Bħalissa f’pajjiżna hawn żewġ bejtiet tal-fkieren li nafu bihom u li għaddejja ħidma kontinwa sabiex ikun żgurat li dawn il-bejtiet ikunu protetti fix-xhur li ġejjin sabiex il-bajd tal-fkieren ifaqqsu u l-frieħ isibu ruħhom fil-baħar mingħajr problemi.
Għaqda mhux governattiva li hija fiċ-ċentru ta’ din il-ħidma hija n-Nature Trust, li tkellmet mal-ILLUM dwar il-proċess twil wara l-protezzjoni tal-bejtiet. Il-President ta’ Nature Trust, Vince Attard, stqarr li din is-sena l-għaqda kienet ferm aktar preparata biex tilqa’ l-wasla tal-fkieren li jitilgħu fuq il-bajjiet Maltin u Għawdxin biex ibejjtu.
Huwa stqarr li l-ewwel bejta li ġiet identifikata din is-sena fir-Ramla l-Ħamra f’Għawdex kienet riżultat ta’ moniteraġġ li sar fuq din il-bajja minn voluntier tal-għaqda, li nnota l-passi ta’ fekruna tiela’ fuq ir-ramel mill-baħar u jmorru lura. Bl-istess mod kienu ġew identifikati l-istess passi fil-bajja tal-Ġnejna ftit jiem wara.
Hekk kif ġie vverifikat li l-fekruna verament biedet, l-għaqda nnotifikat lill-Awtorità tar-Riżorsi u l-Ambjent (ERA), u f’koperazzjoni bejn l-awtorità u Nature Trust, beda l-proċess ta’ moniteraġġ. Dan il-proċess jista’ jdum minn 50 sa anke 70 ġurnata, sakemm il-bajd ifaqqsu. Vince Attard spjega li fekruna tista’ tbid mal-100 bajda, iżda ftit huma l-fkieren li jgħixu sakemm jilħqu l-maturità.
Għalhekk, Attard spjega li b’mod kontinwu jsir moniteraġġ tar-ramel madwar il-bejta għal numru ta’ raġunijiet, fosthom biex ikun aċċertat li l-umdità tar-ramel tkun ta’ livell tajjeb. Isir moniteraġġ ukoll fuq l-attivitajiet tan-nies fuq il-bajjiet u saħansitra anke kontra predaturi naturali bħall-granċijiet u ġrieden li jistgħu jieklu l-bajd tal-fkieren.
Hekk kif jgħaddu bejn 50 u 70 ġurnata u jkun sar iż-żmien li jibdew ifaqqsu dawn il-bajd, Attard jinnota li jkun għad fadal proċess ieħor biex il-fkieren jaslu fl-abitat tagħhom mingħajr periklu. Hawn il-voluntiera u l-ħaddiema jibdew bil-mod jiftħu l-bejta u jgħinu l-frieħ li jkunu isfel nett tal-bejta biex jitilgħu fil-wiċċ, fejn jibdew jimxu lejn il-baħar.
Vince Attard innota li bħalissa, jiġifieri bejn Mejju u l-aħħar t’Awwissu, huwa ż-żmien fejn jibdew jitilgħu l-fkieren biex ibejjtu u għalhekk, wieħed irid joqod attent meta jżur xi bajja bir-ramel, għax jista’ jkun li jkun qed jimxi fuq bejta tal-fkieren mingħajr ma jaf. “Jekk wieħed jinnota bejta jew anke fekkruna tiela’ mill-baħar għall-art, importanti li jċempel lil Nature Trust fuq 9999 9505 sabiex jiġu nies professjonali u jħarsu l-bejta,” appella Attard.
Huwa fakkar f’dak li kien ġara fl-2020 fil-bajja tal-Fajtata, hekk kif kienet instabet bejta ta’ fkieren ċkejknin li sfortunatament kienu lkoll mejta minħabba li ħadd ma kien jaf li kien hemm bejta. Minħabba dan, l-attivitajiet tan-nies fuq il-bajja għamluha diffiċli biex il-fkieren ikunu jistgħu joħorġu mir-ramel u jimxu lejn il-baħar.
Minkejja dan l-inċident, Attard innota li l-2020 kienet sena tajba ħafna għall-fkieren, hekk kif pajjiżna ra seba’ bejtiet fi staġun wieħed. Stqarr li biex ikun hemm aktar minn dawn is-suċċessi u l-fkieren tal-Mediterran ikomplu jkabbru l-popolazzjoni tagħhom, Nature Trust għandha bżonn il-voluntiera.
Għalhekk, Attard appella lil kull min jixtieq ikun attiv fil-ġlieda biex jiġu konservati dawn il-ħlejjaq meraviljużi biex jibgħat fuq [email protected] għal aktar informazzjoni dwar kif jista’ jgħin f’dan l-għan nobbli.