51% tal-Maltin ma jemmnux li l-vuċi tagħhom tgħodd fl-UE... imma 71% jridu Parlament Ewropew b'aktar poteri

X'jaħsbu l-Maltin dwar il-Parlament Ewropew? Dwar l-UE u l-benefiċċji tagħha? U fejn iħossu li ma kinitx daqstant ta' benefiċċju? Xi jħossu li għandhom ikunu l-prijoritajiet tal-Parlament Ewropew?  

Maġġoranza assoluta ta' Maltin u Għawdxin jemmnu li l-vuċi tagħhom ma tantx tgħodd fl-Unjoni Ewropea u dan minkejja li l-istess unjoni għandha diversi istituzzjonijiet, fosthom il-Parlament Ewropew innifsu li dwaru iżda l-Maltin huma relattivament pożittivi jew inkella newtrali. Dan jirriżulta minn sondaġġ li sar mill-Parlament Ewropew stess (Defending Democracy. Empowering Citizens) u li juri illi 51% tal-poplu Malti jħoss li l-vuċi tiegħu ma tgħoddx filwaqt li minoranza konsiderevoli ta' 46% jħossu li l-vuċi tagħhom tinstema' tajjeb fl-UE. Kienu 5% biss li qalu illi ma jafux. Dawn in-numri jinqasmu kif ġej: 10% jaqblu ħafna li l-vuċi tagħhom tinstema', 36% jaqblu, 33% ma tantx jaqblu u 18% ma jaqblu assolutament xejn. 

Il-Maltin, terġa' u tgħid, mhumiex l-aktar xettiċi. Fil-fatt dawn huma l-popu tal-Latvja, fejn 85% ma jħossux li l-vuċi tagħhom tinstema' fl-UE u l-Estonjani b'71%. Minn naħa l-oħra, 66% tal-Iżvediżi, 65% tad-Daniżi u 62% tal-Olandiżi jemmnu li l-vuċi tagħhom fil-fatt qed tinstema'.  

Interessanti li jekk wieħed iqabbel dawn iċ-ċifri - li jirrifettu s-sentiment f'Diċembru 2021 - ma' Diċembru tal-2020 jsib li s-sentiment negattiv f'Malta, f'dan ir-rigward, żdied b'5%, minn 46%. Dak pożittiv żdied b'1% - minn 44% u dawk li ma kinux jafu kif se jwieġbu naqsu b'6%, minn 11%.  

Jekk imbagħad iżda tħares lejn is-sentiment tal-Maltin u kemm jaħsbu li l-vuċi tagħhom tgħodd lokalment, il-folja tinqaleb. Maġġoranza assoluta ta' 53% jemmnu li l-vuċi tagħhom tgħodd f'Malta, 45% ma jaħsbux hekk u 3% ma jafux. L-aħbar il-ħażina hija li dawk li ma jaqblux li l-vuċi tagħhom tgħodd żdiedu bi 8%, filwaqt li dawk li jaħsbu li tgħodd naqsu b'3%, f'sena! 

Minkejja li l-Maltin jemmnu li l-vuċi tagħhom qed jinstema' f'pajjiżhom inqas mill-medja tal-UE (58%), lanqas huma l-agħar. Dan hekk kif l-iktar li jħossu illi jipprotestaw u jitkellmu ta' xejn f'pajjiżhom għax l-affarijiet iħossu li ma jinbidlux huma l-poplu tal-Latvja fejn 77% jemmnu dan, il-Litweni b'65% u l-poplu tal-gżira Mediterranja ta' Ċipru, fejn 66% iħossu li l-vuċi tagħhom ma tinstemax mill-awtoritajiet nazzjonali.  

39% tal-Maltin huma pożittivi dwar il-PE, imma 49% huma newtrali 

Skont dan is-sondaġġ huma b'kollox 39% tal-Maltin li huma pożittivi dwar l-immaġini tal-Parlament Ewropew, għalkemm maġġoranza relattiva ta' 49% - kważi nofs il-poplu - għandhom opinjoni newtrali, la jemmnu li l-ħidma hija pożittva imma lanqas negattiva. Huma 10% biss li esprimew opinjoni negattiva.  

L-aktar poplu negattiv jew newtrali dwar l-immaġini tal-Parlament Ewropew - forsi bi ftit tħassib mhux ħażin għal din l-istituzzjoni - huma l-Franċiżi. Hawnhekk b'kollox 52% għandhom opinjoni newtrali u 22% għandhom opinjoni negattiva tal-Parlament. Fl-istess ilmijiet huma l-Islovakki, b'50% newtrali u 23% negattivi u l-Griegi fejn 24% huma negattivi u 48% newtrali. Fil-fatt l-aktar poplu li għandu immaġini ħażina tal-Parlament Ewropew huma l-Griegi.  

Minn naħa l-oħra l-aktar li għandhom immaġini pożittiva huma l-Irlandiżi (62%), l-Isvediżi (48%) u l-Portugiżi (47%).  

Il-Belġju - u allura l-pajjiż minn fejn ġeneralment jopera il-Parlament (apparti Strasburgu) - huwa 37% tal-poplu li huwa pożittiv, 42% newtrali u 21% għandhom immaġini negattiva.  

