Missjoni Artemis II titnieda b’suċċess hekk kif astronawti jibdew testijiet kruċjali fl-orbita

Il-missjoni Artemis II tniedet b’suċċess u tinsab fl-orbita tad-Dinja, fejn l-astronawti qed iwettqu testijiet kruċjali qabel tittieħed deċiżjoni dwar il-vjaġġ lejn il-qamar, f’dik li hija l-ewwel missjoni b’ekwipaġġ lil hinn mill-orbita baxxa f’aktar minn 50 sena 

Il-missjoni Artemis II tan-NASA tniediet b’suċċess fl-1 ta’ April minn Kennedy Space Center, bil-vapur spazjali issa jinsab fl-orbita tad-Dinja waqt li l-ekwipaġġ qed iwettaq testijiet kruċjali qabel ma jkompli lejn il-qamar. 

Il-kapsula Orion, li qed iġġorr erba’ astronawti, se tibqa’ fl-orbita għal 24 siegħa sabiex isiru sensiela ta’ verifiki fuq is-sistemi. Jekk dawn jgħaddu b’suċċess, il-missjoni tingħata l-approvazzjoni biex tibda l-vjaġġ tagħha madwar il-qamar. 

Din hija l-ewwel missjoni b’ekwipaġġ tal-programm Artemis u l-ewwel darba li l-bnedmin qed jivvjaġġaw lil hinn mill-orbita baxxa tad-Dinja f’aktar minn 50 sena. 

Matul il-fażi inizjali, l-astronawti Reid Wiseman, Victor Glover u Christina Koch, flimkien mal-astronawt Kanadiż Jeremy Hansen, qed jevalwaw sistemi essenzjali fosthom dawk tal-ħajja abbord, navigazzjoni u komunikazzjoni, kif ukoll il-prestazzjoni ġenerali tal-kapsula Orion u r-rokit Space Launch System. 

Id-dejta miġbura se tintuża mill-inġiniera tan-NASA biex jiddeċiedu jekk il-vapur huwiex lest jitlaq mill-orbita tad-Dinja u jibda t-trajettorja tiegħu lejn il-qamar. 

Jekk il-missjoni tkompli kif ippjanat, Artemis II se twassal lill-ekwipaġġ fuq vjaġġ ta’ g]axart ijiem li jinkludi flyby tal-qamar qabel ir-ritorn lejn id-Dinja. Din hija missjoni ta’ prova u mhux se tinkludi nżul fuq il-wiċċ tal-qamar, iżda għandha l-għan li tivvaluta l-prestazzjoni tal-vapur fl-ispazju fond. 

Hija wkoll l-ewwel darba li astronawti qed jaslu daqshekk ’il bogħod mill-ispazju mill-programm Apollo programme li spiċċa fl-1972. 

L-ekwipaġġ ta’ Artemis II jirrifletti era ġdida fl-esplorazzjoni spazjali: Christina Koch hija l-ewwel mara assenjata għal missjoni lil hinn mill-orbita baxxa, Victor Glover huwa l-ewwel persuna ta’ karnaġġjon skur f’din it-tip ta’ missjoni, filwaqt li Jeremy Hansen se jkun l-ewwel astronawt mhux Amerikan li jivvjaġġa fl-ispazju fond. 

Skont in-NASA, il-programm Artemis għandu l-għan li jistabbilixxi preżenza umana sostenibbli fuq il-qamar u jużaha bħala pass lejn missjonijiet futuri lejn Mars. 

More in Socjali