“L-iżball kien li waqajna għan-nasba ta’ Muscat”

Claudette Buttigieg, kantanta, preżentattriċi televiżiva, għalliema, membru parlamentari Nazzjonalista u omm. Wara karriera ta’ suċċess fix-xena tal-ispettaklu ddeċidiet li tingħaqad mal-partit Nazzjonalista bħala membru parlamentari. Ħadmet u għada taħdem ukoll fil-marketing tal-partit f’mument meta l-partit għaddej minn mumenti diffiċli.

Malta hu pajjiż li jemmen ħafna fil-proverbju, ‘Ma’ min rajtek xebbahtek’. Sadanittant int ħdimt fl-istazzjon tal-Labour Super One (dak iż-żmien) u anke dak tan-Nazzjonalisti, Net. Dan ifisser li kien hemm xi żmien li kont tħaddan l-ideal Laburista?

Lanqas xejn. Ħdimt fuq is-Super One għal raġunijiet purament kummerċjali u tkeċċejt minn hemm għal raġunijiet purament politiċi, meta kelli ħames xhur tqala u qaluli li kien hemm theddida ta’ bomba jekk ma niqafx naħdem hemm. Meta vverifikajt mal-Pulizija rriżulta li dan ma kienx veru! Min jafni, jaf li dejjem ħaddant l-istess prinċipji

Ikkontestajt mal-PN fl-agħar żmien tiegħu. Ma taħsibx li għażilt mument żbaljat? Jew kont temmen li l-PN seta’ jirbaħ l-elezzjoni?

Dejjem emmint li se tkun elezzjoni diffiċli ħafna imma ħassejt li jekk ma nagħtix sehmi kien se jiddispjaċini ħafna. Illum ma jiddispjaċini xejn. Fil-politika, ma jistax ikun li tkun dejjem fuq in-naħa rebbieħa. Imma politiċi serji jkunu hemm għall-poplu f’kull perjodu – kemm dawk pożittivi u dawk ftit anqas.

Wara t-telfa kbira elettorali, il-PN kellu bżonn ta’ bidla. Int issemmejt ħafna għal waħda mill-ogħla karigi tal-PN. Sadanittant irritornaw l-istess uċuħ li bih il-PN tilef telfa kbira? 

Ikkontestajt għall-kariga ta’ Viċi Kap għall-Ħidma fil-Partit. Ma kkontestajtx din il-kariga b’xi pretenzjoni, iżda għax xtaqt li l-kunsillieri jkollhom għażla oħra. Jiena għadni ġdida u għandi ħafna x’nitgħallem fuq il-politika. Nemmen ukoll li f’ħajti l-familja tiegħi dejjem tajtha prijorità. Qed nagħmel sforz kbir biex inżomm il-bilanċ bejn xogħol, ħidma politika u familja imma kuntenta kif jien.

Dan ifisser li Claudette se tibqa’ backbencher?

X’hemm ħażin? Fl-aħħar mill-aħħar jien membru parlamentari u ġejt eletta mal-ewwel elezzjoni li kkontestajt. Is-sabiħ tal-politika li tirrappreżenta lin-nies – tkun f’liema kariga tkun.

Il-Kap Simon Busuttil kien imsemmi bħala persuna liberali, sadanittant meta ġie għas-si u n-no deher li jew hu konservattiv, inkella mmexxi mill-konservattivi, int x’taħseb li hi l-verità? Taħseb li l-partit Nazzjonalista nbidel? U jekk temmen li nbidel għaliex il-poplu reġa’ ma tahx fiduċja?

Il-Partit Nazzjonalista huwa iktar liberali milli jaħsbu ħafna. Pereżempju kien il-Partit Nazzjonalista li daħħal il-pluraliżmu fix-Xandir u l-Kunsilli Lokali. Kien il-Partit Nazzjonalista li mexa b’libertà assoluta fis-settur tan-negozju u dak finanzjarju. Min-naħa l-oħra li jkollok riservi fuq kwistjonijiet partikolari ma jfissirx li int konservattiv fis-sens ħażin tal-kelma. Id-deċiżjoni li nastjenu fil-vot tal-unjoni ċivili kienet waħda tal-grupp kollu. Ħadd ma jinbidel mil-lum għall-għada. Bħalissa, il-Partit Nazzjonalista għaddej minn perjodu ta’ tiġdid. Irridu nispjegaw aktar lin-nies il-bidliet li qed isiru.

