L-Għaqda Mużikali Sant’Elena tiċċelebra l-ewwel ċentinarju mit-twaqqif tagħha

Iċ-ċelebrazzjonijiet jibdew għada bi programm mużikali fl-okkażjoni tal-Epifanija ġewwa l-Kolleġġata Bażilika ta’ Sant’Elena

Matul din is-sena, l-Għaqda Muzikali Sant’Elena ta’ Birkirkara se tkun qed tiċċelebra l-ewwel ċentinarju mit-twaqqif tagħha u għal dan il-għan qed tħejji programm speċjali ta’ attivitajiet sabiex jitfakkar dan l-anniversarju.

Proprju għada s-Sibt 5 ta’ Jannar, din is-soċjetà ser tkun qed tiftaħ uffiċjalment dawn l-attivitajiet bi programm mużikali fl-okkażjoni tal-Epifanija ġewwa l-Kolleġġata Bażilika ta’ Sant’Elena f’Birkirkara stess taħt il-patronċinju Prepostu Arċipriet Monsinjur Paul Carmel Vella.

il-Banda Sant’Elena se tkun qed tesegwixxi diversi siltiet mużikali sagri u oħrajn bit-tema tal-Milied, xogħlijiet minn kompożituri bħal GF Handel, Morricone u Puccini.

Dan il-kunċert ser jara s-sehem ukoll tal-kantanta żagħżugħa Kristy Spiteri fejn bil-vuċi stupenda tagħha ser tkun qed takkumpanja lill-Banda Sant’Elena b’żewġ siltiet mużikali.

Wieħed mill-bandisti tal-post ta' din il-Banda, Alan Saliba, din is-sena ser ikun qed jiċċelebra l-10 sena tiegħu bħala bandist mal-Banda Sant'Elena. Għaldaqstant, f'dan l-istess kunċert huwa ser ikun qed jesegwixxi solo tas-silta 'Nella Fantasia' mill-film 'The Mission' li ħareġ fl-1986.

F’dan il-kunċert, ser tiżżanżan innu li jfakkar dan iċ-ċentinarju, miktub mis-Surmast Direttur Mro Joe Vella.

Dan il-Kunċert ser ikun qed jittella’ mill-Għaqda Mużikali Sant’Elena b’kollaborazzjoni sħiħa mal-Wisq Reverendissmu Kapitlu Elenjan, filwaqt li s-serata ser tkun preżentata minn Aaron Zahra.

More in Arti