Il-Plejer tal-Mument fil-Futbol Malti

Jake Grech - il-plejer tal-mument fil-futbol Malti u li għalkemm għad għandu biss 19-il sena, diġà jġorr il-faxxa ta' captain ta' tim bi storja glorjuża fil-futbol Malti, ta’ Ħamrun Spartans

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Naturali. Il-papà tiegħi kien jilgħab il-futbol. Kont ninżel miegħu training u ovvjament sirt inħobb il-futbol.

Kif kompla jgħinek il-papà tiegħek, Marco Grech fil-futbol?

Ovvjament għeni. Fdani bl-esperjenza tiegħu, dik ta’ 22 sena jilgħab il-futbol. L-esperjenza hija vasta. Għeni ħafna. Ikkowċjani wkoll u stajt nitla’ f’livell aħjar.

X’responsabbiltà tħoss li ġġorr il-faxxa ta’ captain ta’ Ħamrun illum?

Responsabbiltà kbira. Klabb kbir bi storja kbira. Sapport. Faċilitajiet. Erba’ darbiet champions ta’ Malta. Ir-responsabbiltà hija kbira. Trid tmexxi l-klabb ovvjament kuljum...training u l-attivitajiet kollha possibbli. Nippruvaw inwasslu l-klabb lura fejn jixraqlu fis-snin tal-glorja.

Jekk ikollok tgħaddi l-kummenti tiegħek fuq dan l-istaġun sa issa, xi jkunu l-kummenti tiegħek?

Dan hu l-ewwel staġun fil-Premier wara nuqqas ta’ tlieta jew erba’ snin jekk mhux sejjer żball. L-għanijiet tagħna huma li kemm jista’ jkun malajr insalvaw u nagħtu garanzija ta’ staġun ieħor lis-sapporters tagħna. Jidher li qegħdin fit-triq it-tajba, però rridu nkomplu hekk. Sejrin tajjeb u jekk inkomplu hemm m’għandniex ikollna problemi.

Jekk tagħti l-mija fil-mija f’kull training session u f’kull logħba tieħu ħsieb il-karriera tiegħek, nemmen li kull wieħed għandu jagħmilha

Jidher li hemm aspettativi kbar fuq dan l-investiment Taljan li ġej. X’tikkummenta?

Il-klabb tal-Ħamrun jixraqlu dan it-tip ta’ investiment u dawn it-tip ta’ ambizzjonijiet. Jalla jkun ta’ suċċess u nkomplu nimxu ’l quddiem.

Kont taħt it-tmexxija tal-kowċ Steve D’Amato. Issa hemm Jacques Scerri. Ħassejtha t-tranżizzjoni bħala plejer u l-Ħamrun ħassewha bħala tim?

Huma żewġ kowċis tajbin. Aħna konna professjonali u kapaċi taħdem mat-tnejn li huma. Dawk mhumiex deċiżjonijiet tagħna imma deċiżjonijiet tal-kumitat. Ifhimni, huma żewġ kowċis tajbin kif għedtlek. Nirringrazzja lil Steve D’Amato tax-xogħol li jagħmel u nawgura lil Jacques Scerri li nkomplu naħdmu kif qegħdin naħdmu.

Ħa mmur lura għat-tournament ta’ Malta tal-under 17. Dak x’kien ifisser? Hemmhekk donnok għamilt il-breakthrough tiegħek mat-tim nazzjonali.

Fuq livell ta’ tim nazzjonali, ili hemm minn meta kelli ħmistax-il sena, mill-bidu nett. Kien tournament li jiswa ħafna. Għamilna sentejn nittrenjaw u kellna diversi logħob. Kien xahar diffiċli. Però kienu tliet logħbiet iebsin kontra timijiet ta’ livell għoli. Kelli tournament tajjeb ħafna hemmhekk. Ħdimt ħafna għalihom u hemmhekk ta’ ħmistax-il sena għamilt il-breakthrough mat-tim tal-kbar, mal-Ħamrun mal-ewwel diviżjoni.

Ħmistax kellek hemmhekk?

Kelli ħmistax-il sena meta l-istaġun ta’ qabel lgħabt mal-Ħamrun fl-Ewwel Diviżjoni.

X’emozzjoni ħassejt ta’ 15-il sena?

Jekk m’iniex sejjer żball kont l-iżgħar plejer li qatt ilbist il-flokk tal-Ħamrun. Veru li fl-Ewwel Diviżjoni u mhux mal-kbar. Ovvjament tħoss emozzjoni sabiħa. Il-klabb tal-Ħamrun hu klabb kbir. Konna għadna ġejjin minn relegazzjoni diffiċli mill-Premier. Kelli daqsxejn entużjażmu. Però kont looking forward li niddebutta mal-klabb ta’ tfuliti. 

