filmat | EURO 2016 : Il-Maltin min jaħsbu li jista’ jirbaħ ?

Il-gazzetta ILLUM ħarġet fit-toroq tal-Belt Valletta u staqsiet lil xi nies dwar il-kampjonat EURO 2016

It-tim Spanjol illum jilgħabu kontra t-Taljani
It-tim Spanjol illum jilgħabu kontra t-Taljani

Fix-xhur li għaddew, il-poplu Malti ma sema’ xejn ħlief fuq skandli politiċi minn fuq kull forma ta’ media disponibbli, u hekk kif is-sitwazzjoni lokali birdet xi ftit, bdiet tisħon dik tar-Renju Unit, b’diskussjonijiet dwar il-Brexit.

Wara dan il-perjodu, mod eċċellenti biex jinfetaħ l-istaġun tas-sajf kien li l-poplu Malti jingħaqad mal-bqija tal-Ewropej biex igawdi l-logħob tal-futbol tal-Euro 2016.

Fi stil Malti, flimkien ma’ grupp ta’ ħbieb, u forsi b’xi flixkun birra jew tnejn, numru kbir ta’ nies ma naqsux milli joħorġu jsegwu l-logħob f’bars u każini, ħafna minnhom armati b-big screens, li kważi jtuk impressjoni li qiegħed tara l-logħba f’xi grawnd fi Franza.

Oħrajn jippreferu jaraw il-logħob fil-kwiet u d-devozzjoni tas-salott ta’ darhom, hekk kif jagħtu l-appoġġ lit-tim favorit tagħhom, filwaqt li forsi jkollom lil marthom tgerger f’xi kamra oħra tad-dar, titlob li dawn l-imberkin logħob jgħaddu mill-aktar fis possibli, għalkemm ta’ min li wieħed jirrimarka avvenimenti bħall-Euro u t-Tazza tad-Dinja, ikunu segwiti bl-istess ħeġġa minn numru kbir ta’ nisa wkoll.

Lil hinn mil-logħob, ix-xorb u l-burdell, il-Euro 2016 s’issa kienet ikkaratterizzata minn livelli għolja ta’ sigurtà fi Franza kollha, u temp mhux dejjem favorevoli għal-logħob. Rajna wkoll nuqqas ta’ spirtu sportiv min-naħa tal-partitarji Russi, li almenu pattew għalih ħafna Irlandiżi. Fil-fatt, fuq siti soċjali bħal Facebook rajna filmati ta’ bosta Irlandiżi jiċċelebraw bl-isbaħ spirtu ta’ ħbiberija li wieħed jista’ jkollu waqt avveniment sportiv.

B’xi mod jew ieħor, kemm jekk tkun iffissat fil-futbol, u anke jekk assolutament ma jkunx jogħġbok, avveniment bħat-Tazza Ewropea xorta jħallik b’xi forma ta’ opinjoni fuq l-eżitu tal-kampjonat.

Il-gazzetta ILLUM ħarġet fit-toroq tal-Belt Valletta u staqsiet lil xi nies jekk hux qegħdin isegwu l-kampjonat, min fl-opinjoni tagħhom jista’ jirbaħ u jekk kienx hemm xi plejer li impressjona s’issa.

Vox Pop dwar il-EURO 2016 : Il-Maltin min jaħsbu li jista’ jirbaħ ?

More in Sports