L-Italja kollha fi kwarantina; Estiżi għall-Italja kollha r-restrizzjonijiet ta' ċaqlieq

B'kollox, fl-Italja, bħalissa hemm 7,985 persuna infettati bil-virus, jiġifieri f'ġurnata, dawk infettati, żdiedu bi kważi 1,600

Il-Prim Ministru Taljan, Giuseppe Conte, ħabbar li l-Gvern Taljan qed jestendi għall-Italja kollha r-restrizzjonijiet li fl-aħħar jiem daħlu fis-seħħ għar-reġjun tal-Lombardia u provinċji oħra.

Dan ifisser li ħlief għal raġunijiet ta' xogħol jew inkella għal raġunijiet ta' saħħa, iċ-ċaqlieq qed ikun ipprojbit mill-aktar reġjun fit-Tramuntana tal-Italja sa Sqallija.

Conte insista li din ma kinitx deċiżjoni faċli, iżda d-deċiżjonijiet qed jittieħdu biex jitwaqqaf it-tixrid tal-virus hekk kif l-Italja hija l-aktar pajjiż milqut wara ċ-Ċina.

"Jeħtieġ inbiddlu l-abbitudnijiet tagħna. Irridu, kollha kemm aħna, niċċaħdu minn xi ħaġa għall-ġid tal-Italja kollha. Irridu nagħmlu dan malajr u jirnexxilna biss jekk kollha kemm aħna naddattaw għal dawn ir-regoli," insista Conte. 

Dan id-digriet se jkun qed jidħol fis-seħħ, minn għada. 

Intant ħabbar li b'mod immedjat qed jitwaqqfu l-attivitajiet kollha tal-massa, inkluż il-manifestazzjonijiet sportivi. L-iskejjel se jibqgħu magħluqa wkoll sat-3 ta' April.

B'kollox, fl-Italja, bħalissa hemm 7,985 persuna infettati bil-virus, jiġifieri f'ġurnata, dawk infettati, żdiedu bi kważi 1,600. 463 persuna tilfu ħajjithom filwaqt li 724 fiequ għal kollox mill-coronavirus.

More in Barranin