Ħa nsemmilek il-gowl kontra l-Hibernians dak l-istaġun. Iddeskrivi dak il-gowl. Kien l-isbaħ gowl li qatt skurjajt?

Dik kienet l-ewwel logħba ta’ dan l-istaġun u kienet l-ewwel logħba tiegħi fil-kampjonat Premier. Allavolja kont ili nilgħab erba’ snin mat-tim tal-kbar, kienet l-ewwel logħba fil-Premier. Kien gowl sabiħ u kienet logħba b’ċirkustanzi diffiċli fejn lgħabna kontra l-Ħibs u rbaħnielhom 3-1, u lgħabna bla barranin u kellna ċertu diffikultajiet. Kien gowl importanti ħafna li ta sinjal li l-Ħamrun se jerġgħu lura lejn il-kampjonat Premier. Gowl sabiħ. Jalla jkolli aktar.

Taqbel ma’ kampjonat b'14-il tim?

Nemmen li l-kampjonat kif qiegħed huwa tajjeb.

U ma’ 11-il plejer barrani fil-grawnd?

Bi 11-il plejer barrani se jonqos iċ-ċans li tilgħab. Però skont x’inhuma l-barranin. Jekk ikunu barranin ta’ livell li tista’ titgħallem minnhom fit-taħriġ u fil-logħob, ovvjament tista’ tgħin, però jonqos iċ-ċans li tilgħab. Però jien nemmen li mhux il-kwantità imma l-kwalità tal-plejers barranin li jiġu.

Problema fil-futbol Malti għalija hija dik tal-betting. Taħseb li din tista’ qatt tissolva?

Mhux affarijiet li nidħol fihom jien. Jalla jkun hawn soluzzjoni għal dawn l-affarijiet.

Is-sapporters ta' Ħamrun Spartans kienu hemm fi żmien diffiċli, fi żminijiet fejn konna f’diviżjoni inferjuri. Jidher li hemm pjanijiet sbieħ għall-futur, u nemmen li għandna nibqgħu mexjin ’il quddiem

Bħalissa qed tilgħab mal-under 21 ta’ Malta u qiegħed ukoll il-captain tat-tim. X’tikkummenta fuq dak is-suċċess kbir li ksibtu u r-rekord li għamiltu?

Naħseb li kien suċċess kbir. Kien hemm plejers tal-1994 li kellhom ħafna esperjenza. Naħseb l-aħħar logħbiet tagħna jekk kien hemm 22 li kienu jiġu msejħa, naħseb kienu 22 li verament lagħbu. L-esperjenza tgħin għax tkun qed tilgħab f’livell għoli. Il-grupp ta' plejers imwielda fl-1995 kien grupp fantastiku. Lgħabna l-logħbiet tagħna u ksibna riżultati ferm pożittivi kif kulħadd jista' jara. Grazzi lill-istaff tekniku, il-kowċ Silvio Vella, Noel Turner, lil kulħadd. Ma bżajniex nilagħbu. Kont fortunat li ħdimt għaliha u ġejt imsejjaħ fl-aħħar logħbiet. Huwa riżultat storiku. Bil-11-il punt li ksibna u bil-livell tat-timijiet li kien hemm, nemmen li ħdax-il punt hu riżultat tajjeb ħafna.

Kemm jgħinek il-kowċ Silvio Vella?

Għeni ħafna. Għandu l-esperjenza. Lagħab fl-ogħla livelli tal-kampjonat Malti u man-nazzjonali. Pariri siewja jista’ jagħti dejjem. Hemm qabża kbira mill-età ta’ taħt id-dsatax-il sena sa wieħed u għoxrin sena. Għenna psikoloġikament. Konna ħafna li għamilna din il-qabża. Għenna ħafna. Ksibna riżultati tajbin miegħu.

Ħa mmurlek għall-kowċ Sergio Soldano. X’inhuma l-kummenti tiegħek fuq dan il-kowċ?

Sergio Soldano, kliem ta’ tifħir biss nista’ ngħid fuqu. Għamilna madwar sentejn u nofs flimkien. Kuljum flimkien tista’ tgħid. Nitilgħu kuljum Ta’ Qali nittrenjaw u saħansitra kien jiġi għalina l-iskola. Sergio Soldano kien il-kowċ li tana l-breakthrough. Għenna f’kull aspett tal-futbol u tagħna ċans li nesprimu l-futbol tagħna. Sergio Soldano huwa kowċ li għenni ħafna u biddilli moħħi minn tifel għal teenager. Allura tani ċertu responsabbiltajiet ukoll.

Il-futur tiegħek mat-tim nazzjonali Malti. Żgur li l-mira tiegħek hi li tilgħab taħt Pietro Ghedin issa.