“Xi darba dan il-pajjiż għandu jkollu mara Prim Ministru. Meta jasal il-waqt nispera li tkun mill-Partit Nazzjonalista”

X’tixtieq tara jinbidel fil-Partit Nazzjonalista? U x’beħsiebek tagħmel?

Il-Partit Nazzjonalista jrid ikun dejjem qrib in-nies. Jiena u sħabi qed naħdmu biex dan inwettquh. Meta tkun fl-Oppożizzjoni din il-ħidma ma ssibhiex daqshekk bi tqila imma nispera li din il-ħidma nkompluha anke meta nerġgħu nkunu fil-Gvern. Il-fatt li jien ġejja mill-kamp tax-xandir jgħini biex inkun iktar qrib in-nies b’mod kważi naturali.

X’inbidel mill-amministrazzjoni Nazzjonalista ta’ Gonzi għall-amministrazzjoni ta’ Simon?

L-istil taż-żewġ mexxejja hu differenti. Inti stess tirreferi għal wieħed b’kunjomu u l-ieħor b’ismu. Gonzi kien Prim Ministru tajjeb ħafna u statista, imma kien hemm min ma ħalliehx jaħdem kif xtaq. Kif tista’ tiggverna b’maġġoranza ta’ siġġu u b’numru żgħir ta’ membri parlamentari joħolqulek l-inkwiet u jheddu li se jwaqqgħu l-Gvern. Simon hu Kap tal-Oppożizzjoni u mexxej ġdid li għadu qed isib saqajh fi struttura li qed ibiddel radikalment. L-effett tal-ħidma tiegħu għad irid jidher u ż-żmien jagħtina parir. 

X’inbidel mill-Gvern ta’ Gonzi għal gvern ta’ Muscat?

L-arroganza waslet f’livelli astronomiċi. Il-meritokrazija qas għadna nafu xi tfisser. Il-politika barranija marret il-baħar. It-trasport pubbliku sar ħafna agħar milli kien. Il-bejgħ u n-negozju ġġamjaw. Il-Gvern ta’ Gonzi kien altru milli perfett, però dan il-Gvern…

Bla dubju li waħda mill-ġranet li int ħriġt imbikkma mill-parlament kien meta għaddiet il-liġi favur l-unjoni ċivili u int kellek tastjeni meta tant ħdimt favur in-nies omosesswali. Li kieku kellek treġġa’ ż-żmien lura kont tivvota l-istess? Temmen li kien żball kbir tal-PN li ma vvutax favur din il-liġi?

Id-deċiżjoni kienet waħda unanima fil-grupp. Dak li sar sar. Il-poplu ġġudika d-deċiżjoni tagħna wkoll fir-riżultat tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Issa rridu nħarsu ’l quddiem. Il-Grupp Parlamentari tagħna huwa wieħed vast u varjat b’individwi differenti. Mhux daqshekk faċli li tasal għal konklużjoni waħda u komuni.

Il-PN irraġuna li ma kienx jaqbel mal-adozzjoni. Iżda kif tista’ tagħti dritt żewġ persuni li jingħaqdu f’unjoni ċivili biex ikollhom l-istess drittijiet bħal kulħadd u fl-istess ħin tnaqqsilhom id-dritt li għandu ħaddieħor?

Ħafna għad għandhom dubju fuq id-dritt għall-adozzjoni imma l-iżball tagħna kien li waqajna għan-nasba ta’ Muscat. Fi ħdan il-Partit Laburista hemm diversi li ma jaqblux mal-adozzjoni jew għandhom riservi imma meta ġew għall-vot ivvutaw favur għax hekk biss seta’ jirnexxi l-pjan ta’ Muscat.

L-adozzjoni mhux dritt tal-ġenituri imma hu dritt tat-tfal. Jiena naf persuni u koppji LGBTI (speċjalment lesbjani) li addottaw u huma ġenituri tajbin ħafna imma min-naħa l-oħra naf oħrajn li mhumiex. L-istess nista’ ngħid għal persuni eterosesswali. Ma naħsibx li l-kwistjoni tal-adozzjoni kellha titpoġġa fil-liġi tal-unjoni ċivili.

