Dan ix-xahar se jkun qed jiftaħ it-tielet hub għall-vittmi tal-vjolenza domestika fl-Imtarfa

B’ċentru ġdid li se jopera 24 siegħa kuljum fl-Imtarfa, l-awtoritajiet qed ikomplu jsaħħu n-network ta’ servizzi speċjalizzati għall-vittmi tal-vjolenza domestika u vjolenza abbażi tal-ġeneru

 

Ritratt: Malta Police Force
Ritratt: Malta Police Force

Dan ix-xahar se jiftaħ il-bibien tiegħu t-tielet hub għall-vittmi tal-vjolenza domestika u vjolenza abbażi tal-ġeneru, din id-darba fl-Imtarfa, hekk kif ix-xogħlijiet ta’ rinovar jinsabu fl-aħħar fażi. Iċ-ċentru, li jinsab fit-Tramuntana tal-pajjiż, se jkun qed jopera 24 siegħa kuljum, tul is-sena kollha.

Il-hub fl-Imtarfa qed jinħoloq f’binja li qabel kienet l-Għassa tal-Pulizija tal-Imtarfa, li ġiet immodernizzata sabiex minnha topera t-Taqsima tal-Vjolenza Domestika u Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru fi ħdan il-Korp tal-Pulizija. Dan l-iżvilupp jiġi wara l-ftuħ ta’ żewġ hubs oħra f’dawn l-aħħar snin, bħala parti minn strateġija usa’ biex is-servizzi jkunu aktar aċċessibbli fil-komunitajiet.

Iċ-ċentru se joffri diversi servizzi ta’ appoġġ u assistenza professjonali, inkluż servizz speċjalizzat mill-pulizija, professjonisti u ħaddiema mħarrġa f’dan il-qasam, kif ukoll minn entitajiet oħra relevanti. Il-faċilitajiet huma mfassla biex jiżguraw ambjent sigur u privat għall-vittmi, inkluż spazji apposta fejn ikunu jistgħu jagħtu x-xhieda tagħhom ’il bogħod mill-aggressur.

Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà qal li fl-ewwel ħames snin mit-twaqqif tat-taqsima speċjalizzata, il-Korp irreġistra żieda ta’ kważi 70% fir-rapporti ta’ vjolenza domestika. Skontu, din iż-żieda hija riżultat ta’ servizz aktar professjonali, sensittiv u empatiku, kif ukoll ta’ investiment kontinwu fl-edukazzjoni u t-taħriġ tal-uffiċjali.

Huwa żied li l-aħħar stħarriġ tal-Eurostat juri li Malta għandha l-ogħla rata ta’ rapporti ta’ gender-based violence fl-Ewropa, b’48%, kważi d-doppju tal-medja Ewropea. Illum, madwar 70 uffiċjal joperaw esklussivament f’dan is-settur, inkluż fil-gżejjer Maltin u Għawdxin.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri sostna li l-ftuħ tat-tielet hub jikkonferma l-impenn tal-Gvern li jkompli jsaħħaħ il-protezzjoni u l-appoġġ lill-vittmi. Huwa fakkar fl-iżviluppi ewlenin li seħħew f’dawn l-aħħar snin, fosthom it-twaqqif tal-Victim Support Agency, bidliet leġiżlattivi u l-introduzzjoni ta’ miżuri ġodda bħall-panic alarms.

Il-hub il-ġdid fl-Imtarfa mistenni jkompli jsaħħaħ is-servizzi fil-qalba tal-komunitajiet u jressaq aktar viċin l-għajnuna u l-protezzjoni lil dawk li l-aktar għandhom bżonnha, f’pass ieħor fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika f’Malta.

More in Socjali