekk! Il-ħajja u l-esperjenzi tagħha għallmuni niskopri li mhux kull min jidħakli u jeħodli b’idejja hu ħabib. Nirrikonoxxi li għamilt ħafna żbalji. Minkejja dawn l-esperjenzi ‘negattivi’ xorta nibqa’ nemmen fit-tjubija tal-bniedem; u li ħadd ma jagħmel il-ħażin għax hu ħażin imma għax b’xi mod jew ieħor dan il-ħażin hu preżentat lilu bħala tajjeb. Fejn nista’ ngħid dejjem iva - anke jekk imbagħad nissallab! 

Naf u napprezza li sibt ftit ħin għalina għal din l-intervista

Din l-intervista ġiet wara li xi edituri oħra u preżentaturi televiżivi kkuntattjawni u għidtilhom le - fil-fatt, għidt le għax għadni l-Kremlin, ir-Russja, u aċċess għall-internet ma kienx faċli. Ippruvajt insegwi x’qed jiġri f’Malta kemm nista’ – imma mhux dejjem irnexxieli u għalhekk dan li qed ngħid f’din l-intervista jrid jittieħed f’dan id-dawl. It-tweġibiet tiegħi forsi ma jweġbux b’mod sħiħ ir-realtà li qed tiżviluppa f’Malta fejn jidħlu t-tiġdid fil-Knisja Maltija. Kemm-il darba kelli t-tentazzjoni qawwija li nikteb fil-gazzetti, b’ismi, minn dak li kont qed ngħaddi u għaliex ħafna qassisin ibatu fil-Knisja Maltija. 

Għandu jkun hemm din it-tbatija?

Minkejja l-istrutturi, li ma jaħdmux, il-karba ta’ min ibati jibqa’ jbati; jekk mhux ukoll iwaħħlu fih! Nittama li dak li qed naqraw iservi għal tiġdid iktar tal-Knisja. Min ma jiġġeddidx, jitqammel. Il-qassisin li tkellmu pubblikament, jiena konvint, għamluh għax verament iħobbu lill-Knisja u jixtiquha li twettaq il-missjoni tagħha aħjar. M’għandix dubju li wieħed jaħsel ħwejjeġ il-familja fil-pubbliku hu riżultat ta’ bosta mezzi oħra li ma rnexxewx. L-imħabba lejn il-Knisja tiżboq kull ġibda politika partiġġjana li wieħed jista’ jkollu. Ma naħsibx li l-Knisja Maltija kif inhi bħalissa, u kif ilha s-snin, qed tkun miftuħa fejn kulħadd iħoss li għandu postu u għandu sehmu x’jagħti. 

U dan qed iwassal biex membri tal-kleru jibqgħu fil-muta...  

Iva, m’għandix dubju, li hawn min, anke xi qassisin, li jibżgħu jiftħu ħalqhom għax jibżgħu li jkunu mwarrba u ttimbrati. U meta tkun ‘ittimbrat’ minn ċerti nies nista’ niżgurak li jrid ikun miraklu biex toħroġ minn dik il-kaxxa mentali li wħud, għal bosta raġunijiet, huma kuntenti li jpoġġuk u jħalluk magħluq f’dik il-‘frame of mind’. Issir theddida. 

Matul l-aħħar ġimgħat smajna numru ta’ stejjer, inkluż f’din il-gazzetta, dwar l-iskuntentizza fost il-membri tal-kleru... 

Jekk il-Maltin u l-Għawdxin jemmnu li għandhom biex ikunu kuntenti bis-sitwazzjoni preżenti madwarhom allura veru nkunu poplu li qed jgħix f’xi dinja oħra jew fil-qamar. Ir-rabja hi karatteristika ta’ bniedem matur; ta’ poplu matur; ta’ qassisin normali. Min ikun kuntent bl-istatus quo jkun jgħix fil-qamar. 