L-Oppożizzjoni, wara t-tieni disfatta, donnha qagħdet kwieta u qed tikkritika mill-inqas. Dan hu l-kwiet qabel it-tempesta? Jew il-partit qed ifittex triq oħra kif jiffaċċja l-gvern ta’ Muscat li qed jinżel tajjeb mal-poplu kif wera fl-aħħar elezzjoni?

Qed ngħidu inqas u nisimgħu aktar. Dan qed jagħti ċans biex il-bqija tas-soċjetà ssemma’ leħinha. X’hemm ħażin milli tisma’? Nispera li issa mhux se jgħidu li aħna negattivi għax qed nisimgħu? Il-kredibbiltà ma ġġibhiex f’ġimgħa jew xahar.

Int kont taħdem bħala Head of Marketing mal-MediaLink qabel l-falliment tagħha u kont tlaqt? Għaliex irritornajt? Naf li se tgħidli għax għandhom bżonnok, iżda qabel ma kellhomx bżonnok?

Għax għandhom bżonni… ħafna aktar milli kellhom qabel. Illum m’għandi l-ebda kariga partikolari imma jien waħda mill-ħaddiema. Sħabi ssagrifikaw ħafna għall-partit tagħna u bil-ħidma tiegħi nixtieq li l-ħidma tagħhom tiġi apprezzata aktar.

Tara l-Partit Nazzjonalista fil-gvern fl-elezzjoni li jmiss jew id-distakk hu kbir wisq biex jitnaqqas daqshekk malajr?

Jien u sħabi rridu nikkonvinċu n-nies li aħna gvern alternattiv. L-elezzjoni baqagħla aktar minn tliet snin. Allaħares naqtgħu qalbna minn issa. Nemmen li l-poplu jixraqlu aħjar u se naħdem għal dan.

“Simon għadu qed isib saqajh fi struttura li qed ibiddel radikalment. L-effett tal-ħidma tiegħu għad irid jidher u ż-żmien jagħtina parir” - Claudette Buttigieg
“Simon għadu qed isib saqajh fi struttura li qed ibiddel radikalment. L-effett tal-ħidma tiegħu għad irid jidher u ż-żmien jagħtina parir” - Claudette Buttigieg

Taħseb li l-uniku mod biex il-PN jerġa’ jieħu r-ruħ hu li jerġa’ jgħaqqad u jiġbor in-nagħaġ li ntilfu u mhux jattakkahom?

Iva, kull persuna hi importanti. Jiena fl-uffiċċju tiegħi u fiż-żjarat li nagħmel fid-djar nisma’ lil kulħadd. Nassigurak li hemm ħafna Nazzjonalisti għadhom imweġġa’ imma hemm ħafna nies li mhumiex kuntenti b’dan il-Gvern. Ikun żball jekk aħna nistennew lil Muscat u sħabu jiżbaljaw biex aħna nirbħu. Irridu nirbħu l-fiduċja tan-nies mhux biss Nazzjonalisti u Laburisti imma n-nies li għajnejhom f’wiċċhom u qed jitilfu l-fiduċja fil-politika għax ħasbu li konna agħar meta fil-fatt ma konniex imma issa qed iħossu li kien hemm min daħak bihom.

Hemm qasma bejn il-liberali u l-konservattivi fil-partit? U int liema naħa qiegħda?

Niżgurak li hemm serenità kbira fil-grupp parlamentari. Niltaqgħu kull ġimgħa, nissoċjalizzaw flimkien u niġbdu ħabel wieħed. Żgur li kollha għandna fiduċja fil-kap tagħna Simon Busuttil.

Hu fatt li ma jista’ jmerih ħadd li l-PN kien minn tal-ewwel f’ħafna affarijiet. Taħseb li jista’ jkun l-ewwel partit b’mexxej mara? Temmen li fil-futur tista’ tkun int?

 Nemmen li l-preżenza bbilanċjata tal-mara u tar-raġel hi essenzjali f’kull settur tas-soċjetà speċjalment fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet politiċi imma m’għandix ambizzjonijiet li nieħu fuq spallejja piż li ma niflaħx. Xi darba dan il-pajjiż għandu jkollu mara Prim Ministru għaliex le? Meta jasal il-waqt nispera ħafna li tkun mill-Partit Nazzjonalista.

More in Intervisti