Mill-Monarkija sal-jam ta’ Corbyn ... Ftit li xejn ċaqliq fir-Renju Unit

L-ILLUM tkompli tagħti ħarsa lejn il-kampanja elettorali tar-Renju Unit. X’ġara fl-ewwel dibattitu? Min rebaħ? Corbyn iċċaqlaq?

Boris Johnson u Jeremy Corbyn waqt l-ewwel dibattitu tal-kampanja elettorali
Boris Johnson u Jeremy Corbyn waqt l-ewwel dibattitu tal-kampanja elettorali

Il-kampanja elettorali fir-Renju Unit din il-ġimgħa kienet iddominata mill-ewwel dibattitu bejn il-Prim Ministru Boris Johnson u l-Kap tal-Oppożizzjoni Jeremy Corbyn, dibattitu li ma biddel xejn. 

Kif irrappurtat il-gazzetta ILLUM fl-aħħar ġimagħtejn, id-distakk bejn il-Partit Konservattiv u l-Partit Laburista, dejjem skont is-sondaġġi, mhuwiex żgħir. Għalhekk, tista’ tgħid li Boris Johnson seta’ biss għaxxaq kollox u Jeremy Corbyn kellu l-opportunità li jċekken id-distakk. Iżda xejn minn dan ma seħħ.

Interessanti, u dan ikkummentaw fuqu diversi opinjonisti, kienet l-udjenza li nfaqgħet tidħak kemm-il darba bid-dikjarazzjonijiet taż-żewġ mexxejja. Forsi dan irrifletta wkoll kif qed iħossuhom il-votanti Brittaniċi li quddiemhom, kif qalet din il-gazzetta bħal-lum ħmistax, ma tantx għandhom xi għażla spettakolari.

Kif wieħed kien jistenna, iż-żewġ politiċi ma qablux fuq Brexit u s-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa li, kif rajna bħal-lum ġimgħa, ukoll huwa kruċjali f’din l-elezzjoni. It-tnejn li huma kienu kawti meta mistoqsija dwar il-monarkija u l-aħħar allegazzjonijiet li qed jiffaċja l-Prinċep Andrew, dwar relazzjoni sesswali ma’ tfajla ta’ 17-il sena.

Brexit ... x’qalu Johnson u Corbyn?

Brexit ħa parti sostanzjali mid-dibattitu li segwewh madwar seba’ miljun persuna.

Kif qed jagħmel tul il-kampanja kollha, Johnson iwiegħed li jekk jingħata mandat u maġġoranza komda fil-Parlament, se “jtemm din il-miżerja nazzjonali” waqt li insista li l-Partit Laburista qiegħed joffri biss diviżjoni.

Lanqas Corbyn ma qal xejn ġdid. Insista li jarmi fil-ġenb il-ftehim innegozjat minn Johnson u jinnegozja ftehim ieħor biex ir-Renju Unit jibqa’ viċin aktar tal-Unjoni Ewropea fejn jidħol is-suq waħdieni, fost oħrajn.

Tenna, li fl-aħħar mill-aħħar, iħalli lill-pubbliku jiddeċiedi u għalhekk isejjaħ referendum ieħor.

Battibekki dwar is-settur tas-saħħa

Anke jekk Johnson, f’kull opportunità li kellu, żeffen lil Brexit fin-nofs, Corbyn deher aktar lest biex jitkellem fuq kwistjonijiet oħra meqjusa importanti f’din l-elezzjoni, fosthom is-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa.

“Inti se tbigħ is-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa lill-Istati Uniti,” qal Corbyn lil Johnson waqt li tkellem fuq “sensiela ta’ laqgħat sigrieti” bejn il-Gvern u l-Istati Uniti.

Johnson ċaħad dawn l-allegazzjonijiet, iddeskrivihom bħala “invenzjoni” waqt li saħaq li l-ebda Gvern Konservattiv mhu se jilgħab bis-settur tas-saħħa.

X’qalu fuq il-monarkija?

Mistoqsija dwar il-Monarkija, li għall-maġġoranza assoluta tal-poplu Brittaniku hija sagra, iż-żewġ mexxejja qagħdu lura.

Dwar jekk il-Monarkija hijiex “fit for purpose,” Corbyn wieġeb li għandha fejn tirranġa. Fl-udjenza kien hemm ħafna li ma approvawx u ftit li ċapċpu wkoll.

Johnson kien aktar kategoriku u saħaq biss li mal-Monarkija ħadd ma għandu jilgħab.

Dwar il-Prinċep Andrew, Corbyn qal li ħadd ma huwa fuq il-liġi u li hemm mistoqsijiet serji li jridu jiġu mwieġba. Johnson kien aktar kawt u qal biss li l-liġi għandha titħalla tagħmel xogħolha.

