Il-viżitazzjoni tagħmel l-festa fir-raħal pittoresk tal-Għarb unika

L-unika knisja medjevali fil-gżejjer Maltin u l-uniku festa li ssir l-infjorita

Għarb, kelma semitika li tfisser Punent, raħal Għawdxi qadim, mimli tradizzjonijiet u kultura. Għandu karattru sabiħ u akkoljenti li jinsab fil-Punent tal-gżira ta' Għawdex.

Ir-raħal tal-Għarb sar parroċċa fl-1679 u l-bini tal-knisja l-ġdida ttella’ bejn l-1699 u 1729. Il-knisja Parrokkjali hija waħda mill-knejjes l-aktar arketittoniċi barrokk perfetta fil-gżejjer Maltin, tixbah ħafna lill-knisja ta' Sant'Agnese Francesco Borromini ta' Agone fil-Pjazza Navona f'Ruma.

Il-Pjazza tal-Għarb hija waħda mill-isbaħ attrazzjonijiet u fil-fatt tinsab f’kartolini ewlenin li juru l-gżejjer Maltin. F’din il-pjazza hemm ukoll Mużew tal-Folklor affaxxinanti li jkun fih kull xorta ta’ memorji relatati max-xogħol f'diversi oqsma.

Fil-periferija tar-raħal, insibu s-Santwarju tal-Madonna Ta' Pinu, li nbena bejn l-1920 u l-1931. Dan huwa santwarju internazzjonali li jżuruh eluf ta’ pellegrini.

L-Għarb hu post ta' sbuħija naturali speċjalment iż-żona madwar il-kappella antika ta' San Dimitri u Wied il-Mielaħ. F’dan il-wied tinsab tieqa fil-blat bħal dik fiż-żona tad-Dwejra li saret b’mod naturali kif ukoll żona ta’ rikreazzjoni għall-familja li ġiet ikkreata wara li l-Kunsill b’tant ħidma wettaq xogħol ta’ riabilitazzjoni tal-wied permezz ta’ fondi Ewropej.

Il-festa liturġika ta’ dan ir-raħal tiġi ċċelebrata fil-31 Mejju ta' kull sena iżda l-festi esterni jinżammu fl-ewwel weekend ta' Lulju. Attrazzjoni unika fil-gżejjer Maltin waqt il-festi esterni tal-Għarb hija l-kreazzjoni tal-"Infiorata". Din tikkonsisti f’tapit magħmul minn fjuri friski u weraq li meta jiġu mqattgħin f'biċċiet żgħar jitpoġġew fuq dan it-tapit u jiffurmaw disinn tematiku. Din hija inizjattiva li jieħu l-Kunsill Lokali l-Għarb bil-parteċipazzjoni ta' ħafna voluntiera flimkien mal-parroċċa. Din l-inizjattiva ttieħdet wara l-iffirmar ta' ftehim ta' ġemellaġġ mar-raħal ta' Gerano (Provinċja ta' Ruma, l-Italja) fl-2002. Din hija l-erbatax-il sena konsekuttiva li qed tittella’ u għal din is-sena t-temi huma għas-sena dedikata lill-ħajja kkonsagrata, l-Emblema tal-Arcisqof il-ġdid ta’ Malta, 150 sena ta’ Djoċesi ta’ Għawdex. L-"Infiorata” titqiegħed fuq iz-zuntier fil-pjazza ewlenija biex il-purċissjoni flimkien mal-kleru jgħaddu minn fuq dan it-tapit speċjali. Wara li tgħaddi l-purċissjoni minn fuq dan it-tapit ħalli għat-tfal żgħar flimkien mal-adulti jiddevertu jilagħbu bil-fjuri u anke jiġbruhom.

Għalkemm ħafna nies jaħsbu fir-raħal tal-Għarb bħala villaġġ żgħir mingħajr ebda riżorsi, il-fatti jitkellmu b'mod ċar, l-Għarb hu rikk fil-kultura, l-ambjent u l-aspetti folkloristici, u huwa għal din ir-raġuni li hemm numru kbir ta' barranin u Maltin li jgħixu fil-paċi f’dan ir-raħal sabiħ.

Tkellimna mas-sindku David Apap dwar il-festa tar-raħal u xi tfisser għas-sindku, “Il-festa hi ċelebrazzjoni kbira għar-raħal u jien mhux biss bħala sindku imma bħala wild ta’ dan ir-raħal hi ġurnata partikolari għalija fejn infakkru l-għeżież patruni tagħna li aħna devoti ħafna lejhom. Apparti dan din hi okkażjoni li kulħadd jingħaqad ma’ xulxin fil-pjazza tar-raħal, sew residenti, dawk li jżuruna u emigrant li jiġu jżuruna għal festa. Inħoss li dan hu mezz ta’ kif il-volontarjat jispikka ħidmietu u l-għaqda.”

David Apap qal li bħala sindku u kunsill ikollhom diversi impenji biex il-festa tkun tista’ tittella bħalma huma l-ħruġ ta’ permessi, l-għeluq tat-toroq, indafa qabel u wara l-festa u manutenzjoni ħalli r-raħal ikun fi stat tajjeb u fl-istess waqt ir-residenti ma jintlaqtux minn xi inkonvenjenti żejda. “Apparti dan ir-raħal tagħna fuq inizjattiva tal-Kunsill wara ffirmar ta’ ġemellaġġ ma’ Gerano (Ruma), ilna għal dawn l-aħħar 14-il sena ntellgħu l-infjorata li hi attrazzjoni unika u ta’ impenn kbir li anke l-ispiża tiegħu għal kunsill hi waħda sostanzjali. Iżda wara tant ħidma kontinwa matul is-sena minn kull għaqda tar-raħal u bl-għajnuna ta’ kull resident inkun sodisfatt ferm meta kollox imur kif mixtieq u ma jweġġa’ ħadd.”

More in G?awdex