Il-films Amerikani jonqsu mis-sustanza filwaqt li films internazzjonali jiddominaw id-dinja tal-films

 

Il-gazzetta ILLUM titkellem mal-kittieb Teo Reljic fuq id-dinja tal-films tal-2026

Teo Reljic, awtur u kittieb ta’ skripts għall-films, tkellem ma’ din il-gazzetta fuq il-modi prevalenti fid-dinja tal-films. 

Hu beda billi indirizza li numru kbir mill-films ġodda f’din is-sena jagħmlu parti minn antoloġija, mhux films bi storja ġdida imma waħda li tkompli ma’ film li diġà ħareġ. Hu spjega li din il-moda bdiet bis-saħħa tal-films tas-supereroj li meta l-kumpaniji rispettivi tal-films indunaw kemm kienu suċċess dawn, komplew joħorġu adattamenti wara l-oħra tas-supereroj magħrufa u maħbubin mas-segwaċi.  

Reljic qal li dan ma jfissirx li neċessarjament hemm nuqqas ta’ kreattività min-naħa ta’ min jagħmel il-films, imma turi l-attitudnijiet li għandhom dawn l-istudjows tal-films, partikolarment dawk Amerikani, li m’għadhomx jieħdu riskji b’films ta’ stejjer ġodda minħabba raġunijiet li għandhom x’jaqsmu mas-sezzjoni korporattiva tal-istudio. 

Lil hinn mid-dinja ta’ Hollywood u l-films iddedikati għal udjenzi li jitkellmu l-Ingliż, hu nnota li kien hemm numru ta’ films internazzjonali konsiderevoli li kienu maħbubin minn udjenzi ikbar bħal ‘Sentimental Value’ (min-Norveġja) u The Secret Agent (mill-Brażil). Numru minn dawn il-films ġew nominati għal numru ta’ premjijiet inkluż l-Oscar għas-sena 2025 f’kategoriji mainstream, voldieri mhux il-kategorija riservata għall-films barranin, xi ħaġa li turi kemm verament dawn il-films kienu films ta’ kwalità b’udjenza kbira. 

Il-kittieb tkellem fuq kumment li kien għamel direttur mill-kumpanija Netflix fejn qal li l-istejjer tal-films saru jkunu iżjed sempliċi għar-raġuni li numru kbir ta’ segwaċi ta’ films ikunu fuq il-mowbajl waqt li jaraw il-film fuq wara.  

“Li nista’ ngħid hu li għalija din hija rappreżentazzjoni ħażina ta’ x’għandhom ikunu l-films, it-televiżjoni u rakkont ta’ stejjer b’mod ġenerali, u verament nispera li dan il-ħsieb ma jasalx fil-films li joħorġu b’għan teatrali.” 

Hu qal li mhux hu biss induna b’dan it-tibdil fil-mod ta’ kif l-istejjer fil-films qed jiġu rrakkontati, b’numru ta’ ċajt li qed isiru fuq is-suġġett. Reljic spjega kif din tirrifleti n-nuqqas ta’ kontribuzzjoni t’esperti kreattivi f’din id-deċiżjoni hekk kif din il-ħaġa tikkontradixxi l-għan u l-funzjoni tal-arti. 

Fl-istess ħin, waqt li l-istorja qed tiddgħajjef, il-ħin tal-films qed jibqa’ jiġġebbed b’ċerti films anke jaqbżu t-tliet sigħat. Hu qal kif ċerti films iservu funzjonijiet iżjed simili ta’ serje tat-televiżjoni milli film bl-ammont ta’ kontenut li jkun fiha l-istorja. “B’ħafna modi, din hija prodott tat-tendenza kapitalistika ta’ Hollywood li taqbad ma’ kwalitajiet ta’ prodott ta’ kwalità għolja u tipprova terġa’ tirriproduċih mingħajr essenza jew sustanza,” hu qal. 

Reljic ħa l-eżempju tat-triloġija rinomata ta’ The Lord of the Rings li kienu films twal imma s-sustanza tax-xogħol kien tajjeb biżżejjed sabiex jiġġustifika dan it-tul. Fuq it-tema tal-film The Lord of The Rings, hu tkellem fuq il-moda ta’ produzzjonijiet tal-ġeneru tal-fantaxjenza. Hu qal li l-ġeneri bħall-fantaxjenza, fantasija u tal-biża’ ilhom popolari miż-żmien li beda ċ-ċinema b’referenza għall-film Nosferatu li ħareġ fl-1922. Hekk kif dawn il-ġeneri minn dejjem kienu popolari, iż-żieda għal darb’oħra fil-popolarità ta’ dawn il-films mhux se jaffettwaw produzzjonijiet żgħar, imma hemm affarijiet oħra li jaffettwaw produzzjonijiet żgħar inkluż strutturi ta’ fondi aċċessibbli imma b’ammonti żgħar, kif ukoll il-bżonn li tinħoloq kultura ġdida bix-xogħol tagħhom bi stejjer lokali u ġenwini. 

Fl-aħħar, Reljic tkellem fuq il-fenomenu tas-serje li saru iżjed popolari man-nies mill-films. Huwa attribwixxa din iż-żieda fil-popolarità għall-fatt li l-udjenza tista’ tara serje meta trid, kif trid u twaqqfu meta trid biex tkomplih kif ukoll il-fatt li s-serje joffru element ta’ kontinwità b’dinja li tkompli episodju wara ieħor filwaqt li meta tlesti film u tibda ieħor ikollok bżonn terġa’ tidħol f’dinja differenti għalkollox. 

More in Socjali