Skema ta' passaġġ irħas għal Għawdex tagħti l-frott mixtieq

2,800 passiġġier u 852 vettura aktar mis-sena l-oħra qasmu l-fliegu matul Novembru u Diċembru biss...Żieda ta' madwar 40% mis-sena ta' qabel

 

L-ILLUM tista’ tiżvela kif fl-aħħar xahrejn ta’ din is-sena kien hemm qabżiet kbar ħafna fin-numru ta’ passiġġieri u vetturi li qasmu l-fliegu permezz tal-Gozo Channel. Fil-fatt, matul ix-xahar ta’ Novembru u Diċembru kien hemm żieda qawwija ta’ 2,800 passiġġier u 852 vettura, li huma ekwivalenti għal żieda ta’ 36% u 40% rispettivament. 

L-ILLUM qed tiżvela dawn iż-żidiet qawwijin hekk kif skema mħabbra mill-Ministru għal Għawdex Anton Refalo, li permezz tagħha kien hemm roħs qawwi fin-noll tal-Maltin li jitilgħu Għawdex, ġiet fi tmiemha lbieraħ.  Permezz ta’ din l-iskema, il-prezz ta’ kull passiġġier Malti li jitla’ Għawdex nhar ta’ Sibt niżel għal €1.20 minn €4.65, filwaqt li l-prezz tal-vettura niżel għal €8.20 mill-prezz normali ta’ €15.70.   

Skont ċifri li għandha f’idejha din il-gazzetta, l-aktar tmiem il-ġimgħa b’saħħtu kien l-ewwel wieħed ta’ Novembru meta użaw il-vapur 2,361 passiġġier, li fissret żieda ta’ 1,163 fuq l-istess perjodu fis-sena 2014. Dan jimmarka żieda qawwija ħafna ta’ 97%, jew prattikament l-irduppjar fin-numru ta’ passiġġieri li użaw il-Gozo Channel. Bejn is-7 u t-8 ta’ Novembru qasmu l-fliegu 630 vettura, li tfisser żieda qawwija oħra ta 118%.

Żidiet qawwijin kienu wkoll irreġistrati fit-tmiem il-ġimgħa ta’ bejn il-5 u s-6 ta’ Diċembru meta kienet irreġistrata żieda ta’ 42.7% fin-numru ta’ passiġġieri u 56.4% fin-numru ta’ vetturi. Dan kien ifisser żieda ta’ 544 passiġġier u 189 vettura. Żidiet oħrajn kienu rreġistrati fi tmiem il-ġimgħa tat-12 u 13 ta’ Novembru fejn iċ-ċifri li għandha f’idejha l-ILLUM juru żieda ta’ 670 fin-numru ta’ passiġġieri, jew 35%, u żieda ta’ 151 vettura li tammonta għal 29%.

Jidher li kien hemm żidiet ukoll fi tmiem il-ġimgħa ta’ bejn it-12 u 13 ta’ Diċembru meta qasmu l-fliegu 2,294 passiġġier b’747 vettura li jimmarka żidiet ta’ 18.2% u 43.4% rispettivament. L-unika tmiem il-ġimgħa fejn ma kinitx irreġistrata xi żieda kbira kien dak ta’ bejn it-28 u 29 ta’ Novembru fejn il-passiġġieri żdiedu b’6% u n-numru ta’ vetturi naqsu b’14.6%. Dan it-tnaqqis kien attribwit l-aktar minħabba temp ħażin u vjaġġi kkanċellati.

Iż-żidiet jiġu wkoll fid-dawl tal-fatt li l-Gozo Channel reġa’ għamel qliegħ wara snin. Fil-fatt il-kumpanija reġgħet għamlet qliegħ ta’ €900,000 wara li fl-aħħar snin ta’ Gvern Nazzjonalista kienet qed tirreġistra telf ta’ €1.6 miljun.

 

More in G?awdex