Omar Farrugia jfaħħar il-proġett ta’ Ta’ Qali iżda jinjora l-kontroversja taż-żrar fil-picnic area

 

Segretarju Parlamentari Omar Farrugia ma jagħmel l-ebda referenza għall-kontroversja taż-żrar ta’ Ta’ Qali waqt id-diskors tal-estimi tal-baġit

Omar Farrugia, għażel li ma jindirizzax il-kontroversja dwar iż-żrar fil-picnic area ta’ Ta’ Qali National Park waqt li kien qed jitkellem fil-Parlament nhar it-Tlieta filgħodu.

Farrugia, li taħtu jaqa’ l-immaniġġjar tal-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali, kien qed jitkellem waqt id-dibattitu dwar l-estimi tal-baġit tal-Ministeru tat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi.

Huwa faħħar lill-Gvern Laburista għall-ħidma mwettqa fil-proġett ta’ Ta’ Qali, li ddeskrivieh bħala “l-akbar park nazzjonali li qatt sar f’Malta.”

“Trasformazzjoni minn fabbrika illegali għal żona ta’ kunċerti”

Fid-diskors tiegħu, Farrugia fakkar fit-trasformazzjoni ta’ fabbrika illegali tal-konkos f’żona għall-kunċerti, li skonthu kienet “l-akbar riġenerazzjoni li qatt saret.”

Madankollu, waqt li kellem b’entużjażmu dwar il-proġetti ta’ riġenerazzjoni, Farrugia ma semma xejn dwar il-kontroversja li nħolqot wara d-deċiżjoni tal-amministrazzjoni tal-park li tkopri l-picnic area biż-żrar.

Id-deċiżjoni – meħuda mid-direttur tal-park Jason Micallef – kienet ġiet ġġustifikata bħala pass biex jitnaqqas it-trab u tittejjeb il-kwalità tal-ħamrija. Iżda din il-mossa qajmet xokk u kritika minn bosta nies, inklużi esperti ambjentali.

Minflok ma spjega pubblikament ir-raġunijiet wara l-proċess li wassal għal din id-deċiżjoni, Micallef hedded lil podcaster b’azzjoni legali u ċanfar lill-politiku indipendenti Arnold Cassola, billi sejjaħlu “raġel ta’ 70 sena” u “Mr two per cent.”

Il-moviment Momentum kien ikkundanna din l-imġiba, akkużah b’nuqqas ta’ rispett u ridikolar tal-età ta’ Cassola.

Silenzju totali minn Farrugia

Farrugia ma wieġebx għall-mistoqsijiet mibgħuta mill-gazzetta oħt, MaltaToday il-ġimgħa li għaddiet dwar il-kontroversja tal-gravel u l-kummenti ta’ Micallef.

Lanqas waqt l-intervent tiegħu fil-Parlament ma għamel ebda referenza għall-kwistjoni jew għall-kritika pubblika li qamet.

Minflok, Farrugia sostna li l-Gvern Laburista se jħalli “wirt ta’ investiment fit-tul u mhux abbandun” f’Ta’ Qali, u rringrazzja lill-ħaddiema kollha involuti fil-proġetti ta’ riġenerazzjoni tal-park.

More in Socjali