PSV Eindhoven, FC Bate Borisov u FC Victoria Plzen f'Malta għal kamp ta' taħriġ

Inizzjattiva mill-MTA u SLFC twassal għall-16-il tim barrani jagħżlu lil pajjiżna għall-kamp ta’ taħriġ

Sittax-il tim tal-futbol barrani ser ikun qiegħed iżur pajjiżna fix-xhur ta’ bejn Jannar u Marzu tas-sena d-dieħla sabiex juża l-faċilitajiet Maltin għall-kampijiet ta’ taħriġ tagħhom.

Dan huwa riżultat ta’ kollaborazzjoni bejn l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) u SLFC, kumpanija ibbażata fil-Ġermanja li tispeċjalizza f'dawn l-opportunitajiet u li ser tkun qed topera f'pajjiżna bl-isem ta’ Malta Football Camps ltd. Fost it-timijiet li ser iżuru pajjiżna fit-tliet xhur li ġejjin, hemm PSV Eindhoven, Legia Warsaw FC, FC Bate Borisov u FC Victoria Plzen. Dawn ser ikunu qed jużaw il-faċilitajiet tal-MFA f'Ta Qali u l-Hibernians Sport Complex f'Kordin. Minbarra kamp ta’ taħriġ, it-timijiet ser ikunu qed jilagħbu logħob ta’ ħbiberija, bl-ewwel waħda tkun dik fil-5 ta’ Jannar bejn PSV Eindhoven u Hibernians fil-Hibernians Stadium.

Iċ-Ċermen tal-Malta Tourism Authority, Gavin Gulia, spjega kif l-MTA ilha taħdem biex tattira turiżmu sportiv, speċjalmemt fix-xhur kajmana tax-xitwa, u qed tara li ttejjeb l-espożizzjoni li għandu pajjiżna f'dan il-qasam. Huwa aċċenna għall-Brand Ambassador għal Malta fis-suq Taljan, Javier Zanetti, u qal li l-irwol li għandu huwa f’dan l-ambitu. Huwa ħabbar li Zanetti ser ikun qed jorganizza kamp ta’ taħriġ ieħor f’pajjiżna bejn it-13 u l-15 ta’ Frar li ġej. 

Il-Kap Eżekuttiv tal-MTA Paul Bugeja semma li l-Awtorità tat-Turiżmu provdiet is-sostenn kollu għal dan il-proġett għaliex parti mill-istrateġija tagħha hi li tiffoka r-riżorsi biex jiżdied ix-xogħol fil-qasam turistiku, speċjalment fix-xhur tax-xitwa. Kien għalhekk li flimkien mal-Gvern, mas-settur privat, u ma’ diversi assoċjazzjonijiet sportivi oħra, ittieħdu diversi inizzjattivi sabiex jintlaħaq dan l-għan. Huwa spjega kif is-sena li għaddiet madwar 14,000 persuna żaru pajjiżna speċifikament biex jipparteċipaw f’avvenimenti sportivi, fosthom ir-Rolex Middle Sea Race, l-Imdina Grand Prix, il-Vodafone Malta Marathon, l-iXterra Malta Triathlon, u t-Tour ta’ Malta, fost oħrajn.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħazagħ u Sport Chris Agius saħaq li l-ħsieb tal-Gvern hu li jtejjeb il-faċilitajiet tal-Kumpless Sportiv tal-Marsa sabiex jilħaq aktar dixxiplini sportivi differenti, u biex jkun jista’ wkoll jilqa’ proġetti bħal dawn.

Il-konferenza kienet indirizzata wkoll minn Bjorn Vassallo, Segretarju ġenerali tal-MFA, Hannes Empl f'isem SLFC, u Warren Zahra f'isem Malta Training Camps.

More in Sports