F'laqgħa li kellu fl-Istati Uniti mal-kumpanija META - li tmexxi l-Facebook - l-Ewro Parlamentari Malti Alex Agius Saliba appella lil Facebook sabiex twaqqaf id-diskriminazzjoni kontra Maltin li jikkrejaw kontenut diġitali. Huwa sostna illi dawn qed jispiċċaw jiġu eskluzi milli juzaw l-instream ads u għaldaqstant ma jaqilgħux flus minn reklamar ghal kuntrarju ta’ content creators illi ġejjin minn pajjiżi oħra.
Agius Saliba jinsab f’Silicon Valley fl-Istati Uniti flimkien ma’ delegazzjoni mill-Parlament Ewropew fejn bħalissa qed jiltaqa’ mal-ġganti fid-dinja.
“Huwa ta’ unur li li bħala Viċi-Preisdent tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew responsabbli mis-settur diġitali u bħala Ewro-Parlamentari li ħdimt fuq l-Att għas-Servizzi Diġitali u issa fuq iċ-charger komuni nkun nista’ niddiskuti ma’ wħud mill-akbar kumpaniji tad-dinja fis-settur. Stajt nispjega l-viżjoni tiegħi u tal-kollegi għal settur aktar ġust u li jħares id-dinjita’ taċ-ċittadini Ewropej”, sostna Agius Saliba.
Matul din iż-żjara fl-Istati Uniti, id-delegazzjoni ta’ 8 Ewro-Parlamentari ddiskutiet l-aħħar żviluppi fil-qasam diġitali Ewropew u dawk tal-kontinent Amerikan, l-użu tal-kummerċ elettroniku, l-intelliġenza artifiċjali, il-protezzjoni tal-konsumaturi, il-platforms onlajn u l-ekonomija kondiviża.
L-MEP Alex Agius Saliba kellu l-opportunita’ li jmexxi l-laqgħa tad-delegazzjoni Ewropea mal-kumpanija internazzjonali Apple. Hawnehkk Agius Saliba spjega x-xogħol li qed isir fuq iċ-Charger Komuni fuq livell Ewropew u kompla jiddiskuti ma’ Apple kif ser ikunu qed jintegraw ic-charger komuni fil-prodotti l-ġodda tagħhom.
Id-delegazzjoni Parlamentari żaret il-kwartieri ġenerali tal-kumpanija META (Facebook, Whatsapp u Instagram), Google, Apple, Airbnb, eBay, Paypal, HP, Cloudfare, Uber, Salesforce u l-Universita’ ta Stanford. Agius Saliba spjega kif il-leġiżlazzjoni tal-Att għas-Servizzi Diġitali hija waħda kruċjali għal dawn il-kumpaniji u l-kuntatt ma’ dawn il-kumpaniji huwa wieħed essenzjali sabiex l-effettivita’ ta’ dawn il-liġijiet tkun żgurata bl-aħjar mod possibli u tħalli l-aqwa effett possibli fil-ħajja tal-konsumaturi Ewropej.