Titjib fl-iskema tal-Energy Audits li se twassal għal aktar appoġġ lill-SMEs u tisħiħ fl-innovazzjoni sostenibbli

Il-Malta Engineering Excellence Awards jiċċelebraw is-sostenibbiltà u l-innovazzjoni f’attività ta’ tħawwil ta’ siġar

(Ritratt: Id-Dipartiment tal-Informazzjoni)
(Ritratt: Id-Dipartiment tal-Informazzjoni)

L-iskema l-ġdida tal-Energy Audits se tkun qed talloka żieda fil-fondi biex jiġu megħjuna iktar negozji żgħar u medji, f’firxa ta’ setturi differenti.

Maħluq biex inaqqas in-nefqa fl-operat u jsaħħaħ is-sostenibbiltà, l-iskema tal-Energy Audits maħruġa mill-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika permezz tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, issa qed toffri grant li jvarja bejn €2,500 u €6,000, li jagħti iktar opportunità lill-kumpaniji li jibbenefikaw minn assessjar personalizzat tal-użu tal-enerġija u l-ilma tal-kumpanija. Dan il-grant se jkun qed jagħmilha aktar faċli lil kumpaniji biex jissieħbu u jagħmlu dan l-Energy Audit, fuq medda ta’ setturi ġodda li ġew miżjuda fil-kriterji.

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli faħħret il-potenzjal ta’ din l-inizjattiva li se tagħti spinta l-progress ta’ Malta fl-innovazzjoni sostenibbli. “Aħna kommessi li nkomplu nassistu u niggwidaw lill-intrapriżi lejn futur responsabbli. Permezz ta’ Energy Audits iktar aċċessibbli, qed inwittu t-triq għall-kumpaniji biex ikunu jistgħu jaddottaw prattiċi iktar nodfa, inaqqsu l-footprint ambjentali, u nsaħħu r-riżorsi ta’ Malta għal ġenerazzjonijiet li ġejjin.”

Minbarra t-titjib fl-effiċjenza, din l-iskema l-ġdida tikkumplimenta l-premju fi ħdan il-Malta Engineering Excellence Award (MEEA), li jiċċelebra kisbiet eċċezzjonali fil-konservazzjoni tal-enerġija u l-ilma.

Bħala parti mill-inizjattivi marbuta ma’ dawn il-premjijiet, total ta’ erbgħin siġra ġew imħawla fi Ġnien Milbrae l-Mosta - inizjattiva mnedija permezz tal-Premju għas-Sostenibbiltà fl-Enerġija u l-Ilma tal- Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma, b’kollaborazzjoni mal-Kamra tal-Inġiniera. Dan il-premju għandu l-għan li jagħti rikonoxximent lil intrapriżi privati li jimplimentaw proġetti li jkollhom impatt sinifikanti fuq l-użu tal-enerġija u tal-ilma. L-inizjattiva tat-tħawwil tas-siġar, minbarra r-rebbieħa rat il-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti mill-Aġenzija kif ukoll membri tal-Kamra tal-Inġiniera.

Ir-rebbieħ tal-Premju 2024 kien STMicroelectronics għall-Implimentazzjoni ta’ Sistemi ta’ Trattament tal-Ilma Avvanzat u Wastewater, li introduċa r-riċiklaġġ tal-wastewater industrijali, u naqqas 52,000 m³ ta’ ilma importat – ekwivalenti għal 32% tal-konsum totali tal-ilma mhux ipproċessat tal-kumpanija għas-sena 2023. Fit-tieni post kien hemm l-Eden Leisure Group, u fit-tielet post kienu Crane Currency u Busy Bee Ltd.

Matul il-ħames edizzjonijiet tiegħu, il-Premju rċieva total ta’ 22 nomina, riflessjoni tat-tkabbir kontinwu tal-innovazzjoni sostenibbli f’Malta.

Inġ. Charles Buttigieg, Chief Policy Officer fl-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma, esprima s-sodisfazzjon tiegħu bl-interess dejjem jikber fil-Premju għas-Sostenibbiltà fl-Enerġija u l-Ilma, u qal kif “sena wara oħra, huwa tassew ta’ sodisfazzjon li naraw l-interess dejjem jiżdied min-naħa tal-kumpaniji biex jipparteċipaw f’dawn il-Premjijiet u wkoll fl-Iskema tal-Energy Audits tagħna. Dan mhux biss jinkoraġġixxi l-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi u prattiċi sostenibbli biex titnaqqas il-carbon footprint, iżda wkoll ispirazzjoni għal aktar negozji biex jieħdu sehem u jikkontribwixxu.”

Għal aktar informazzjoni dwar l-Iskema tal-Energy Audits jew biex tissottometti l-applikazzjoni, żur is-sit tal-EWA energywateragency.gov.mt/energyaudits/ jew ikkuntattja [email protected].

More in Socjali