Xaqq ta' tama fl-Italja; Jiżdiedu l-imfejqa u jonqsu l-imwiet

'Nistgħu ngħidu li dawn huma l-ewwel ġranet pożittivi...,' insista wieħed mill-uffiċjali tas-saħħa 

Xaqq ta' tama fl-Italja hekk kif 7,432 persuna issa fiequ mill-Coronavirus, jiġifieri 408 pazjent aktar mill-bieraħ. Intant, fl-aħħar 24 siegħa tilfu ħajjithom 608 persuni filwaqt li l-għadd ta' każi ġodda kien ta' 4,789 persuna.

Anke jekk in-numri għadhom kbar u allarmanti, mill-banda l-oħra, għat-tieni ġurnata, in-numri naqsu. Is-Sibt li għadda kienu rrappurtati 6,557 każ ġdid u mietu 793 persuna.

Il-Ħadd, kienu rrappurtati 5,560 każ ġdid u mietu 651 persuna.

"Nistgħu ngħidu li dawn huma l-ewwel ġranet pożittivi, iżda għad fadlilna biex indoqqu l-vitorja, iżda fl-aħħar bdejna naraw xaqq ta' dawl," saħaq Giulio Gallera, wieħed mill-uffiċjali tas-saħħa tar-reġjun tal-Lombardia, l-agħar milqut mill-imxija tal-Covid-19.

Minkejja dan, l-awtoritajiet Taljani wissew li t-triq hija waħda twila u minkejja n-nuqqas fil-każi, ma jfissirx li t-Taljani ma għandhomx jibqgħu jsegwu l-miżuri u l-istruzzjonijiet li qed jingħataw mill-awtoritajiet, bil-għan li l-imxija tkun ikkontrollata.

B'kollox, fl-Italja, sa issa, kien hemm 63,927 każ pożittiv.

More in Barranin