L-imħabba tfisser li persuna ntuha d-drittijiet u l-potenzjal li tiżviluppa

Dun Martin Micallef hu bniedem bħall-oħrajn li però fil-ħajja għaraf li l-Mulej kien qed isejjaħlu għas-saċerdozju. Permezz ta' din is-sejħa għażel it-triq li jkun qassis tan-nies. Hu bniedem soċjevoli, kalm u artistiku b'interess lejn l-arti u l-fotografija

Dun Martin Micallef
Dun Martin Micallef

Mons Mikiel Azzopardi waqqaf id-Dar tal-Providenza disa’ u erbgħin sena ilu biex tilqa’ fiha persuni b’diżabbiltà. Kif żviluppat din id-dar matul dawn is-snin?
Kif jaf kulħadd, 50 sena ilu persuni b’diżabbiltà ma kinux fil-qalba tas-soċjetà. Anzi dawn kienu jinżammu moħbija u mhux stmati ndaqs bħal ħaddieħor. Dun Mikiel kien konxju ta’ din is-sitwazzjoni inġusta u xtaq li jibni din id-dar biex persuni b’diżabbiltà jkollhom rispett u opportunitajiet kif inhu xieraq. Kien bniedem dinamiku u attiv u ħadem ma’ kull kategorija ta’ nies. Kellu attività pastorali miftuħa għal kulħadd u għalhekk inkluda anke persuni b’diżabbiltà. Il-ħolqien ta’ din id-dar offra residenza għal dawn il-persuni li sa dak iż-żmien, jekk għal xi raġuni l-ġenituri ma kinux iżommuhom magħhom, kien jispiċċaw ġo xi sptar tal-anzjani jew sptar mentali. Dun Mikiel, apparti li welled din id-dar, welled ukoll kultura t’għarfien u rispett lejn dawn il-persuni. Kien ipprepara ruħu sew tant li anke mar iżur postijiet oħra barra minn Malta sabiex ikollu idea ċara ta’ kif se jwaqqaf u jmexxi din id-dar fuq standards li kienu qed jużaw pajjiżi oħra.

Qegħdin tippjanaw xi attivitajiet speċjali biex tfakkru l-ħamsin sena?
Iva ser nagħmlu quddiesa fit-12 ta’ Settembru tas-sena d-dieħla fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann li se titmexxa mill-Isqfijiet Maltin. Din id-data timmarka l-jum li fih, għalkemm Dun Mikiel kellu diġà l-pjanti f’idejh, ma kellux flus. Kien it-12 ta’ Settembru meta mar fuq ir-rediffusion u ħabbar il-proġett li kellu f’moħħu u minn hemm irċieva l-ewwel donazzjoni ta’ mitt lira Maltija, madwar €230. Mill-għada, Dun Mikiel sejjaħ il-periti u bdiet il-ħidma bla heda biex il-proġett, minn fuq karta sar realtà. Ippreparajna anke logo ġdid għad-Dar tal-Providenza li huwa iktar rappreżentattiv għaż-żminijiet tal-lum.

X’inhi l-funzjoni tal-Bord tad-Dar tal-Providenza?
Jien dejjem xtaqt li jkun hemm trasparenza sħiħa f’dak kollu li jkun qed isir hawn ġew. Mhux biss mil-lat finanzjarju iżda anke mis-servizzi li noffru. Il-funzjoni tal-bord hi li jevalwa dak kollu li jkun qed isir hawn ġew kif ukoll jagħti l-pariri tiegħu lili biex dejjem niżguraw li dak kollu li jkun qed isir f’din id-dar isir b’dedikazzjoni u serjetà. Il-bord hu appuntat mill-Arċisqof b’konsultazzjoni miegħi.

Inti għandek tim maniġerjali miegħek biex jgħinek fit-tmexxija ta’ din id-dar, kemm hawn ħaddiema b’kollox?
Bħalissa hawn 200 persuna jaħdmu fid-Dar tal-Providenza f’dixxiplini u speċjalizzazzjonijiet varji. Hawn ukoll 150 resident li lkoll għandhom il-bżonnijiet tagħhom. Ir-residenti ma jgħixux biss hawnhekk iżda jgħixu wkoll f’units oħra li għandna bħal mhi d-dar li għandna fis-Siġġiewi li hi dar fil-komunità. Sentejn ilu ftaħna dar oħra fil-Qawra u issa ħadna wkoll Dar Pirotta f’Birkirkara. Apparti l-ħaddiema full u part time, hemm ukoll numru sabiħ ta’ voluntiera, ’il fuq minn 200, li kollha jgħinu f’oqsma differenti.

Ir-rwol tas-Sorijiet tal-Karità?
Meta kien qed iwaqqaf id-dar, Dun Mikiel xtaq li jkun hawn komunità ta’ sorijiet. Kien għalhekk li talab lis-sorijiet tal-karità li kienu attivi ħafna b’xogħol fi sptarijiet, djar tal-anzjani u anke l-ħabs. Fil-fatt is-sorijiet daħlu fid-Dar tal-Providenza xahar qabel ma fetħet sabiex lestew il-binja biex tkun tista’ tospita l-ewwel residenti f’Jannar 1968. Is-servizz tagħhom baqa’ għaddej u għalkemm inbidlu s-sorijiet, għandna soru li ilha taħdem hawn 35 sena – Sister Gesuina Mangion.

X’inhu l-proċess biex persuna tidħol residenti ġo din id-dar?
Ħafna drabi jitkellmu magħna il-ġenituri jew il-persuni nfushom. Hemm ukoll l-aġenzija Sapport u anke social workers li jikkuntattjawna. Meta ssir l-applikazzjoni formali, din imbagħad tkun evalwata mill-admissions board u d-dħul tar-resident jew residenta jsir skont il-prijorità u l-ħtieġa tal-każ.

