Mutur f’nofs il-grawnd għal Hibernians u t-tim nazzjonali Malti

Bjorn Kristensen - jista’ jiġi deskritt bħala mutur f’nofs il-grawnd kemm għal Hibernians kif ukoll għat-tim nazzjonali Malti. Huwa midfielder komplet fejn it-tqassim tal-ballun eċċellenti tiegħu, kif ukoll ix-xamma għal gowl jiddistingwuh minn plejers oħra, fosthom dawk ta’ età ikbar minnu.

Bjorn, ħa mmorru mal-ewwel għall-punt - għadkom ġejjn friski minn rebħa storika ta’ 2-1 f’logħba ta’ ħbiberija ferm prestiġjuża kontra l-ġganti Olandiżi ta’ PSV Eindhoven. X’fissret għalik personali din il-logħba?

Ir-rebħa li ksibna kontra PSV Eindhoven, kienet logħba li żgur li se nibqa’ niftakar b’mod partikolari fil-karriera tiegħi, fejn lgħabna tajjeb ħafna u konna ddixplinati ferm tattikament. Din ir-rebħa tawgura tajjeb ħafna għall-kumplament ta’ dan l-istaġun u ttina stimolu akbar biex inkomplu nisfidaw għar-rebħ tal-unuri prinċipali f’Mejju li ġej. 

Immorru issa għall-bidu tal-karriera tiegħek fil-futbol pass pass. Kif għażilt il-futbol fost tant sport ieħor?

Missieri kien jilgħab il-futbol ma’ St Patrick, Senglea Athletic u anki ma’ klabbs fid-Danimarka u kont immur narah meta kont żgħir. Dejjem niftakarni bil-ballun f’saqajja u spiċċajt nilgħab jien ukoll. 

X’tikkummenta fuq l-esperjenza tiegħek ma’ Hibernians s’issa?

Naħseb li kienet waħda ta’ suċċess fejn nista’ ngħid li rbaħt kull unur li għandu x’joffri l-futbol Malti, fosthom il-Kampjonat Premier, l-FA Trophy u s-Super Cup. Jalla nibqgħu sejrin hekk u nirbħu iktar unuri tul il-medda tas-snin.

M’hemmx dubju se tkunu fost il-favoriti ewlenin li tisfidaw għar-rebħ tal-Kampjonat BOV Premier f’Mejju li ġej. X’tikkummenta?

Iva. Naħseb li jidher biċ-ċar li aħna flimkien ma’ Valletta u Birkirkara se nkunu sfidanti ewlenin għar-rebħ tal-kampjonat. It-triq hija twila fejn kulħadd kapaċi jagħti logħba u jtellef il-punti lil kwalunkwe tim ieħor. 

Kif inhi r-relazzjoni tiegħek mal-kowċ Branko Nisevic?

Hija relazzjoni tajba. Naħseb li l-kowċ ta’ Hibernians, Branko Nisevic, huwa wieħed mill-aqwa kowċis jekk mhux l-aqwa kowċ li hawn Malta. Tattikament huwa bravu ħafna u jogħġobni ħafna l-istil tal-kowċing li jaddotta.

U dik mal-president Tony Bezzina?

Naħseb li l-president ta’ Hibernians, Tony Bezzina, huwa li l-aktar president ta’ klabb tal-futbol umli li hawn Malta. Huwa jħobb u jirrispetta lil kulħadd u naħseb li ħaqqu kull kliem ta’ tifħir u rikonoxximent, waqt li bħala ringrazzjament tagħna lejh, aħna l-plejers għandna ntuh l-unuri kollha li nistgħu u li tassew jistħoqqulu. 

X’fisser għalik ir-rebħ tal-Kampjonat ma’ Hibernians matul l-istaġun li għadda li kien propju l-ewwel wieħed fil-karriera tiegħek? Żgur li dan se jibqa’ mmarkat b’ittri tad-deheb fil-karriera tiegħek propju għall-fatt li kien l-ewwel wieħed...

Ir-rebħ tal-Kampjonat Premier matul l-istaġun li għadda fisser ħafna għalija. Dan hekk kif kważi rbaħnih migħajr ma sofrejna telfa, jiġiferi ma setax kien aħjar għalina. Kienet esperjenza inkredibbli u tal-ġenn għalina. Konna dejjem magħqudin u għalhekk ksibna dan l-unur. Jalla nerġgħu nirbħu l-kampjonat f’dan l-istaġun ukoll!