“Knisja ta’ kompassjoni, mogħdrija, ixxomm ir-riħa tan-nagħaġ tagħha”

Għaliex hemm dan il-biża’ kollu fost il-membri tal-kleru biex jitkellmu pubblikament? Veru li min jitkellem jaqlagħha?

Sal-bieraħ ħafna min-nies kienu jibżgħu jiftħu ħalqhom għax jirrabjaw lis-superjur tagħhom. Dan min-naħa tiegħu jgħid kemm kulħadd hu liberu li jikkritikah, imma meta xi ħadd jikkritikah jibda jwarrbu bil-mod il-mod jekk mhux ukoll bl-iktar mod ċar u tond. Minn dak li qrajna fil-gazzetti u rajna fuq it-televixin dan l-aħħar, ma tantx jidher li hemm dal-biża’ kollu fost il-membri tal-kleru biex jitkellmu pubblikament. Ħafna, ovvjament mhux kulħadd, tkellmu u semmgħu leħinhom. Oħrajn, inqishom il-maġġoranza, tkellmu privatament u ppruvaw iġibu l-bidla billi jitkellmu, isofru u jibqgħu isofru. 

Qed jissemma li hemm numru ta’ kappillani li huma mistennija jiċċaqalqu minn post għall-ieħor fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin, għaliex qed isir dan iċ-ċaqliq kollu?

Iċ-ċaqliq u t-tibdil juri dinamiżmu. Juri li l-parroċċa mhix ‘one man show’. Juri li mhix propjetà privata ta’ xi kappillan jew b’xi titlu li ma nsibuhx fil-Vanġelu għax juri biss tentattiv miskin biex tiddistingwi lilek innifsek mill-oħrajn. Hawn parroċċi li meta l-qassisin imorru jqaddsu jridu jqaddsu b’ilbies differenti biex juru d-dinjità u s-solennità tagħhom, differenti mill-qassisin ‘ordinarji’. Hawn oħrajn, li jirrifjutaw l-ilbies differenti tagħhom jew it-titli. Hemm xi kappillani li jaħsbu li huma xi mexxejja fewdali u l-qassisin sħabhom qegħdin hemm biex jagħmlu kull ma jridu huma. Taf li f’Għawdex biex issir qassis trid tagħmel almenu sentejn barra mid-Djoċesi? X’jiġri jekk anke f’Malta l-qassisin kollha ssir ħaġa naturali li twettaq ħidma pastorali barra minn pajjiżek? Tinħass id-differenza bejn min għex fil-Knisja barra minn Malta u dawk li ma kellhomx l-opportunità li jaħdmu fi djoċesijiet oħra jew il-missjoni. Tinħass.

Bħalma qed tinħass id-differenza bil-ħatra tal-Kardinal Bergoglio bħala Papa Franġisku... 

Il-Papa Franġisku, li qed iġib rivoluzzjoni siekta fil-Knisja, mhuwiex il-Papa ta’ kull saċerdot. Għemilu, il-mod li jilbes, il-mod li jitkellem, il-mod inklussiv, il-mogħdrija lejn il-batut u l-marid, il-mod li jħares lejn l-omosesswali, id-drittijiet ċivili, id-drittijiet umani, id-divorzjati u dawk imbiegħdin mill-Knisja – dawn kollha huma sfidi għal min jagħmel omeliji kontra l-Musulmani, ikabbar il-firda bejn “aħna” u “huma” u jħajjar mill-ġdid għall-‘Kruċjati’! Faċli li nħarsu kif irid jitbiddel ‘ta’ fuqna’ imma diffiċli nindunaw li hawn minna li iktar moħħna fix-xinxilli, f’ċerimonji, f’inċensijiet, fil-mod klerikali li nilbsu, b’viżjoni tal-Knisja li żgur hi differenti minn dik tal-Papa Franġisku. 

Veru li preżentament hemm kawtela kbira bejn l-Isqof t’Għawdex Mario Grech u l-Isqof Awżiljajrju Charles Scicluna? 

