Filmat | Kif se taħdem l-iskema tad-dħul b'xejn fis-siti tal-Heritage?

Kif tħabbar fil-Baġit, l-istudenti ma' żewġ adulti jistgħu jidħlu b'xejn fis-siti ta' Heritage Malta

Kif imħabbar fil-Baġit, l-istudenti kollha li jattendu l-iskejjel primarji u sekondarji kollha se jibda jkollhom l-opportunità, flimkien ma’ żewġ adulti, li jżuru l-mużewijiet u siti storiċi ta’ Heritage Malta b’xejn.

Fil-ġimgħat li ġejjin, l-istudenti se jingħataw il-card mill-iskola rispettiva u waqt l-ewwel żjara tagħhom, se jingħataw ukoll passaport.

Kif tħabbar ukoll, għal kull żjara, l-istudent jista’ jagħżel żewġ adulti biex jakkumpanjawh li wkoll jidħlu b’xejn.

U kif se taħdem din is-sistema?

Waqt kull żjara, l-istudenti se jibda jingħatalhom timbru fuq il-passaport.

Għaxar timbri, jintitolaw lill-istudent għal ħruġ ta’ visa li permezz tagħha jkun jista’ jżur sit li normalment ikun magħluq għall-pubbliku.

Għaxar timbri addizjonali, jintitolaw lill-istudent għal ħruġ ta’ visa oħra, li jintitolaw lill-istudent biex iżur żewġ siti li normalment ma jinfetħux għaż-żjajar.

L-istudent li jgħaqqad 27 timbru, se jingħata visa speċjali biex flimkien ma’ adult ieħor ikun jista’ jżur l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni jew inkella rigal esklussiv.

 It-tnedija ta’ dan il-passaport speċjali saret fiċ-Ċentru għal Viżitaturi tat-Tempji ta’ Ħaġar Qim mill-Ministri Evarist Bartolo u Owen Bonnici kif ukoll minn Mario Cutajar, id-Direttur Eżekuttiv ta’ Heritage Malta.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo saħaq kif l-edukazzjoni tmur lil hinn mill-konfini tal-iskola u għaldaqstant il-passaport ta’ Heritage Malta se jkompli jeduka l-istudenti fuq l-importanza li nkunu nafu u nifhmu minn fejn ġiet l-identità tagħna.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici fisser kif dan il-passaport speċjali se jkun qed jippromwovi settur aktar inklużiv, fejn l-adulti permezz tat-tfal, ukoll se jkunu qed ikabbru l-għarfien tal-wirt kulturali tagħhom.

Mario Cutajar, id-Direttur Eżekuttiv, ħeġġeġ lill-istudenti biex jixprunaw kemm jistgħu mill-esperjenzi li se jiksbu miż-żjarat tagħhom

Fisser kif is-sena d-dieħla se tkun esperjenza impenjattiva għal Heritage Malta. Dan għaliex din se tkun qed testendi l-legat ta’ Valletta 2018 permezz, fosthom, tal-ftuħ tat-tunnels ta’ taħt il-Belt Valletta u se jsir xogħol fuq mużewijiet oħra fil-Belt Valletta.

More in Arti