Induru issa għat-tim nazzjonali. Jidher li l-kowċ Pietro Ghedin għandu fiduċja kbira fik hekk kif qed narawk inkluż f’bosta logħbiet tat-tim nazzjonali fosthom logħbiet importanti. X’inhi l-esperjenza tiegħek sa issa mat-tim nazzjonali?

Hija esperjenza sabiħa ħafna li jkollok iċ-ċans li tilbes il-flokk tat-tim nazzjonali Malti. Jien għadni plejer żgħir u kull meta jiġini ċ-ċans li nilgħab ma’ Malta, nipprova nagħti l-mija fil-mija tiegħi. Nixtieq nirringrazzja lill-kowċ tat-tim nazzjonali Pietro Ghedin li juri fiduċja assoluta u kontinwa fija. 

U r-relazzjoni tiegħek mal-plejers sħabek li jiffurmaw parti mit-tim nazzjonali, fosthom ma’ dawk li fil-Kampjonat domestiku tissieltu ferm biex tirbħu l-unuri prinċipali bħal ngħidu aħna plejers ta’ Valletta u Bikirkara?

Aħna man-Nazzjonal nirrappreżentaw lil pajjiżna, u għalhekk ningħaqdu ħaġa waħda, fejn nista’ ngħidlek b’wiċċi minn quddiem li aħna kollha ħbieb. Meta niġu biex nilagħbu fuq livell domestiku mad-diversi klabbs li aħna nilagħbu magħhom, fil-grawnd ma nkunux ħbieb iżda rivali ta’ xulxin. Madankollu, wara li tintemm il-logħba, u nirritornaw barra l-grawnd, nerġgħu nsiru ħbieb mill-ġdid!

Int irbaħt l-unur tal-Aqwa Plejer Żagħżugħ tas-Sena tal-MFA għal tliet darbiet fil-karriea tiegħi sa issa. X’fissru għalik dawn l-unuri personali?

Dawn l-unuri personali kienu importanti ħafna għalija, għax ħdimt ħafna għalihom. Jalla nibqa’ ntejjeb il-livelli tiegħi fil-futbol,  ħalli forsi xi darba nirbaħ l-unur tal-MFA Plejer tas-Sena. 

Int taf sew lill-kowċ Ray ‘Żażu’ Farrugia għax lgħabt taħt il-gwida tiegħu fit-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena. X’tikkummenta fuqu?

Ray ‘Żażu’ Farrugia huwa kowċ tajjeb ħafna. Naħseb li l-plejers iqisuh qisu kien missierhom. Huwa jagħtina kollox u mbagħad fl-aħħar mill-aħħar jitlob minna l-plejers li nġibu r-riżultati mistennija minna. Għalija huwa wieħed mill-aqwa kowċis li qatt kelli fil-karriera tiegħi sa issa. 

Ir-rebħa li ksibna kontra PSV Eindhoven, kienet logħba li żgur li se nibqa’ niftakar b’mod partikolari fil-karriera tiegħi, fejn lgħabna tajjeb ħafna u konna ddixplinati ferm tattikament

X’kienet l-esperjenza tiegħek mat-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena?

Irbaħna ħames punti. Naħseb li din kienet l-iktar darba li t-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena qatt kiseb punti. Dan hekk kif konna rbaħna lil-Litwanja barra minn darna, u ġejna draw mal-Fillandja u mal-Ukrajna. Jien bdejt nilgħab mat-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena meta kien għad kelli biss 17-il sena fejn propjament kont għadni nifforma parti mit-tim nazzjonali ta’ taħt id-19-il sena.

U x’tikkummenta fuq l-aħħar wirjiet u l-aħħar riżultati li intom irnexxielkom tiksbu bħala tim nazzjonali riċentament u anki l-fatt li lgħabt kontra plejers ta’ klassi mondjali fosthom Andrea Pirlo, Mario Mandzukic u ħafna oħrajn?

Dawn li semmejt u oħrajn huma plejers ta’ kalibru kbir iżda huma kollha jżommu saqajhom mal-art. Naħseb li aħna kapaċi nagħtu logħba lil kulħadd, u fl-aħħar mill-aħħar din hija logħba tal-futbol, jiġifieri jekk fil-ġurnata nagħtu l-massimu, aħna kapaċi niksbu kull riżultat possibli.

X’tikkummenta fuq l-amministrazzjoni tal-MFA mmexxija minn Norman Darmanin Demajo u Bjorn Vassallo?