Il-kawtela hija sinjal ta’ maturità; ta’ rispett. Meta kont żgħir kont naqbad u ngħid l-affarijiet kif jiġuni f’rasi għax kont naħseb li dik hi l-verità u l-konfrontazzjoni tista’ tħalli l-ġid. Biż-żmien tgħallimt mod ieħor. Ir-Russja, fejn għamilt esperjenza tal-Knisja ħafna differenti minn dik tagħna, hemm mija u ħamsa u erbgħin miljun persuna. Il-Konferenza Episkopali tal-Knisja Kattolika fir-Russja hija ta’ erba’ isqfijiet. Il-konferenza episkopali ta’ Malta, b’inqas minn nofs miljun, hija magħmulha minn tliet isqfijiet. Malta u Għawdex huma żewġ djoċesijiet separati. Personalment naħseb li jkun ta’ ġid għal kulħadd li jkun hemm djoċesi waħda, seminarju wieħed, l-istess għalliema eċċ. Hi ħasra, pereżempju, li l-qassis Għawdxi beda jirċievi s-salarju tiegħu fix-xahar mill-Kurja Għawdxija biss ftit xhur ilu! Sa ftit snin ilu l-qassis kien jiddependi finanzjarjament mill-ġenituri tiegħu. 

Ftit ilu, l-Isqof Mario Grech saħaq pubblikament li fil-Knisja hemm bżonn demm ġdid hekk kif hu qed jara ċertu telqa, għeja u nuqqas ta’ ħajja. Int tal-istess ħsieb?

L-Isqof Mario Grech, qed jiġi nnutat minn bosta, qed jieħu atteġġjament  iktar pożittiv. Għandi nifhem li dan hu wkoll dovut għax qed idawwar madwaru nies b’viżjoni ta’ Knisja iktar wiesgħa mill-25,000 parruċċan, daqs parroċċa mdaqqsa f’Malta, li għandu fid-Djoċesi. Li fhimt jien hu li l-Isqof Mario Grech qed jappella għal “demm ġdid” f’kull settur tal-Knisja Maltija. Jista’ jkollok ‘demm ġdid’ billi jkollok emoroġija. Anke dan iġib demm ġdid. 

Għandu raġun l-Isqof Grech li kull settur tal-Knisja għandu bżonn ta’ injezzjoni ta’ demm ġdid. Inkunu qed nilludu ruħna jekk billi nbiddlu n-nies, ta’ taħt fuq, inkunu qed neqirdu ‘ċertu telqa, għeja u nuqqas ta’ ħajja’. Meta l-bidla ssir “minn fuq” hemm it-tendenza li ssib ħafna oppożizzjoni siekta; toħloq il-klikek. 

L-Isqof Grech qal ukoll li t-tiġdid li hemm bżonn jista’ jitlaq minn fuq imma jekk isir hekk, jaf isib reżistenza. Iżid jgħid li t-tiġdid jista’ jitlaq ukoll minn isfel. Taħseb li ried jibgħat xi sinjal b’dan il-kliem mirqum?

Għandna Knisja Maltija li hi knisja klerikali. Il-poter tal-kleru għadu qawwi. Kieku flok iżjed qassisin ikollna iżjed ‘djakni permanenti’?

Jien ma nafx jekk hux veru “li ried jibgħat xi sinjal b’dan il-kliem mirqum”. Faċli ħafna li l-“Bażi” trid li “Ta’ Fuq” jitbiddlu imma m’aħniex tant lesti li nitbiddlu aħna stess. 

Qal ukoll li l-Knisja għandha ċertu ċelebrazzjonijiet liturġiċi li aktar għandhom minn tat-teatru milli mill-esperjenza tas-sagru. X’tikkummenta?

X’hemm ħażin fit-teatru reliġjuż? Ħafna kappillani, fosthom ta’ Wied il-Għajn, jagħmlu użu sħiħ tat-teatru reliġjuż, adattat għall-udjenza.

