Gozo Pride 2025 tiftaħ b’“Bejn l-Imħabba u l-Ġlieda” — “Between Love and Struggle”
Wirja ta’ arti tiċċelebra l-vuċijiet queer Għawdxin u d-dijaspora LGBTIQ+ tal-Irlanda
Victoria, Għawdex — 5 ta’ Settembru 2025 — Bħala parti minn Gozo Pride 2025, LGBTIQ+ Gozo, f’kollaborazzjoni mal-Ambaxxata tal-Irlanda f’Malta, qed tippreżenta “Bejn l-Imħabba u l-Ġlieda” — “Between Love and Struggle” — wirja ta’ arti li tiċċelebra l-identitajiet queer, ir-reżiljenza, u s-solidarjetà. Il-wirja se titnieda uffiċjalment fil-5 ta’ Settembru fis-7:00 p.m., fil-preżenza ta’ Caroline Whelan, Ambaxxatriċi tal-Irlanda għal Malta.
Il-wirja tiġbor flimkien xogħlijiet ta’ disa’ parteċipanti — artisti queer u alleati li huma, jew minn Għawdex, jew marbuta mill-qrib mal-gżira. L-arti tagħhom tirrifletti, kemm il-ġlidiet, kif ukoll iċ-ċelebrazzjonijiet tal-komunità LGBTIQ+, u toffri djalogu viżiv enerġetiku dwar l-imħabba, l-identità, u l-ugwaljanza.
Il-wirja tinkludi wkoll xogħlijiet maħluqa waqt ‘Safe Spaces, Strong Voices: Art for Empowerment’, serje ta’ workshops għall-vittmi ta’ trawma organizzati minn LGBTIQ+ Gozo u ffinanzjati mill-Kummissjoni kontra l-Vjolenza bbażata fuq il-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, u mis-Segretarjat Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza permezz tal-programm ‘Together We Empower’.
Qed issir ukoll Out in the World, wirja li tivvjaġġa kkurata minn EPIC: The Irish Emigration Museum, f’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Affarijiet Barranin tal-Irlanda, u ppreżentata f’Għawdex mill-Ambaxxata tal-Irlanda f’Malta. Permezz ta’ sitt temi — esklużjoni, komunità, imħabba, defiżjoni, solidarjetà, u ritorn — il-wirja tenfasizza tnax-il storja emozzjonanti mid-dijaspora LGBTI+ tal-Irlanda, u tinkludi xogħlijiet mill-artist u disinjatur Irlandiż rebbieħ ta’ premji Richard Malone.
L-Ambaxxatriċi Whelan qalet: “Fl-2015, l-Irlanda saret l-ewwel pajjiż fid-dinja li llegalizza ż-żwieġ ugwali b’vot popolari, u għalhekk id-dritt ugwali għaż-żwieġ għall-persuni LGBTIQ+ issa jinsab imniżżel fil-Kostituzzjoni Irlandiża. Din il-wirja tgħid l-istejjer tal-membri tad-dijaspora LGBTIQ+ tal-Irlanda u jien ferħana li qed nara lilha hawn f’Għawdex flimkien mal-wirja ta’ arti b’temi ċentrali daqshekk pertinenti. Nittama li tagħti tama u kuraġġ lil min jaraha.”
“Din is-sena, Gozo Pride qed terġa’ lura għall-għeruq ta’ protesta ta’ Pride,” qalet LGBTIQ+ Gozo. “L-arti tfakkarna li d-drittijiet miksuba jistgħu jerġgħu jittieħdu lura, u li s-solidarjetà bejn il-fruntieri hija essenzjali. Aħna kburin li nħarsu l-vuċijiet Għawdxin flimkien mal-istejjer globali tad-dijaspora queer tal-Irlanda.”