Għandkom min qiegħed fuq xi lista ta’ stennija?
Nies fuq il-waiting list dejjem ikun hemm qisu ħamsa jew sitta u dawn ikunu diskussi mill-admissions board li jiltaqa’ madwar tlieta jew erba’ darbiet fis-sena skont il-ħtieġa.

Intom tipprovdu wkoll servizzi ta’ respite, fiex jikkonsisti?
Iva aħna nemmnu li għandna nagħtu l-appoġġ sħiħ lill-familja u għalhekk dan is-servizz jipprovdi residenza temporanja għall-persuna b’diżabbiltà sakemm forsi l-ġenituri jistrieħu ftit jew waqt li jkollhom bżonn xi kura medika.

Dun Martin ma' żewġ residenti mid-Dar tal-Providenza
Dun Martin ma' żewġ residenti mid-Dar tal-Providenza

Hemm xi ħlas li jrid isir għas-servizz tar-respite?
Iktar milli ħlas, aħna nitolbu donazzjoni li tkun fid-diskrezzjoni tad-donaturi. Din id-donazzjoni mhijiex obbligatorja għax nafu li hemm familji li verament ma jifilħux iħallsu.

F’Mejju 2009 waqqaftu ċ-ċentru agrikolu San Isidoru, kif sejrin l-affarijiet f’dan iċ-ċentru?
Il-ħidma ta’ dan iċ-ċentru bdiet bi ftit esperimenti minn waħda mill-ħaddiema tagħna Anna Davis. Bil-mod il-mod dan il-grupp żviluppa biex ir-residenti jipproduċu prodotti li, jew ikabbruhom hawnhekk stess jew jibgħatuhomlna l-bdiewa. Jidher li sejrin tajjeb ħafna b’dan il-proġett u wieħed jista’ jara dan ix-xogħol anke fil-ħanut li għandna fil-Belt Valletta. Il-produzzjoni mhijiex xi waħda kbira imma jkun hemm domanda għalihom pereżempju anke fi żmien il-hampers tal-Milied. B’kollox hemm għaxar residenti involuti f’dan il-proġett.

L-imħabba evanġelika, l-appoġġ u d-determinazzjoni huma t-tliet fatturi l-aktar importanti li fuqhom hi bbażata d-Dar tal-Providenza. Kif timxu fuq dawn il-fatturi fil-ħajja ta’ kuljum hawn ġew?
L-imħabba evanġelika hi l-mutur li jħeġġiġna biex nuru r-rispett u dinjità lejn dawn il-persuni. Hi ħaġa sabiħa li tinduna li għalkemm diversi minnhom ma jistgħux jitkellmu, juruk illi meta inti qed turihom rispett u dinjità, jwieġbu lura bi tbissima jew ħarsa jew atteġġjament li juri li qed jieħdu gost bil-mod li nġibu ruħna magħhom. Irridu nżommu f’moħħna li mħabba tfisser li persuna rridu ntuha d-drittijiet u l-potenzjal li tiżviluppa t-talent kollu tagħha. Din hija sfida li aħna nippruvaw nidħlu għaliha għax nemmnu li persuna għandna nħarsu lejha b’mod sħiħ u mhux biss li ntuha fejn tgħix, tiekol u torqod.

Tagħtu xi tip ta’ formazzjoni lill-impegati fuq dawn il-fatturi li semmejna?
Iva, wara proċess ta’ konsultazzjoni mal-ġenituri, r-residenti u l-ħaddiema tagħna stess, is-sena l-oħra fformulajna l-valuri u l-mission statement tagħna. Dawn kollha qed ikunu ppreżentati bħala seminars lill-impjegati u voluntiera kollha u qed iservuna bħala linji gwida fil-ħidma tagħna.

Il-poplu dejjem jirrikorri bi ħġaru biex jgħin lil din id-dar, x’inhuma preżentement il-ħtiġijiet tagħkom?
Bħalissa għandna bżonn ta’ iktar professjonisti biex jaħdmu magħna u nemmnu li l-Bambin dejjem jiftaħ toroq ġodda. Hemm proġetti oħra li qed naħdmu fuqhom, fosthom it-terapheutic pool li kien ġarrab ħafna ħsara u li se nerġgħu nagħmluh mill-ġdid, proġett li se jiswiena mal-€230,000. Hemm ukoll il-proġett ta’ tisbiħ tal-bitħa ta’ quddiem il-kappella kif ukoll se nbiddlu l-lifts li ilhom jaħdmu minn meta fetħet id-dar u jridu jinbidlu immedjatament. Proġett ieħor hi dar residenzjali f’Ħaż-Żabbar li diġà għandna l-permessi meħtieġa u nisperaw li fix-xhur li ġejjin inkunu nistgħu nlestuh biex jilqa’ fih 8 residenti oħra fil-qalba tal-komunità ta’ Ħaż-Żabbar.
Xtaqt nikkonkludi li aħna ma naħdmux għal rasna iżda naħdmu flimkien ma’ diversi service providers oħra bħal Dar il-Kaptan, Dar L-Arka f’Għawdex, Dar Nazareth fiż-Żejtun u Dar il-Wens fil-Kalkara. Aħna naħdmu ħafna flimkien, naqsmu riżorsi u ideat biex fl-aħħar mill-aħħar nagħtu l-aqwa servizz lil dawk kollha li għandhom bżonn is-servizzi tagħna.

 

More in Intervisti