Mart Yorgen Fenech tirċievi telefonata mill-mowbajl ta' żewġha meta dan jinsab ikkonfiskat

Id-Difiża qed tisħaq li l-fatt li l-akkużat ma għandux aċċess għall-informazzjoni meħuda mill-mowbajl tiegħu filwaqt li partijiet mill-istess informazzjoni spiċċat f'idejn il-midja qed jikser id-drittijiet tal-akkużat

Mart Yorgen Fenech, li qed ikun akkużat bħala l-mandant tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, qed tisħaq li nhar il-Ġimgħa li għadda, irċeviet telefonata mill-mowbajl ta' Yorgen Fenech u dan meta żewġha jinsab taħt arrest fil-ħabs u l-mowbajl ikkonfiskat u qed jinżamm mill-Europol.

Fil-Qorti, id-Difiża saħqet li għamlet rapport lill-Pulizija dwar dan. Marlene Fenech xehdet kif sabet missed call mill-mowbajl ta' żewġha, liema telefonata kienet seħħet għall-ħabta tas-2:30pm. Meta ppruvat iċċempel lura, il-mowbajl kien mitfi.

Apparti minn hekk, id-Difiża fakkret li l-akkużat ilu żmien jitlob li jingħata l-informazzjoni kollha li ttieħdet mill-mowbajl tiegħu minn meta kien qed jiġi interrogat.

L-Avukat ta' Fenech qed jisħqu li filwaqt li l-akkużat ma għandux aċċess għal din l-informazzjoni, fl-isess ħin, kontenut mill-istess mowbajl, spiċċa f'idejn il-midja.

Għalhekk id-Difiża qed tisħaq li taħt dawn iċ-ċirkostanzi, qed jinkisru d-drittijiet tal-akkużat.

L-Avukat Mercieca, li qed jidher għal Fenech, insista li dan kollu huwa ostaklu għall-ħidma tad-Difiża u li fi kliemu qed titpoġġa fi żvantaġġ.

Insista li l-akkużat se jkun qed jitlob li l-proċeduri sa issa jkunu ddikjarati nulli għax qed isiru bi ksur tad-drittijiet tiegħu.

Kien hawn li Mercieca talab lill-Qorti biex tirreferi dan il-każ quddiem il-Qorti Kostituzzjonali.

Aqra wkoll:

More in Politika