The legal framework for rape prosecution: A case-study from eighteenth-century Maltese court proceedings

'F’din it-taħdita, Vanessa Buhagiar se tistħarreġ kif il-kunċett ta’ stupru kien mifhum, ippreżentat u pproċessat fil-qrati ta’ Malta tas-seklu tmintax'

Wirt Għawdex se torganizza l-ħames taħdita fis-serje ta’ taħditiet għall-2025 nhar il-Ġimgħa 16 ta’ Mejju fis-6.30 p.m., fil-Kappella ta’ Santa Ċeċilja, f’Għajnsielem. It-taħdita, li se tingħata bl-Ingliż minn Vanessa Buhagiar, se tiffoka fuq prosekuzzjoni ta’ stupru f’Malta fis-seklu tmintax.  

Fl-aħħar snin, id-dibattitu pubbliku f’Malta ffoka fuq suġġetti bħad-drittijiet riproduttivi tan-nisa, il-miżoġinija istituzzjonalizzata, u mhux b’inqas, il-vjolenza kontra n-nisa. Dan id-dibattitu kkarga minħabba r-rappurtaġġ dejjem jikber tal-midja ta’ każijiet bħal dawk ta’ ‘femiċidju’, u wassal għal bidliet fil-livell leġiżlattiv, fosthom bl-introduzzjoni tal-‘femiċidju’ fil-kodiċi kriminali. Din il-bidla fid-diskors spiss ġiet akkumpanjata minn interess dejjem jikber fl-istorja tal-vjolenza kontra n-nisa f’Malta. Madankollu, ir-riċerka f’dan il-qasam s’issa kienet limitata, speċjalment fejn jidħol il-perjodu modern bikri f’Malta. F’din it-taħdita, Vanessa Buhagiar se tistħarreġ kif il-kunċett ta’ stupru kien mifhum, ippreżentat u pproċessat fil-qrati ta’ Malta tas-seklu tmintax, permezz ta’ analiżi tad-dokumentazzjoni ta’ bosta każijiet li nstemgħu fil-qrati u ġew irrappurtati f’Malta u Għawdex. Se jiġu esplorati wkoll l-esperjenzi, in-narrattivi, u x’kien jinftiehem bi ‘stupru’ fis-soċjetà tal-bidu tas-seklu tmintax.  

Vanessa Buhagiar hija l-Assistenta Direttriċi tal-Arkivju tar-Reġistri Notarili u s-Segretarja tal-Fondazzjoni tal-Arkivji Notarili. Hija mħarrġa bħala paleografa, u l-interessi tagħha fir-riċerka jinkludu l-istorja kulturali, Malta matul il-perjodu modern bikri, l-iskrizzjoni umanista u l-manifestazzjoni tagħha f’Malta. Fl-2020, gradwat b’Distinction minn King’s College f’Londra b’M.A. fl-Istorja Moderna Bikrija. Ilha mill-2025 taqdi l-irwol ta’ Segretarja f’Wirt Għawdex.  

Wara t-taħdita se jkun hemm ħin għal mistoqsijiet mill-udjenza u diskussjoni. Ħajr lill-APS Bank li qed jisponsorjaw is-sensiela ta’ taħditiet u lil Delicata Winery li jisponsorjaw ix-xorb ta’ wara t-taħdita. L-avveniment fuq Facebook jinsab hawn: www.facebook.com/events/1343225436910397/. Reġistrazzjoni b’xejn hija ssuġġerita permezz ta’ din il-ħolqa: https://docs.google.com/forms/d/e/1FAIpQLSds2e9r9zCB_MrqcsWv78J3k8vRpQku7DUtT9xlZOMMXqj3w/viewform?usp=dialog

Wirt Għawdex hija organizzazzjoni volontarja mhux governattiva mwaqqfa fl-1981 bl-għanijiet li jitrawwem l-għarfien tal-wirt tagħna fost il-livelli kollha tas-soċjetà u li taħdem biex tissalvagwardja l-patrimonju naturali, arkeoloġiku, storiku u antropoloġiku tal-gżejjer ta’ Għawdex u Kemmuna. 

More in Divertiment