Skont l-aħħar statistika maħruġa mill-Wellbeing INDEX Project u l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), l-istorbju u t-tniġġis qed jaffettwaw is-saħħa mentali tar-reżidenti, b’wieħed minn kull tlieta jgħidu li huma esposti għal ħsejjes storbjużi fl-akkwati tagħhom.
“Hekk kif iż-żoni urbani jikbru, in-numru ta’ nies esposti għal ambjent storbjuż kiber f’salt b’21,403 persuni għal total ta’ 143,684 fl-2023,” qalet l-ekonomista Marie Briguglio, il-mexxejja tal-proġett. “161,708 persuni oħra jgergru li jgħixu f’ambjent imniġġes (imqabblin ma’ 140,901 fl-2022)”.
Barra minn hekk, Briguglio żiedet tgħid li “67,703 persuni f’Malta jirnexxilhom iħossuhom kalmi ‘għal ftit tal-ħin, jew qatt’.”
L-istatistika tikxef ukoll is-sitwazzjoni kumplessa tas-soċjetà Maltija hekk kif hemm iktar barranin jgħixu Malta li jirrappurtaw iktar sodisfazzjon b’ħajjithom mill-Maltin stess.
Apparti hekk, l-anzjani jirrappurtaw iktar sodisfazzjon bil-ħin tagħhom iżda jirrappurtaw li jħossuhom waħedhom iktar spiss; u l-ġenituri waħedhom jirrappurtaw inqas benessri inġenerali.
L-istatistika turi wkoll li kien hemm staġnar fis-sodisfazzjon bil-ħajja u bix-xogħol u morna agħar fis-sodisfazzjon bil-ħin, xi ħaġa li diġà ma konniex immorru tajjeb fiha.
U minkejja li ġeneralment immorru aħjar mill-medja tal-Unjoni Ewropea fejn jidħol is-sodisfazzjon bil-ħajja, xorta waħda nżilna fil-klassifikazzjoni dinjin skont l-aħħar rapport tal-World Happiness Report.
U biex tgħaxxaq, l-istatistika turi wkoll li n-numru ta’ nies li jgħixu “f’miżerja assoluta” żdied għal 8,323 persuna fl-2023, minn 5,398 persuna fl-2022.
“Għandna nħarsu l-benessri ta’ dawk li m’għandhomx daqstant ġid. Jeħtieġ li noqogħdu attenti għal dawk bla impjieg, dawk li jgħixu fin-nuqqas, il-morda, dawk li jgħixu f’akkomodazzjonijiet ta’ kwalità baxxa, dawk li jesperjenzaw storbju fil-viċinanzi, u l-ġenituri waħedhom, li kollha jsofru livell aktar baxx ta’ benessri skont diversi indikaturi fuq bosta snin. Dan jidher ċar għal kulħadd,” qalet Briguglio.
L-eks President ta’ Malta u l-fundatriċi tal-Fondazzjoni Maltija għall-Ġid tas-Soċjetà (MFWS) Marie-Louise Coleiro Preca qalet, “Dan il-proġett huwa aktar minn sempliċi riċerka; huwa sejħa għall-azzjoni. Huwa dwar li naraw li kull politika, kull inizjattiva u kull deċiżjoni tikkontribwixxi għal soċjetà fejn kull individwu jista’ jgħix ħajja sodisfaċenti u dinjituża. Flimkien, ejjew nippromwovu futur fejn il-benessri ma jkunx biss kunċett, imma realtà għal kull persuna f’Malta.”
Il-Wellbeing INDEX Project tnieda erba’ snin ilu mill-MFWS u l-Università ta’ Malta biex iservi bħala repożitorju ta’ data dwar il-benessri tal-gżejjer Maltin mingħajr ma jikkunsidraw biss il-Prodott Domestiku Gross ta’ Malta.