'Is-sebħ ta' era ġdida' ; Ir-Renju Unit lest biex iħalli l-Unjoni Ewropea

Illejla, mat-tokki ta' nofsilejl, ir-Renju Unit ma jibqax aktar parti mill-Unjoni Ewropea wara 47 sena

“Is-sebħ ta’ era ġdida.” Hekk mistenni jiddeskrivi din il-ġurnata l-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson hekk kif mat-tokki ta’ nofsilejl ta’ bejn illejla u għada, ir-Renju Unit ma jibqax aktar parti mill-Unjoni Ewropea wara 47 sena.

Dalgħodu, l-BBC, irrapporta ftit mid-diskors lin-nazzjon li Johnson mistenni jagħti llejla, siegħa qabel iseħħ Brexit. “Dan mhux it-tmiem iżda l-bidu,” se jinsisti Johnson.

Malli jseħħ Brexit, se jibda perjodu ta’ tranżizzjoni sakemm jidħol fis-seħħ ftit ftit il-ftehim innegozjat mal-Unjoni Ewropea u maqbul, wara ħafna taqtigħ ta’ qalb, mill-parlament Ingliż.

Ħafna mil-liġijiet tal-Unjoni Ewropea se jibqgħu japplikaw (inkluż il-moviment ħieles tal-persuni) sa Diċembru li ġej, bir-Renju Unit jittama li sa ħdax-il xahar ieħor ikun laħaq ftehim għall-kummerċ ħieles mal-Unjoni Ewropea.

Brexit kellu jseħħ fid-29 ta’ Marzu tas-sena li għaddiet, iżda l-eks Prim Ministru Theresa May sabet il-Parlament iżommilha iebes u l-ftehim li hi kienet innegozjat baqa’ qatt ma ġie approvat.

Dan wassalha biex tirriżenja u biex ir-Renju Unit ikollu Prim Ministru ġdid. Johnson irnexxielu jgħaddi l-ftehim li nnegozja wara li rebaħ elezzjoni ġenerali bikrija li saret ix-xahar li għadda.

Il-wiegħda prinċipali tiegħu kienet li joħroġ lir-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.

Ir-referendum dwar Brexit sar fl-2016, b’53% tal-elettorat jivvota favur.

Intant, fil-Parlament Ewropew, is-sentimenti kienu differenti. Filwaqt li l-mexxejja tal-Unjoni Ewropea sellmu lir-Renju Unit, uħud bid-dmugħ f’għajnejhom, Nigel Farage u Ewroparlamentari Ingliżi favur Brexit telqu bi tbissima jxejru l-bnadar tar-Renju Unit.

Ewroparlamentari oħra Ingliżi, bid-dmugħ f’għajnejhom, ittamaw li xi darba jeġgħu jidħlu f’dan il-Parlament, b’dawk Skoċċiżi jisħqu li l-Iskozja ħierġa mill-Unjoni Ewropea kontra r-rieda tal-poplu tagħha.

More in Barranin