Ministru Ukren iħeġġeġ lill-UE sabiex tħarrax is-sanzjonijiet ħalli l-ekonomija Russa tipparalizza

L-MEPs f'Kumitat tal-Parlament Ewropew qalu illi huma se jkomplu jagħtu l-appoġġ meħtieġ għal sanzjonijiet sabiex ir-Russja kemm jista' jkun tmur lura fuq il-mejda tad-diskussjoni

Il-Ministru Oleksii Reznikov
Il-Ministru Oleksii Reznikov

Il-Membri Parlamentari Ewropej qalu li huma kommessi jkomplu jgħinu lill-Ukrajna fil-ġlieda tagħha kontra r-Russja, f'dibattitu mal-Ministru tad-Difiża Ukren Oleksii Reznikov. Dan qal lill-MEPs li l-Unjoni Ewropea għandha kemm jista' jkun tħarrax is-sanzjonijiet kontra r-Russja, liema sanzjonijiet jisħaq li għandhom "jipparalizzaw lill-ekonomija Russa u jwaqqfu din l-aggressjoni." 

Waqt li kien qed jindirizza lis-Sottokumitat tas-Sigurtà u Difiża tal-Parlament Ewropew il-Ministru Reznikov qal illi l-Ukrajna lesta biex tuża l-għajnuna kollha tal-Unjoni Ewropa u ħeġġeġ lill-pajjiżi ewropej sabiex jissuplixxu lill-Ukrajna b'armi, mingħajr ħafna burokrazija. Appella wkoll għal no-fly zone u staqsa jekk hemmx bżonn li teskala aktar is-sitwazzjoni qabel tittieħed aktar azzjoni. 

L-MEPs fil-Kumitat qalu illi huma se jkomplu jagħtu l-appoġġ meħtieġ għal sanzjonijiet sabiex ir-Russja kemm jista' jkun tmur lura fuq il-mejda tad-diskussjoni. Waqt id-dibattitu huma staqsew lill-Ministru Ukren dwar l-involviment ta' pajjiżi politikament qrib tar-Russja  - bħal Kazakhastan u l-Armenja, kif ukoll il-Balerauss u jekk dawn il-pajjiżi humiex se jidħlu fil-gwerra wkoll. Staqsew ukoll dwar investisgazzjonijiet possibbli f'reati ta' gwerra li qed jitwettqu fl-Ukrajna, sabiex b'hekk dawk li wettqu r-reati jitressqu quddiem il-ġustizzja. 

Nathalie Loiseau mill-Partit Renew qalet illi l-MEPs mhumiex qed jgħidu lill-Ukrajna x'għandu jagħmel dan il-pajjiż jew kif għandhom jiġġieldu. "Aħna qegħdin hawn biex nimbuttaw lill-Gvernijiet u lill-Unjoni Ewropea biex tagħmel aktar ħalli toffri appoġġ akbar, għax aħna familja waħda Ewropea. Għax intom parti mill-familja Ewropea."

F'riżoluzzjoni li għaddiet fil-bidu ta' Marzu l-Parlament Ewropew ikkundanna bl-akbar qawwa "l-invażjoni illegali Russa" u appellat biex il-Kremilin iwaqqaf l-attivitajiet kollha militari u twaqqaf il-forzi kollha mill-okkupazzjoni fl-Ukrajna. Il-Parlament faħħar ukoll id-deċiżjoni storika li jingħataw fondi ewropej ta' għajnuna lill-Ukrajna. 

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024