Ir-Russja akkużata li qed tuża l-akbar impjant nukleari fl-Ewropa bħala bażi militari

Attakki viċin l-impjant nukleari ta' Zaporizhzhia wasslu biex  l-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika twissi dwar 'riskju serju ta' diżastru nukleari'

Is-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda António Guterres appella biex l-esperti internazzjonali jitħallew imorru jispezzjonaw l-impjant nukleari ta’ Zaporizhzhia fl-Ukrajna bil-għan li jkun assigurat li ma hemm l-ebda periklu.

Huwa saħaq li kwalunkwe attakk fuq dan l-impjant ikun wieħed “suwiċidali” u dan hekk kif l-Ukrajna u r-Russja qed iweħħlu f’xulxin għall-attakki li seħħew viċin dan l-istess impjant bejn is-Sibt u l-Ħadd.

Dan l-impjant nukleari huwa l-akbar wieħed fl-Ewropa u spiċċa f’idejn ir-Russi f’Marzu li għadda, anke jekk żamm l-impjegati kollha Ukreni.

Fil-fatt, il-Forzi Russi qed iżommu f’idhom dan l-impjant u anke ż-żoni tal-madwar anke jekk viċin hemm territorju li għadu f’idejn l-Ukreni.

L-attakki tal-aħħar jiem li seħħew viċin dan l-impjant wasslu biex l-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika twissi li attakk simili jista’ jwassal għal “riskju kbir ta’ diżastru nukleari.”

Intant, il-Kap ta’ Enehoatom, kumpanija tal-istat Ukren għall-enerġija nukleari, akkuża lir-Russi li biddlu dan l-impjant nukleari f’bażi militari biex jattakkaw it-territorji li għadhom f’idejn il-forzi Ukreni.

“Qed jużaw dan l-impjant bħala tarka kontra l-forzi Ukreni, għax ħadd mill-Ukrajna mhu se jkun lest jattakkah,” insista Petro Kotin. “Il-Forzi Ukreni jafu li hemm ħaddiema Ukreni u li dan huwa impjant Ukren u hemm ċittadini Ukreni fil-viċin u mhu se jagħmlu xejn biex joqtlu n-nies tagħna, il-ħaddiema jew ikissru l-infrastruttura tagħna stess.”

Qal li fl-impjant hemm madwar 500 suldat.

More in Barranin