Cindy Crawford fil-glorja tagħha
L-attriċi ta' 48 sena tippoża għall-magażin Marie Claire
Kulħadd jaf li r-ritratti ta' ċelebritajiet li naraw fil-magażins ikollhom daqsxejn xogħol ta' editjar fuqhom biex jidhru perfetti u mingħajr żbalji. Min forsi jneħħulu xi ponta bil-Photoshop, jew iraqqulu idejh, jew inkella jidrittaw xi tikmixa. Huwa għalhekk li hi xi ħaġa rari jekk mhux impossibli li naraw xi ċelebrita kif verament hi.
Però, dan ma kienx il-każ għal Cindy Crawford. L-attriċi ta' 48, li kienet qed tippoża għal magażin Marie Claire f'Diċembru li għaddha, ma ddejqitx turi t-tikmix u 'd-difetti' li għandha. Għalkemm dawn ir-ritratti ma ġewx ippublikati fil-magażin stess, ħarġu b'xi mod.
F'kummenti, l-magażin Marie Claire qalu li kulħadd kien jaf li Cindy Crawford hi mara sabiħa, imma dawn ir-ritratti jġiegħluna nħobbuha aktar. "Dan ir-ritratt juri l-verità, kemm hi reali u sabiħa."