It-twelid tal-Bambin fi stalla f’Betlehem… imfakkar kull sena fil-presepju Malti

X’jagħmel tipikament Malti, il-presepju tradizzjonali ta’ Malta....

Presepju Malti bil-pasturi tat-tafal
Presepju Malti bil-pasturi tat-tafal

Siġar imżejna, dwal u dekorazzjonijiet li jibdew jitfaċċaw sa mill-bidu ta’ Diċembru jfakkruna li wasal il-Milied. Iżda l-Milied tipiku Malti ma jkunx komplut mingħajr il-presepju tradizzjonali Malti, li għal ħafna dilettanti huwa forma ta’ arti, espressa fi proġetti ta’ kostruzzjoni li ġieli jibdew it-tħejjijiet għalihom sa mix-xhur tas-sajf. Il-presepju Malti, fis-sempliċità tiegħu, jirnexxielu joħloq l-ambjent natalizju, li saħansitra, bħalissa qed jitgawda anke f’waħda mill-iktar pjazez popolari u importanti madwar id-dinja, bis-simboli u elementi lokali.

L-ILLUM iltaqgħet ma’ Charles Bellia, is-Segretarju tal-Għaqda Ħbieb tal-Presepju, waqt il-wirja annwali li torganizza fil-Belt Valletta, u li tattira lejha mijiet ta’ Maltin u turisti. Bellia tkellem ma’ din il-gazzetta dwar l-oriġini tal-presepju f’Malta, u x’jagħmel tipikament Malti, il-presepju tradizzjonali ta’ Malta.

Charles Bellia - Segretarju tal-Għaqda Ħbieb tal-Presepju
Charles Bellia - Segretarju tal-Għaqda Ħbieb tal-Presepju

“Sfortunatement, Malta m’hawnx dokumentazzjoni uffiċjali dwar l-oriġini tal-presepji, iżda l-informazzjoni dwar dan ġiet mgħoddija bil-fomm minn ġenerazzjoni għall-oħra għal tul ta’ żmien,” beda jispjega Bellia.

Jingħad li fil-knisja tad-Dumnikani fir-Rabat, kien jintrama presepju sa mill-1617, avolja m’hemm imkien miktub x’tip ta’ presepju kien, jew b’liema tip ta’ materjal kien magħmul. Wisq probabbli, dan il-presepju kien wieħed ta’ stil Naplitan, li bħala struttura huwa bbażat fuq stil ta’ arkitettura u ambjent Ruman u jidher differenti mill-prespju tipiku li mdorrijin naraw aħna, hekk kif kellhu kolonni u binjiet Rumani.  F’dawk iż-żminijiet, in-nobbli Maltin kienu bdew jixtru dawn il-presepji preġjati u jiswew il-flus minn Napli. Il poplu komuni mid-dehra ma tantx kellu grazzja ma’ dawn il-presepji Naplitani, tant li jingħad li fiż-żmien, dawn ġew kollha meqrudin.

Id-dehra ta’ Betlehem inbidlet f’waħda tixbah aktar il-kampanja Maltija

Fl-1875, Benedetto Papale, patri Franġiskan minn Sqallija kien ġab presepju Sqalli miegħu li ntogħġob u ntlaqa’ aktar mill-Maltin minħabba s-sempliċità tiegħu u aktar minħabba l-fatt li l-presepju Sqalli għandu dehra aktar simili tal-kampanja u arkitettura Maltija, dehra li l-Maltin assoċjawha aktar magħhom.

Biż-żmien, il-Maltin riedu presepju Malti b’affarijiet tradizzjonali Maltin fih, li jirriflettu sew il-ħajja tagħhom. Fid-dawl ta’ dan, bdew jitfaċċaw l-ewwel imtieħen ta’ sitt paletti, tipiċi Maltin, fl-isfond tal-presepji u l-ambjent. B’hekk, l-ambjent u l-arkitettura ta’ Betlehem ma damux ma bdew jinbidlu f’pajsaġġ li jixbah wieħed Malti. Il-post tat-twelid ta’ Ġesù ħa l-forma ta’ għar tal-ġebel jixbaħ wieħed fix-xahri ta’ Malta, jew inkella stalla bħala parti minn razzett tipiku Malti, mibdi b’ġebla bħal tagħna u saħansitra mgħammar b’ħitan tas-sejjieħ u bir bil-ħorża. F’xi presepji, kont saħansitra ssib xi girna, li żgur hija xi ħaġa li ssib f’Malta u mhux f’Betlehem.

It-tradizzjoni tal-presepju Malti ma tillimitax ruħha għall-binja tal-villaġġ fejn twieled Ġesù biss, iżda anke fil-pasturi, hekk kif jeżistu pasturi li huma tipikament Maltin, u li huma magħmulin mit-tafal, u anke l-pasturi Maltin bdew jiġu magħmulin bi ħwejjeġ aktar simili tar-raħħala Maltin.

Charles Bellia qal li darba saħansitra anke pasturi bl-għonnella kien ra. Minbarra l-ħwejjeġ, ħafna pasturi Maltin jirrappreżentaw xi sengħa Maltija bħal dik tal-furnar, jew ta’ xi bennej jonġor ġebla u bidwi jaħrat l-għalqa b’moħriet miġbud minn bhima waħda biss. Pasturi oħrajn tipikament Maltin huma x xabbatur, l-għannejja u daqqaqa ta’ strumenti tradizzjonali Maltin.

Bellia saħaq li sfortunatament, m’hawx domanda biżżejjed biex il pasturi tat-tafal Maltin jibdew jiġu prodotti kummerċjalment u użati fil-presepji kollha fid-djar Maltin. “Illum, aktar minn 80% tal-pasturi huma impurtati mill-Italja jew minn Spanja u magħmulin minn plastik jew reżina,” jkompli jgħid Charles Bellia.

Wieħed minn numru ta' presepji li hemm eżebiti fil-wirja fil-Belt Valletta

Li l-luzzu jirrapreżenta l-immigranti kienet idea tal-Vatikan

Charles Bellia kien ukoll wieħed min-nies involuti fl-għażla tal-presepju li ttella’ fil-Vatikan. Għall-unur li jtellgħu presepju fi pjazza San Pietru, fil-Vatikan kien hemm erba’ kontestanti li minnhom intagħżel l-artist Għawdxi, Manwel Grech li qatta’ sena jaħdem fuq is-17-il pastur li bħalissa jinsabu Ruma. Fil-presepju Malti li hemm il-Vatikan, hemm elementi tipiċi Maltin bħall-mitħna u girna, kif ukoll il-preżenza ta’ purċissjoni ta’ San Ġorg Preca.

Mistoqsi dwar il-luzzu, Bellia qal li minkejja li ma jaqbilx mal-epoka, ġie aċċettat bħala element ieħor biex jagħmel il-prespju aktar Malti, hekk kif ix-xewqa tal- iskultur kienet li juri xi ħaġa folkloristika. L-idea li l-luzzu jirrappreżenta l-immigranti ma kinitx idea originali tal-iskultur, iżda tal-Vatikan, li ġiet aċċettata minn Grech u n-nies l-oħra li għamlu l-presepju miegħu.

L-Għaqda Ħbieb tal-Presepju, bħalissa qiegħda torganizza wirja ta’ presepji mill-isbaħ li mhux ta’ min wieħed jitlifha. Il-wirja qiegħda ssir fi Triq Melita, l-Belt Valletta, kantuniera ’l isfel mill-Knisja tal-Franġiskani u tkun miftuħa kuljum sal-31 ta’ Dicembru, mid-9:30 san-12:30 u mill-16:30 sas-19:00.

More in Divertiment