Naħseb li qed jagħmlu xogħol tajjeb, fuq kollox għall-fatt li qed jippruvaw jinvestu fi plejers żgħażagħ. Jalla iktar plejers żgħażagħ Maltin imorru jilagħbu barra minn Malta, għax hekk biss jista’ javvanza l-futbol Malti. Naħseb li huma mexjin fit-triq it-tajba s’issa.

Il-futbol Malti marid?

Ma naħsibx li hu marid - allaħares marid. Isir ħafna tgergir imma jien naħseb li min hu nkarigat fosthom Norman Darmanin Demajo u Bjorn Vassallo, qed jagħmel ħiltu kollu biex il-futbol Malti jitjieb fil-livell tiegħu u j’alla li dawn l-avvanzi tant mixtieqa, isiru realtà fiż-żmien li ġej. 

Int li sa issa dejjem lgħabt bil-flokk ta’ Hibernans, taħseb li fil-futur se tibqa’ tilgħab biss bil-flokk ta’ dan it-tim minn Raħal Ġdid, jew tikkunsidra l-possibiltà li tmur tilgħab ma’ xi tim ieħor? Barra minn hekk tikkunsidra l-possibiltà li tmur tilgħab barra minn Malta, biex hemmhekk tibda avventura ġdida fil-karriera tiegħek tal-futbol?

Jien baqagħli kuntratt ta’ sentejn u nofs ma’ Hibernians, imma jekk xi darba tiġini xi offerta li mmur nilgħab ma’ xi tim ieħor barra minn Malta, naħseb li neħodha.

Ġieli kellek xi offerta f’dan ir-rigward?

Iva, ġieli kelli imma xejn ma rriżulta fil-pożittiv. Iżda, jekk ningħata offerta oħra tajba minn xi klabb barrani, neħodha mija fil-mija. 

Kif tqabbel ir-riżorsi li fihom tittrenjaw u tilagħbu f’Malta meta mqabblin ma’ dawk li intom bħala plejers tużaw meta tilagħbu logħbiet internazzjonali barra minn Malta?

Naħseb li r-riżorsi relatati mal-futbol li nsibu barra minn Malta huma kollha ta’ livell aħjar minn dawk li nsibu f’Malta. Hekk pereżempju nsemmi l-ħaxix tal-grawnds li jkun maqtugħ b’mod perfett, qisek qed tilgħab fuq il-pannu!  Naħseb li kieku xi darba f’Malta jkollna dan it-tip ta’ ħaxix fost riżorsi oħra, jgħin ħafna lill-futbol Malti, anki għax fost l-oħrajn il-ballun ma jaqbiżx, tkun tista’ tilgħab futbol mal-ewwel (one-touch), u l-logħba tal-futbol bla ma trid issir iktar veloċi. 

X’tikkummenta fuq il-kankru tal-betting li sfortunatament qiegħed kulma jmur jgħolli rasu u jeqred il-futbol mondjali?

Il-betting naħseb li huwa fattur li se jkisser il-futbol. Naħseb li trid tiġi minna l-plejers li rridu nilagħbu b’saħħitna u nkunu tassew magħqudin biex nippruvaw inkissru dan il-fenomenu għal kollox. 

Naħseb li jidher biċ-ċar li aħna flimkien ma’ Valletta u Birkirkara se nkunu sfidanti ewlenin għar-rebħ tal-kampjonat

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol kemm bħala plejer ta’ Hibernians, kif ukoll bħala plejer tat-tim nazzjonali Malti?

Jalla nibqa’ nilgħab bil-flokk tat-tim nazzjonali Malti u nkompli nagħmel ħilti kollha biex intejjeb il-prestazzjonijiet tiegħi ma’ dan it-tim li jirrappreżenta lil pajjiżi. Rigward il-livell domestiku ma’ Hibernians, jalla nibqgħu niġġieldu għall-unuri prinċipali fosthom ir-rebħ tal-Kampjonat BOV Premier ta’ kull sena. 

Bħala plejer żagħżugħ li ta’ età żgħira rnexxielek diġà tikseb suċċess konsiderevoli. Għaddi messaġġ lil dawk it-tfal u/jew żgħażagħ li jixtiequ jibdew karriera fil-futbol.

Ngħidilhom biex iżommu saqajhom mal-art, jaħdmu ħafna u bis-serjetà u jittrenjaw ta’ kuljum. Jekk ikollhom xi siegħa ċans u ma jkollhomx x’jagħmlu, flok jibqgħu ġewwa u jilagħbu b’xi console partikolari, ngħidilhom biex joħorġu barra u jagħtu daqqa bil-ballun! 

More in Sports