Il-ħolma tiegħi hi li xi darba nilgħab mat-tim nazzjonali Malti tal-kbar. Inkompli mat-tim tal-Ħamrun u li forsi nwasslu lura fil-għoli u li mmur nilgħab barra mill-pajjiż.

Kien hemm xnigħat li stajt tiċċaqlaq. Però Jake Grech se jibqa’ ma’ Ħamrun Spartans fil-futur?

Għandi kuntratt ma’ Ħamrun Spartans sal-aħħar tal-istaġun. M’għandix problemi.

Jekk tiġik opportunità li tmur barra minn Malta, titlaq?

Ovvjament. Mija fil-mija. Bil-kuntratt m’għandix problemi. Jien mort barra minn Malta. Kont mort nilgħab ma' Spezia wara li ntemmew il-kampjonati Ewropej ta' taħt is-17-il sena li kienu saru f'Malta.

Kemm domt hemmhekk?

Domt ġimagħtejn. Riedu jiffirmawni però l-kuntratt ma kienx tajjeb u allura ma ffirmajtx.

Kemm jgħinek il-kumitat ta’ Ħamrun immexxi mill-president, Gaetano Debattista?

Dal-aħħar snin għamlu xogħol siewi ħafna. Konna għadna ġejjin minn tranżizzjoni kbira, korruzzjoni. Nemmen li qed jagħmel xogħol tajjeb. Jalla nkomplu sejrin hekk.

X’sagrifiċċju u commitments jinvolvi dan it-tip ta’ sport, speċjalment għal żagħżugħ bħalek li tilgħab il-futbol?

Sagrifiċċju kbir. Jekk se tilgħab il-Ħadd għandek tista’ tgħid weekend ġewwa. Normalment ġieli jkollok tliet logħbiet fix-xahar. Waħda l-Ħadd u l-oħra s-Sibt. Il-commitments huma kbar. Tista’ toħroġ però ġismek trid tieħu ħsiebu. Hemm il-moħħ u hemm it-talent. Hawn ħafna plejers li għandhom it-talent, però l-attitudni tkun differenti. Fil-futbol, hija l-attitudni li tagħmlek plejer tajjeb u twasslek minn post sa post. Trid tieħu ħsieb il-fiżikalità tiegħek. Training kuljum. Tagħmel sagrifiċċju. Taħdem. Se jkun hemm ġranet li jkun hemm affarijiet tajbin u affarijiet ħżiena. Ma tridx taqta’ qalbek u tkompli taħdem. Nemmen li fl-aħħar mill-aħħar jekk taħdem takkwista l-premju.

Hawn ħafna plejers li għandhom it-talent però l-attitudni tkun differenti. Fil-futbol, hija l-attitudni li tagħmlek plejer tajjeb u twasslek minn post sa post

X’inhu l-messaġġ tiegħek għal żgħażagħ bħalek biex jagħmlu karriera ta’ suċċess u l-futbol kif jgħinek fil-ħajja?

Il-futbol ibiegħdek mill-vizzji u minn ċerta ħażen. Però l-messaġġ tiegħi huwa wieħed. Trid taħdem u tibqa’ taħdem u ma taqtax qalbek. Jista’ jkun hemm perjodi diffiċli, inġustizzji u affarijiet oħra. Jekk tagħti l-mija fil-mija f’kull training session u f’kull logħba, tieħu ħsieb il-karriera tiegħek nemmen li kull wieħed għandu jagħmilha. Hawn talent.

Bħala captain tat-tim ta’ Ħamrun Spartans x’taħseb li huma t-tragwardi għal Ħamrun Spartans matul dan l-istaġun?

It-tragwardi huma li nsalvaw kemm jista’ jkun malajr u nagħtu staġun ieħor lis-sapporters tagħna fl-ogħla diviżjoni. It-tragward ewlieni bħalissa huwa dak li nistabbilixxu lilna nfusna fl-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti.

X’inhu l-messaġġ għas-sapporters ta' Ħamrun Spartans?

Is-sapporters ta' Ħamrun Spartans kienu hemm fi żmien diffiċli, fi żminijiet fejn konna f’diviżjoni inferjuri. Jiena kont parti minn dan iż-żmien diffiċli għax wara li lgħabt kontra l-Olanda, l-Ingilterra, it-Turkija, spiċċajt nilgħab fit-Tieni Diviżjoni. Jidher li hemm pjanijiet sbieħ għall-futur. Inħeġġiġhom jibqgħu dejjem warajna u nemmen li jekk jibqgħu dejjem warajna kif dejjem kienu, għandna nibqgħu mexjin ’il quddiem. 

More in Sports