Installazzjoni solari ta’ 888 panella fotovoltajika fl-impjant tar-Reverse Osmosis ta’ Lapsi issa qed tipprovdi enerġija nadifa wara li saret konnessjoni mal-grid elettriku. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija, Miriam Dalli, waqt żjara fis-sit flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC), Karl Cilia.
B’investiment ta’ €600,000 ffinanzjat permezz tal-Green Bonds, il-proġett jkopri saqaf ta’ 3,300m² u għandu sistema b’kapaċità totali ta’ 515 kWp. Il-pannelli mistennija jiġġeneraw madwar 820,000 kWh ta’ enerġija kull sena, biżżejjed biex tipprovdi enerġija għal madwar 190 dar, u b’hekk tnaqqas b’mod sinifikanti d-dipendenza fuq il-fossil fuels.
“Bi proġetti bħal dan, qed ninvestu mhux biss f’enerġija aktar nadifa iżda wkoll fil-futur ta’ Malta,” qalet il-Ministru Dalli. “Permezz tal-Green Bonds, l-investiment pubbliku qed jgħin fil-kostruzzjoni ta’ sistema enerġetika sostenibbli u fil-ħolqien ta’ legat għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.”
Il-Kap Eżekuttiv Karl Cilia żied jgħid li l-proġett huwa eżempju ċar tal-impenn tal-Korporazzjoni lejn sostenibbiltà u responsabbiltà ambjentali. “Dan huwa t-tmiem ta’ proġett ieħor ta’ enerġija solari f’Lapsi u juri kif il-Korporazzjoni qed tmexxi l-inizjattivi ekoloġiċi innovattivi fuq skala kbira,” spjega.
Din l-installazzjoni tappoġġja l-miri wiesgħa tal-Korporazzjoni għall-investiment f’sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u tikkontribwixxi għall-għanijiet nazzjonali ta’ Malta fir-rigward tal-enerġija nadifa. Il-proġett huwa parti mill-użu tal-qligħ mill-ewwel Green Bonds tal-pajjiż, introdotti sentejn ilu, li jipprovdu opportunità għal investituri biex jappoġġjaw inizjattivi ekoloġiċi sostenibbli.