Minn Lourdes għal Stella Maris: Il-vjaġġ li ta l-ħajja lil grotta mibnija mill-istudenti
Dak li beda bħala vjaġġ f’Lourdes issa sar simbolu permanenti ta’ fidi fi Stella Maris College. Wara li ġabu magħhom statwa tal-Madonna ta’ Lourdes, membri tal-grupp Young Lasallians bnew grotta bl-inizjattiva tagħhom stess – proġett li jirrifletti l-valuri Lasalljani ta’ servizz, ħbiberija u impenn lejn il-komunità
minn Jaelle Borg
Dik li llum tidher bħala grotta sempliċi f’waħda mill-kmamar ta’ Stella Maris College għanda warajha storja ta’ fidi, ħbiberija u impenn. Il-proġett twieled wara vjaġġ f’Lourdes f’Settembru li għadda, iżda l-għeruq tal-grupp innifsu jmorru lura ftit snin, meta grupp żgħir ta’ studenti ddeċieda li jagħti ħajtu lill-valuri Lasalljani anke lil hinn mill-ħin tal-iskola.
Il-grupp Young Lasallian beda ftit wara l-pandemija tal-COVID-19 meta tliet studenti offrew li jgħinu fil-bini ta’ statwa ta’ San Ġwann Battista de La Salle, il-fundatur tal-Fratelli Lasalljani. Minn dak il-mument ’il quddiem, aktar studenti bdew jingħaqdu mal-inizjattiva, li llum tlaħħaq madwar 20 membru.
“Għalkemm ħafna jassoċjawna mal-bini tal-istatwi, il-missjoni tagħna mhijiex dik,” jgħid l-għalliem tar-reliġjon Antoine Hili. “L-għan ewlieni huwa l-aspett pastorali – li permezz ta’ dawn il-proġetti ngħinu lill-istudenti jifhmu u jgħixu l-fidi Nisranija tagħhom.”
Vjaġġ li ħalla l-frott
Is-sena li għaddiet grupp ta’ studenti, flimkien ma’ għalliema u saċerdot, żar Lourdes. Kien vjaġġ li, skont Hili, ma kienx biss mument ta’ talb iżda wkoll esperjenza li għaqqdet lill-parteċipanti.
“Konna nqattgħu l-iljieli nitolbu flimkien quddiem il-Grotta ta’ Lourdes u wara naqsmu l-esperjenzi u l-ħsibijiet tagħna. Sirna kważi bħal aħwa,” jgħid.
Matul il-vjaġġ xtraw statwa tal-Madonna ta’ Lourdes li ġiet imbierka fil-grotta stess. Malli waslu lura Malta, kienu proprju l-istudenti li ma kinux marru Lourdes li ssuġġerew li tinbena grotta biex tilqa’ l-istatwa.
“Ma kinitx idea tal-għalliema. Kienu l-istudenti li ħarġu biha u ħadmu fuqha huma stess,” jgħid Hili.
Aktar minn proġetti
L-għalliema Fiona Zammit Gauci tispjega li kull inizjattiva tal-grupp għandha skop ferm akbar mill-proġett innifsu.
“Hawnhekk mhux biss qed nibnu xi ħaġa b’idejna, iżda qed nibnu wkoll il-valuri tal-istudenti,” tgħid.
Skontha, il-parteċipazzjoni fil-grupp tgħin biex l-istudenti jiżviluppaw sens ta’ responsabbiltà, teamwork, ġenerożità u komunità.
“Huma jitgħallmu jaqsmu, jgħinu lil xulxin u jieħdu responsabbiltà vera. Dawn huma l-valuri Lasalljani li rridu narawhom jgħixu kuljum.”
Il-grotta mhijiex l-uniku proġett li wettaq il-grupp. Matul is-snin ħadmu wkoll fuq statwa ta’ San Ġwann Battista de La Salle, statwa tad-Duluri u kurċifiss ta’ daqs ‘life size’. Dawn jintużaw ukoll waqt purċissjonijiet u attivitajiet organizzati mill-istudenti stess, li jieħdu ħsieb kollox – mill-organizzazzjoni sal-ġbir ta’ fondi.
Skola li ssir familja
Għall-persuna responsabbli miċ-Chaplaincy, David Portelli, il-veru suċċess tal-grupp ma jitkejjilx bin-numru ta’ proġetti li jwettaq.
“L-iktar ħaġa sabiħa hija li tinħoloq familja bejn l-istudenti,” jgħid.
Peress li ħafna mill-attivitajiet isiru barra l-ħin tal-iskola, kemm l-edukaturi kif ukoll l-istudenti jkollhom l-opportunità jsiru jafu lil xulxin aħjar.
“Dawn huma l-mumenti li jibnu relazzjonijiet u jagħmlu l-iskola post fejn l-istudenti jħossuhom milqugħa.”
Portelli jgħid li l-aktar mumenti li jibqgħu miegħu mhumiex neċessarjament il-vjaġġi barra minn Malta, iżda dawk meta student li kien qed isibha diffiċli biex jintegra jirnexxilu jsib postu fil-grupp u jibni ħbiberiji ġodda.
“Mhijiex biss grotta”
Għall-istudenti stess, il-proġetti għandhom tifsira personali.
“Inħossni kburi li nagħmel parti minn dan il-grupp għax huwa grupp sabiħ b’ħafna nies,” jgħid Zachary Aquilina, li jiftakar bi tbissima purċissjoni fl-iskola meta l-istatwa ta’ San Publiju waqgħet u spiċċa biex tfarrak l-iljun ta’ mal-istatwa.
Min-naħa tiegħu, Jacob Caruana Duca jgħid li l-proġett li jibqa’ l-aktar għal qalbu huwa proprju l-grotta.
“Għalija l-grotta hija l-isbaħ proġett għax għandha raġuni warajha u mhijiex biss proġett.”
U forsi proprju f’dak il-kliem hemm is-sinifikat kollu tal-inizjattiva. Għall-istudenti ta’ Stella Maris, il-grotta mhijiex sempliċement kostruzzjoni jew dekorazzjoni fl-iskola. Hija tifkira ta’ esperjenza li għaqqdithom, simbolu tal-fidi li jridu jgħixu kuljum u prova li, meta jingħataw spazju u fiduċja, iż-żgħażagħ jistgħu jibnu ħafna aktar minn ġebel – jistgħu jibnu komunità.