Huma b'kollox 71% tal-Maltin li jemmnu illi l-Parlament Ewropew għandu jkollu rwol akbar u aktar importanti milli għandu llum, filwaqt li huma biss 18% li jemmnu illi għandu jkollu rwol inqas importanti. Fil-fatt il-Maltin huma fost l-aktar poplu li jemmen illi l-Parlament jeħtieġ irwol akbar, flimkien maċ-Ċiprijotti (89%), l-Ispanjoli (77%) u l-Belġjani (74%). L-aktar li jħossu li din l-istituzzjoni għandu jkollha rwol iżgħar huma ċ-Ċeki (54%), l-Islovakki (52%) u d-Daniżi (47%).  

U finalment dwar dan il-punt: Il-Maltin kemm huma jew kemm iħossuhom infurmati dwar il-ħidma tal-Parlament ?  

Kważi kwart tal-poplu (24%) jgħid li kważi ma jaf xejn, maġġoranza kbira ta' 65% jgħidu li għandhom livell medju ta' għarfien u 10% biss jgħidu li għandhom livell għoli ta' għarfien.  

U x'għandu jiddefendi l-Parlament Ewropew?  

Maġġoranza relattiva ta' 29% tal-Maltin jemmnu li l-ewwel prijorità tal-Parlament Ewropew, f'dak li nemmnu li jeħtieġ jiġi protett, hija d-demokrazija. Fil-fatt dan huwa simili għall-Iżvediżi (45%), il-Ġermaniżi (43%) u l-Finlandiżi (37%).  

Wieħed fil-mija biss inqas tal-poplu Malti - jew 28% - jemmnu li l-Parlament Ewropew bħala prijorità għandu jiddefendi id-drittijiet umani, 21% jemmnu li għandu jiddefendi l-ugwaljanza u 21% oħra s-saltna tad-dritt. L-inqas li ssemmew mill-Maltin kienu d-dritt tal-ażil (6% - daqs il-medja tal-UE), il-libertà tal-assoċjazzjoni reliġjuża (10%) u solidarjetà bejn l-UE u pajjiżi fqar madwar id-dinja (13%).  

Il-Belġjani huma l-aktar li semmew il-libertà tal-espressjoni u tal-ħsieb b'34%, filwaqt li l-Franċiżi, Spanjoli u Portugiżi l-aktar li semmew l-ugwaljanza b'37%, 35% u 32% rispettivament. B'39% il-Griegi huma l-aktar poplu li semmew is-saltna tad-dritt.  

Mistoqsijin x'jaħsbu li għandha tkun il-prijorità tal-Parlament Ewropew f'termini ta' policy, l-Ewropej semmew is-saħħa pubblika l-ewwel b'42%, il-faqar u l-esklużjoni soċjali b'40% u 39% il-bidla fil-klima.  

Il-Maltin isemmu l-istess kwistjonijiet għalkemm f'ordni ta' importanza differenti. Maġġoranza relattiva ta' 45% jsemmu l-Bidla fil-Klima, 39% isemmu s-saħħa pubblika u 34% isemmu l-faqar u l-esklużjoni soċjali.  

Il-Maltin u l-bidla fil-klima 

Mistoqsijin x'jaħsbu li għandha tkun il-miżura jew l-inċentiva li tgħin aktar biex tkun miġġielda l-bidla fil-klima, 55% jemmnu li għandna nkomplu naħdmu għall-enerġija rinovabbli, mix-xemx u mir-riħ, fost oħrajn. B'56% jaħsbu l-istess l-Irlandiżi u l-iżvediżi, filwaqt li l-aktar li jemmnu illi din hija l-aħjar miżura huma ċ-Ċiprijotti (81%). 

Intant 51% tal-Maltin jemmnu li l-aħjar soluzzjoni hija li jkunu protetti s-siġar u jitħawlu aktar, filwaqt illi 47% jemmnu li l-prijorità għandha tkun li jitnaqqsu l-emmissjonijiet tal-karbonju mis-settur industrijali.  

It-tkabbir ekonomiku l-akbar raġuni għaliex gawdejna mis-sħubija 

Maġġoranza relattiva ta' 47% jemmnu li l-aktar raġuni għaliex il-Maltin huma favur sħubija fl-UE, huwa kif din ikkontribwiet għat-tkabbir ekonomiku ta' pajjiżna. 42% isemmu l-opportuntajiet tax-xogħol u 26% isemmu l-kooperazzjoni bejn Malta u pajjiżi oħrajn tal-UE.  

Huma biss 9% li jgħidu illi Maltin għandhom influwenza fuq id-deċiżjonijiet tal-UE, anke jekk wieħed irid iżomm f'moħħu li dan is-sondaġġ sar xahar qabel ma Roberta Metsola ġiet eletta President tal-Parlament Ewropew.  

B'89% il-Maltin huma fost l-aktar poplu li jemmnu illi bis-sħubija Malta gawdiet ħafna iktar milli kieku ma kinitx membru. Fil-fatt qabel il-Maltin hemm biss l-Irlandiżi b'95%, il-poplu tal-Lussemburgu b'95% u l-Litweni b'91%. B'40% l-Awstrijaki huma l-aktar poplu li jħossu illi s-sħubija kienet aktar ħażina milli tajba.  

Minn naħa l-oħra meta l-Maltin kienu mistoqsijin għaliex hemm dawk li jaħsbu li s-sħubija ma kinitx xi ħaġa tajba 35% isemmu li l-Maltin ftit li xejn għandhom influwenza politika, 28% jemmnu li aħjar ċerti affarijiet jiġu trattati fuq livell nazzjonali u 23% isemmu n-nuqqas ta' kontrolli fuq il-fruntieri, fil-kuntest tal-immigrazzjoni.  

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024