Meta kont il-Filippini skoprejt kif il-missjunarji Spanjoli wasslu l-messaġġ tal-Vanġelu permezz tat-teatru reliġjuż. Fil-Ġimgħa l-Kbira l-Passjoni fil-Knisja kienet teatru kbir reliġjuż fejn kulħadd fil-knisja jieħu sehem. Il-liturġija meta hija teatru reliġjuż hija xi ħaġa ħajja, parteċipattiva. Il-Papa Benedettu XVI, wara ż-żjara tiegħu fl-Afrika, qal hekk dwar il-liturġija Afrikana: “Ma jsegwux ir-regoli tal-Liturġija, imma fil-fatt huma ħafna iżjed viċin il-liturġija Kattolika!”

Kemm hi faċli li membru tal-kleru jitlob li jkollu laqgħa privata mal-Arċisqof Pawl Cremona u li dawn il-laqgħat isiru? Hu minnu li ħafna drabi meta jintalbu dawn il-laqgħat, ir-risposta tkun li l-Arċisqof jinsab indispost minħabba raġunijiet ta’ saħħa?

Din mhix l-esperjenza tiegħi. Kull darba li ridt inkellem lill-Arcisqof Pawlu Cremona dejjem laqagħni meta tlabt jien - anki meta kien indispost minħabba raġunijiet ta’ saħħa. U matul din is-sena kellimtu ħafna drabi. L-Arċisqof Cremona, bħal kull bniedem, għandu bosta difetti. Anzi, mhux l-ewwel darba, inħoss, li jgħid ‘mea culpa’ meta r-responsabbiltà hi iktar wiesgħa. 

Veru li jeżistu gruppi magħluqa ta’ qassisin li jikkomunikaw bejniethom permezz ta’ chat groups elettroniċi u perjodikament qed jiddiskutu t-tmexxija tal-Knisja? 

L-Isqfijiet jinkoraġixxu l-komunikazzjoni bejn il-qassisin. Inqisha bħala normalissima li saċerdoti jiltaqgħu regolari, uħud kull ġimgħa, jużaw il-mezzzi ta’ komunikazzjoni moderni biex jikkomunikaw bħal Facebook, Twitter, chat rooms, Whatsapp u Skype fost l-oħrajn. Hemm uħud però li għal kuntrarju, jingħalqu fihom infushom, jikkonċentraw biss fuq l-għalqa tagħhom u ma jafux x’qed jiġri fil-Knisja li jappartjenu għaliha u li hi wkoll responsabbiltà tagħhom. Ovvjament meta niltaqgħu jew nitkellmu ma noqogħdux ngħidu biss kemm sejrin tajjeb l-affarijiet, jew fuq kemm hi sħana jew bard, imma ngħinu lil xulxin biex niffurmaw ideat bilanċjati dwar kif miexja l-Knisja Maltija!

“Jekk il-Maltin u l-Għawdxin jemmnu li għandhom biex ikunu kuntenti bis-sitwazzjoni preżenti allura veru poplu li qed jgħix fil-qamar”

Kif tħares lejn il-futur tal-Knisja f’pajjiżna u x’għandu jkun ir-rwol prinċipali tal-Knisja fiż-żminijiet tal-lum?

Knisja ta’ kompassjoni, mogħdrija, ixxomm ir-riħa tan-nagħaġ tagħha, inklussiva, refuġju tal-batut u l-fqir, Knisja tal-fardal li tagħmel l-għażla fundamentali tal-fqir, Knisja fejn id-diskussjoni hi libera u kulħadd hu mismugħ, Knisja tal-Midinbin, Knisja li tagħmel tagħha “il-ferħ u n-niket tal-bnedmin li huma l-ferħ u n-niket tal-Knisja,” Knisja ta’ ferħ u tama. Din hija s-sejħa ta’ kull nisrani, ta’ kull qarrej ta’ ILLUM...

More in Intervisti