Minn Scrooge u l-jam ta’ Corbyn

Iżda fid-dibattitu ma kienx kollox serju. Ir-Renju Unit se jkollu l-ewwel elezzjoni fi żmien il-Milied fl-aħħar 100 sena u għalhekk, il-mexxejja, kienu mistoqsija x’rigal jagħtu lil xulxin.

Corbyn qal li jagħti lil Johnson kopja tan-novella “A Christmas Carol,” biex fi kliemu, Johnson jifhem kemm Scrooge kien diżgustanti.

Min-naħa tiegħu, Johnson kien se juża din il-mistoqsija biex jerġa’ jitfa’ botta dwar Brexit, meta qal li kien se jagħti lil Corbyn kopja tal-ftehim innegozjat, iżda l-ġurnalisti fakkruh li t-tweġiba ma setgħetx tkun politika.

Kien hawn li qal li jagħti lil Corbyn ftit jam, iżda l-Mexxej Laburista dlonk wieġbu u qallu li hu jagħmel il-jam tiegħu stess.

Kontroversja dwar kont fuq Twitter

Anke jekk id-dibattitu ma kien xejn speċjali, il-kontroversja ma naqsitx, b’mod partikolari meta l-Partit Konservattiv biddel l-isem ta’ wieħed mill-kontijiet tiegħu fuq Twitter għal: factcheckUK.

Wara d-dibattitu, dan il-kont reġa’ biddel ismu għal dak oriġinali.

Dan wassal għall-kundanni, inkluż minn Twitter stess, li l-Partit Konservattiv ipprova jiżgwida lill-pubbliku.

Min rebaħ dan id-dibattitu?

Kif ingħad aktar ’il fuq, ħadd miż-żewġ mexxejja ma’ spikka wisq waqt id-dibattitu u dan kien rifless f’sondaġġ li sar fost 1,646 telespettatur. 

Skont YouGov, jekk tneħħi lil dawk li ma kinux jafu jwieġbu, 51% qalu li Johnson rebaħ id-dibattitu, filwaqt li 49% għażlu lil Corbyn.

Iżda jidher li Corbyn għamel ftit pass ’il quddiem. Il-maġġoranza tat-telespatturi jemmnu li ż-żewġ mexxejja marru tajjeb, b’67% jwieġbu hekk dwar Corbyn u 59% dwar Johnson.

Minn fost dawk li vvotaw lill-Partit Konservattiv fl-2017, 48% jemmnu li l-Mexxej Laburista mar tajjeb, filwaqt li 33% biss ta’ dawk li vvotaw Labour jemmnu li Johnson qata’ figura tajba.

Skont is-sondaġġ, Corbyn ħareġ aktar b’saħħtu fuq is-settur tas-saħħa u Johnson fuq Brexit.

L-akbar problema ta’ Corbyn...

L-akbar problema li għandu Corbyn hija l-popolarità. Anke jekk skont sondaġġi, fid-dibattitu deher aktar konxju tal-isfidi li qed jiffaċja r-Renju Unit, ftit huma dawk li jarawh Prim Ministru.

Mhux talli hekk, talli skont is-sondaġġi, Corbyn lanqas biss huwa l-aktar politiku Laburista popolari. F’din il-klassifika huwa jinsab fil-ħames post.

Skont l-aħħar sondaġġ ta’ YouGov, li sar bejn it-18 u d-19 ta’ Novembru, mistoqsija min ikun l-aħjar Prim Ministru, 44% għażlu lil Johnson u 22% biss lil Corbyn.

Għall-mistoqsijiet dwar il-kwalitajiet tal-mexxejja (kemm jafdawhom u kemm jarawhom kompetenti, deċisivi u b’saħħithom), Corbyn ma kkwalifika għall-ebda kwalità u l-persentaġġi dwaru huma diżastru. 

Johnson ma marx tajjeb f’kollox, imma almenu hemm ammont konsiderevoli ta’ votanti li jarawh deċisiv u b’saħħtu. 

Għalhekk, il-konklużjoni hija waħda. Huwa Corbyn li qed iżomm lill-Partit tiegħu stess lura.

Iċċaqilqu s-sondaġġi?

Mill-ġimgħa li għaddiet lil hawn, is-sondaġġi ftit li xejn iċċaqilqu. Id-distakk bejn il-Partit Konservattiv u l-Partit Laburista niżel minn 14% għal 12%, iżda għadu sostanzjali.

Kieku elezzjoni kellha ssir għada, il-Partit ta’ Johnson jirbaħ 42% tal-voti u l-Partit Laburista jikseb 30%.

Il-partiti l-oħra, baqgħu kollha fl-istess ilmijiet.

More in Barranin