L-Assoċjazzjoni tal-Isport Akwatiku tiċħad illi għaddejjin investigazzjonijiet kontra t-tim nazzjonali tal-waterpolo

Dan intqal fi stqarrija wara li dehru rapporti fuq il-midja lokali rigward allegat match-fixing mill-plejers tat-tim nazzjonali ta’ Malta 

 

Ritratt:Aquatic Sports Association of Malta
Ritratt:Aquatic Sports Association of Malta

L-Assoċjazzjoni tal-Isport Akwatiku ta’ Malta (ASA) ċaħdet illi rċeviet xi rapport uffiċjali jew ilment formali rigward allegat match-fixing illi jinvolvi membri tat-tim nazzjonali tal-waterpolo waqt il-Kampjonati Ewropej illi għaddejjin bħalissa.

Fi stqarrija, il-President tal-ASA qal illi, sal-lum, l-assoċjazzjoni għadha ma ġietx notifikata formalment dwar xi investigazzjoni jew allegat għemil ħażin konness mal-kampjonat.

"Niddikjara kategorikament illi l-ebda rapport uffiċjali, ilment, jew notifika formali rigward dawn l-allegati inċidenti ma ġiet ippreżentata lill-ASA," qalet l-istqarrija, filwaqt illi affermat mill-ġdid l-impenn tal-assoċjazzjoni għall-integrità, it-trasparenza, u l-logħob ġust.

Ir-reazzjoni tal-ASA ssegwi allegazzjonijiet li numru ta’ plejers tat-tim nazzjonali ta’ Malta qegħdin jiġu investigati talli allegatament għamlu mħatri fuq il-logħbiet tagħhom stess waqt il-Kampjonati Ewropej, illi bħalissa qed isiru f’Belgrad, is-Serbja. 

Rapporti qalu li madwar erba’ plejers huma suspettati li għamlu mħatri fuq id-differenza tal-gowls tal-ewwel logħba ta’ Malta kontra l-Montenegro nhar is-Sibt li għadda.

Sorsi allegaw illi l-plejers setgħu ppruvaw jimmanipulaw ir-riżultat tal-logħba sabiex jiżguraw li l-punteġġ finali jkun allineatt mal-imħatri tagħhom. Malta tilfet il-logħba mal-Montenegro 21-12. Fil-preżent, il-logħba bejn Malta u l-Montenegro hija l-unika partita li qed tiġi investigata, għalkemm ġie ssuġġerit li l-logħba sussegwenti ta’ Malta kontra Franza tista’ wkoll tiġi skrutinizzata jekk toħroġ aktar informazzjoni.

Fid-dikjarazzjoni tagħha, l-ASA enfasizzat li l-allegazzjonijiet jibqgħu mhux issostanzjati sakemm ma jiġux ippreżentati provi permezz ta’ proċess dovut mill-awtoritajiet kompetenti, u ħeġġet għal moderazzjoni u kawtela fil-kummentarju u fir-rappurtaġġ pubbliku.

"Filwaqt li nieħdu kwalunkwe allegazzjoni ta’ din in-natura bis-serjetà, huwa imperattiv li nenfasizzaw li l-allegazzjonijiet jibqgħu allegazzjonijiet sakemm ma jiġux stabbiliti permezz ta’ proċess dovut," qalet id-dikjarazzjoni. 

L-assoċjazzjoni żiedet tgħid li tittama sinċerament li l-allegazzjonijiet huma infondati, u twissi li kwalunkwe għemil ħażin ikkonfermat jagħmel ħsara inġusta fil-konfront tal-isforzi u l-investiment konsiderevoli li saru fis-snin riċenti minn atleti, kowċis, uffiċjali, u voluntiera involuti fl-isports akkwatiċi f’Malta.

L-ASA tenniet ir-rieda tagħha li tikkoopera bis-sħiħ ma’ kwalunkwe awtorità nazzjonali jew internazzjonali jekk tinbeda investigazzjoni formali. Iddikjarat ukoll li se tieħu l-miżuri kollha fil-kompetenza tagħha sabiex tipproteġi l-integrità tal-isport u tiżgura r-responsabbiltà jekk ikun meħtieġ. Sa dak iż-żmien, l-assoċjazzjoni appellat għal rispett lejn il-proċess dovut.

More in Socjali